Quddiesa b’sufraġju għal Mons. Mikiel Azzopardi

Nhar is-Sibt 10 ta’ Mejju, id-Dar tal-Providenza flimkien mal-Azzjoni Kattolika Maltija organizzaw quddiesa b’sufragju għall-fundatur tad-Dar, Mons. Mikiel Azzopardi fl-okkażjoni tat-38 anniversarju mill-mewt tiegħu. Huwa kien miet fit-13 ta’ Mejju 1987 fl-eta ta’ 77 sena.

Il-quddiesa kienet iċċelebrata mill-Assistent Ekkleżjastiku taż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika (ZAK) Fr Reuben Gauci, flimkien ma’ Mons. Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza. Għal din il-quddiesa kienu preżenti, r-residenti tad-Dar, impjegati, voluntiera, id-Direttorat tal-Azzjoni Kattolika Maltija u l-anzjani tar-residenza tal-anzjani li tmexxi l-Knisja, Casa Leone ta’ San Ġiljan.

Fl-omelija tiegħu, Fr Martin tkellem dwar il-kwalitajiet tar-Ragħaj it-Tajjeb u qal li dawn kienu riflessi f’nies li Alla bagħtilna bħala rigal fosthom il-mibki Papa Franġisku, lill-Papa l-ġdid, Iljun XIV u Mons. Mikiel Azzopardi. Mons. Micallef fakkar li llkoll kemm aħna msejjħa biex inkunu ragħajja skont il-qalb ta’ Alla, skont is-sejħa partikolari tagħna u fl-ambjenti kollha li fihom ngħixu u naħdmu.

Fl-aħħar tal-quddiesa, il-President tal-Azzjoni Kattolika Maltija, Marija Cachia, rringrazzjat lir-residenti u impjegati tad-Dar tal-Providenza tal-merħba li taw, kif ukoll lir-residenti ta’ Casa Leone li flimkien mal-persuni responsabbli mit-tmexxija tad-dar u tal-uffiċċju Djoċesan għad-Djar tal-anzjani laqgħu l-istedina biex jattendu. Dan hu appuntament li jinżamm ta’ kull sena mhux biss b’rispett lejn Mons Mikiel Azzopardi imma wkoll b’rispett lejn dak li jirrapreżenta. Kif Dun Martin qal fl-omelija tiegħu, Mons Azzopardi kien iqiegħed l-Evanġelju fi prattika speċjalment b’rispett lejn id-dinjità ta’ kull persuna sa mill-konċepiment għall-mewt naturali tagħha.

Il-Papa Ljun XIV fakkarna li Alla jħobb lil kulħadd mingħajr kundizzjoni. Forsi dawn huma kliem li bħala soċjetà neħtieġu niġu mfakkra fihom.

Strieħ fis-sliem, Frankie

Frankie Bonello, resident għal bosta snin fir-Dar tal-Providenza, miet il-Ħadd, 11 ta’ Mejju 2025, filgħaxija u ngħaqad mal-Mulej fis-sema.

Frankie, kien il-wiċċ tad-Dar tal-Providenza, kellu karattru ferrieħi u kien il-ħabib ta’ kulħadd u kulħadd kien ħabib tiegħu.

F’post fuq facebook, Mons. Martin Micallef qal li għaxar snin ilu Frankie kellu l-opportunità jiltaqa’ u jgħannaq lil Papa Franġisku, ħdejn Casa Santa Marta, fil-Belt tal-Vatikan.

L-Arċisqof Charles J. Scicluna, li kien preżenti mal-grupp ta’ residenti, ħaddiema u volontiera li kienu Ruma fl-okkażjoni tal-50 anniversarju tad-Dar tal-Providenza,  kien qal li r-residenti stennew li jasal il-Papa b’ħerqa kbira u Frankie ħa l-opportunità li lill-Papa jgħannqu tliet darbiet. U l-Papa ħa pjaċir b’din it-tgħannieqa.

Fr Martin qal li llum Frankie żgur li reġa’ għannaq lil Papa Franġisku, din id-darba fis-sema fejn it-tnejn qed igawdu lil Mulej. Għal dawk kollha li kienu jafuh, Frankie jibqa’ bħala persuna b’imħabba sinċiera u ġenwina.

Il-funeral tiegħu ser isir nhar il-Ħamis 15 ta’ Mejju 2025, fil-kappella tad-Dar tal-Providenza fl-4:00 pm