L-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes (AVL) f’pellegrinaġġ tal-morda f’Lourdes

L-Arċisqof Emeritus Mons Pawl Cremona O.P. mexxa l-pellegrinagg għal Lourdes li sar bejn it-30 ta’ Awwissu u l-4 ta’ Settembru 2018. Grupp ta’ mija u tnejn u disgħin pellegrini Maltin ħadu sehem f’dan il-pellegrinaġġ organizzat kull sena mill-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes (AVL).

Minbarra l-pazjenti, il-grupp kien magħmul fost oħrajn minn voluntiera fosthom żgħażagħ, tobba, infermiera, carers u saċerdoti. Kull pazjent kellu wieħed jew żewġ carers miegħu skont l-esiġenzi tal-kaz. Kien hemm ukoll tobba u nfermiera mir-Renal Unit fl-Isptar ta’ Mater Dei li raw li pazjenti setgħu ikollhom trattament tad-Dialysis kemm damu f’Lourdes.

Il-grupp ħa sehem fil-purċissjoni Aux Flambeaux fejn Mons Cremona ta l-barka fit-tmiem tagħha, fil-Via Sagra kif ukoll fil-quddiesa internazzjonali li kienet iċċelebrata l-Ħadd. Huma kellhom ukoll quddiesa bil-Malti fil-grotta stess.

Kull sena, l-Assoċjazzjoni tgħin persuni morda biex jagħmlu l-vjaġġ minn Malta għall-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes, fejn dehret għall-ewwel darba lil Bernardette Soubirous fil-11 ta’ Frar tal-1858. L-Assoċjazzjoni tippromwovi d-devozzjoni universali lejn il-Madonna, torganizza u tikkordina pellegrinaġġi f’Lourdes għall-morda. Iġġib ukoll flimkien persuni dedikati u ispirati mill-karità biex ikunu voluntiera biex jgħinu il-morda matul il-pellegrinaġġi.

Dawk li jixtiequ jingħaqdu mal-Assoċjazzjoni għall-pellegrinaġġ tas-sena ddieħla f’Lourdes, jistgħu jidħlu fil-Facebook page tal-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes – AVL.

Dan il-pellegrinaġġ kien suċċess bil-pariri siewja u appoġġ finanzjarju tal-Air Malta u tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.

Għotja ta’ €1,000 mis-St. Paul Chamber Ensemble lid-Dar tal-Providenza

Is-St. Paul Chamber Ensemble taw €1,000 lid-Dar tal-Providenza mid-dħul minn kunċerti li għamlu aktar kmieni din is-sena: Il-preżentazzjoni tal-‘Messa da Requiem’ f’Marzu li għadda u l-kunċerti mill-Hässelby Motet Choir tal-Isvezja f’Mejju.

Meta ġie ppreżentat biċ-ċekk ta’ €1,000, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, irrinigrazzja lill-organizzaturi, il-kumitat u l-isponsors li kienu parti minn dawn il-kunċerti.

Il-kumpaniji li għenu bħala sponsors kienu il-Garden of Eden Garage, GasanMamo Insurance, Pillow Spaceframe, Gozo Concrete Products Ltd., Dallas Furniture, Lighting & Interiors, Resin&Membrane Centre u Jade Sofas.