Inawgurata wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fil-Parlament ta’ Malta b’risq id-Dar tal-Providenza

 

F’diskors tal-ftuħ, Mons. Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, irrefera għal dak li sejjaħ unur kbir għad-Dar li propju fis-60 anniversarju mit-twaqqif tagħha, l-Istat Malti f’Jum ir-Repubblika ta’ din is-sena, għoġbu jirrikonoxxi l-ħidma li wettqet tul dawn is-snin bl-għoti tal-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika. Huwa stqarr li waqt li kien qed jirċievi dan l-unur Nazzjonali mill-President ta’ Malta kien emozzjonat ħafna  u ġab quddiem għajnejh tant nies ibda mill-fundatur tad-Dar Monsinjur Mikiel Azzopardi; is-suċċessur tiegħu Monsinjur Lawrence Gatt, is-Sorijiet tal-Karità, l-amministraturi passati u preżenti, tant impjegati u voluntiera u mhux l-inqas il-poplu Malti u Għawdxi, li l-ġenerożità bla waqfien tiegħu sostniet din l-opra għal sittin sena sħaħ.

Huwa rringrazzja lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Dott. Anġlu Farrugia, li għal dawn l-aħħar disa’ snin offra l‑bini tal‑Parlament  lid-Dar tal-Providenza. Kemm ilha ssir din l‑esibizzjoni fil‑Parlament u mill‑irkantijiet li saru, id‑Dar daħħlet is-somma sabiħa ta’ tliet mija tmienja u ħamsin elf, erba’ mija u żewġ ewro.  Is-sena l-oħra intlaħqet  is-somma rekord ta’ tnejn u erbgħin elf ewro. Din is-sena fil-wirja hemm 106 biċċa xogħol tal‑arti mill‑isbaħ kemm ta’ artisti Maltin u barranin kif ukoll xogħol ieħor ta’ Tonio Mercieca, artist li jpenġi b’ħalqu u li jgħix fid-dar tal-Qawra, waħda mid-djar fil-komunità. Hemm ukoll żewġ persuni oħra b’diżabilità li qed jieħdu sehem f’din l-esibizzjoni.

Fid-diskors tal-ftuħ tal-Wirja, l-Ispeaker Dott. Farrugia qal li din mhijiex okkażjoni oħra fil-kalendarju. Din hija wegħda li tibqa’ tmiss il-qalb tagħna bħala poplu.

L-Ispeaker saħaq li din l-inizjattiva saret tradizzjoni li tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Parlament favur il-ġid komuni u l-appoġġ lejn persuni li jeħtieġu kura u sostenn. Huwa rringrazzja lir-residenti tad-Dar tal-Providenza, kif ukoll lill-ħaddiema u l-voluntiera li jaħdmu b’dedikazzjoni sabiex kull persuna tingħata kura u dinjità. Huwa sellem ukoll lill-Mons. Martin Micallef għat-tmexxija u l-impenn tiegħu.

Dott. Farrugia sostna li l-Parlament se jkompli jappoġġja inizjattivi ta’ solidarjetà u appella biex din il-ġenerożità tkompli wkoll fil-futur.

L‑irkant ta’ dawn ix‑xogħlijiet ser isir online nhar l‑Ewwel tas‑Sena waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità u se jitmexxa minn Belgravia Auctions.   Din il‑wirja se tkun qed terġa’ tittella’ fis‑sala tad‑Dar tal‑Providenza nhar l‑1 ta’ Jannar meta se jkun qed isir l‑irkant.

Mons. Micallef kompla jgħid li grazzi għall‑appoġġ sħiħ tas-soċjetà Maltija, id‑Dar tal‑Providenza tibqa’ impenjata li tkompli ttejjeb il‑kwalità tal‑ħajja tar‑residenti u s‑servizzi li toffri u anke biex ir‑residenti jkunu inklużi u jipparteċipaw dejjem aktar fil‑ħajja tal‑komunitijiet tagħna.

Huwa temm billi ħeġġeġ lill‑poplu Malti u Għawdxi biex fl‑1 ta’ Jannar  ikompli jagħmel dan waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità li din is‑sena se terġa’  ssir fil‑car park tad‑Dar, fis‑Siġġiewi, imma anke permezz tal‑irkant.

 

Id-Dar tal-Providenza tingħata l-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika

Messaġġ minn Mons. Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza,

fl-okkażjoni tal-għoti ta’ dan il-Ġieħ

F’Jum ir‑Repubblika, id‑Dar tal‑Providenza tħossha onorata bl‑għoti tal‑Unur mogħti lilha mill‑Istat Malti u tilqa’ dan b’qalb mimlija gratitudni. Qed nirċievu dan ir‑rikonoxximent f’isem il‑qalb tad‑Dar tal‑Providenza: il‑persuni b’diżabilità li sabu dar, familja u futur ġewwa d‑Dar fis‑Siġġiewi u djar fil‑komunità

Nirċevuh f’isem il‑fundatur tagħna, Monsinjur Mikiel Azzopardi, li l‑viżjoni tiegħu xegħlet fjamma ta’ mħabba, kif ukoll lil Monsinjur Lawrence Gatt li serva bħala Direttur għal 22 sena sħaħ b’dedikazzjoni kbira. Nirċevuh f’isem il‑poplu Malti u Għawdxi, li l‑ġenerożità bla waqfien tiegħu sostniet din l‑opra għal sittin sena sħaħ, u f’isem l‑amministraturi passati u preżenti, kif ukoll kull impjegat u voluntier li jservi b’dedikazzjoni kbira.

B’mod speċjali ħafna, nilqgħu dan l‑unur ukoll f’isem is‑Sorijiet tal‑Karità, li servew lid‑Dar għal 55 sena sħaħ.  Il‑preżenza siekta u kostanti tagħhom sostniet lid‑Dar tal‑Providenza sal‑2020, u pprovdiet mhux biss sapport, iżda s‑sinsla spiritwali tal‑missjoni tagħna.

Hekk kif qed infakkru sitt deċennji ta’ storja, ħarsitna tħares lejn il‑futur. Quddiem sfidi ġodda, niftakru li l‑inklużjoni vera mhijiex biss dwar appoġġ jew kura, iżda li kull persuna titħalla tgħix ħajja b’dinjità, bi skop u li tkun parti sħiħa mis‑soċjetà.

Aħna nemmnu li l‑persuni b’diżabilità kollha huma ċittadini l‑ewwel u qabel kollox, bi drittijiet u responsabbiltajiet sħaħ. L‑irwol tagħna ’l quddiem mhuwiex li niddefinixxu ħajjithom aħna, iżda li niftħu l‑bibien għall‑ħajja li jagħżlu huma ‑ ħajja definita mil‑libertà, relazzjonijiet u opportunitajiet ugwali.

Niddedikaw dan l‑unur lil kull min qed jimxi magħna f’din it‑trasformazzjoni. Iċ‑ċittadinanza mhijiex xi ħaġa li tingħata b’rigal; hija xi ħaġa li titwettaq flimkien. Grazzi lil kull min qed jimxi dan il‑vjaġġ magħna.

Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza fl-Ewwel ta’ Jannar 2026

Għal darb’oħra, il‑Festa ta’ Ġenerożità b’risq id‑Dar tal‑Providenza se terġa’ tiġi organizzata nhar l‑1 ta’ Jannar, taħt it‑tinda l‑kbira fil‑parkeġġ tad‑Dar, fis‑Siġġiewi. Dan  tħabbar  mid‑Direttur tad‑Dar, Mons. Martin Micallef, waqt konferenza għall‑media li saret nhar l‑Erbgħa 10 ta’ Diċembru 2025.

Bħalma sar waqt edizzjonijiet riċenti, il‑Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l‑istazzjonijiet ewlenin tat‑televixin bejn l‑10:00am u nofsillejl. Fid‑9:30am, TVM2 ixandar il‑quddiesa mill‑kappella tad‑Dar li se titmexxa mill‑E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.

Mons. Micallef qal li s‑sena 2025 kienet sena speċjali għad‑Dar tal‑Providenza għax fakkarna s‑60 sena mit‑twaqqqif tagħha. Id‑Dar fakkret dan l‑avveniment billi investiet f’xiri ta’ żewġ flats fis‑Siġġiewi li se jkunu qed jospitaw tliet residenti kull wieħed li bħalissa qed jgħixu fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi. Id‑Dar qed tirranġa wkoll appartament fil‑Ħamrun fejn se tkun qed tgħix persuna b’diżabilita weħidha bis‑sapport meħtieġ.  Din il‑ħidma hija parti mill‑istrateġija tad‑Dar għas‑snin li ġejjin li tpoġġi d‑deistituzzjonalizzazzjoni fiċ‑ċentru tagħha fid‑dawl tal‑prinċipji tal‑Konvenzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti għad‑Drittijiet tal‑Persuni b’diżabilità billi toffri aktar servizzi residenzjali fil‑komunità u atternattivi oħra ta’ sapport skont ix‑xewqat tal‑persuna.

Barra minn dan din is‑sena tlesta wkoll proġett ta’ rinovar ta’ flat f’Villa Papa Giovanni fis‑Siġġiewi fejn qed noffru ambjent aktar dinjituża lil‑persuni li jgħixu fih. Id‑Dar kompliet tinvesti fir‑riżorsa umana anke b’impjieg ta’ professjonisti, taħriġ kontinwu lill‑impjegati, xiri ta’ apparat ġdid, manutenzjoni, u proġetti oħra biex tkompli ttejjeb is‑servizzi tagħha.

Fr Martin Micallef qal li tul dawn is‑snin id‑Dar setgħet toffri dawn is‑servizzi residenzjali grazzi għall‑appoġġ kontinwu tal‑poplu Malti u Għawdxi.

Il‑Festa ta’ Ġenerożità tal‑1 ta’ Jannar, hija appuntament annwali, fejn id‑Dar tista’ ddur lejn il‑poplu Malti u Għawdxi biex jgħinha finanzarjament biex tkun tista’ tkompli din il‑ħidma. Fil‑fatt, id‑Dar għandha bżonn madwar 7 miljun ewro kull sena biex topera.

Ms Nadine Camilleri Cassano, l‑Amministratur tad‑Dar tal‑Providenza tkellmet dwar id‑diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li se jsiru matul ix‑xahar ta’ Diċembru li jwasslu għall‑ewwel tas‑sena u kif il‑poplu jista’ jgħin fosthom l‑irkant tal‑arti li se jkunu għall‑wiri fil‑bini tal‑Parlament bejn il‑15 u s‑26 ta’ Diċembru, kif ukoll fis‑sala tad‑Dar tal‑Providenza fl‑1 ta’ Jannar 2026 meta se jkunu irkanati online.

Hija spjegat kif id‑donazzjonijiet għall‑maratona Festa ta’ Ġenerożità jistgħu jsiru mill‑lum stess sal‑ewwel tas‑sena b’wieħed minn dawn il‑mezzi.  Fil‑fatt, dawn id‑donazzjonijiet se jkunu inklużi fis‑somma totali li titħabbar fi tmiem il‑maratona fl‑1 ta’ Jannar 2026.

€15         51702013

€25         51802014

€50         51902085

€100      51302022

SMS €7   50618922

Wieħed jista’ wkoll jagħmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad‑Dar tal‑Providenza mal‑banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.

Donazzjonijiet via BOV Mobile u myAPS Payment to Mobile (P2M) jistgħu isiru fuq 7932 4834.

Aktar minn hekk, individwi jistgħu wkoll jibagħtu d‑donazzjoni tagħhom ta’ iżjed minn €20 permezz ta’ ċekk lid‑Dar tal‑Providenza, Triq Id‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi  SGW2822. Għandu jiġi nnutat li skont direttiva mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta ċekkijiet ta’ €20 u inqas ma jistgħux jissarfu mill‑banek Maltin.

Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl‑uffiċċju tad‑Dar tal‑Providenza, fi Triq San Pawl il‑Belt (wara s‑Suq l‑Antik), mit‑Tlieta sas‑Sibt filgħodu bejn id‑9:00am u 12:00pm, mill‑Paola Catholic Bookshop, kif ukoll mill‑Pjazza tar‑Rabat Malta minn nhar il‑Ħadd 14 ta’ Diċembru sal‑1 ta’ Jannar 2026.

Il-Grupp Flimkien Naslu jingħata l-Premju Mons. Mikiel Azzopardi 2025

Il‑Grupp Flimkien Naslu huwa r‑rebbieħ tal‑Premju Mons. Mikiel Azzopardi 2025. Dan ħabbru Mons. Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, waqt il‑kunċert vokali u strumentali mill‑banda tal‑Forzi Armati ta’ Malta li sar il‑Ġimgħa, 28 ta’ Novembru 2025. L‑E.T. il‑President ta’ Malta, Dott. Myriam Spiteri Debono, fil‑preżenza tal‑E.T. Mons Joseph Galea‑Curmi, Isqof Awżiljarju, ippreżentat il‑premju lis‑Sinjura Lourdes Camilleri Farrugia, Chairperson tal‑Grupp Flimkien Naslu.

Il‑kunċert sar fil‑Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl‑Imdina bil‑banda tal‑Forzi Armati ta’ Malta taħt it‑tmexxija tad‑Direttur Mużikali tagħha, il‑Maġġur Jonathan Borg u bi preżentazzjoni ta’ Amanda Ciappara Mizzi u Charles Saliba. Fil‑kunċert, Id‑Dar tal‑Providenza fakkret is‑60 sena mit‑twaqqif tagħha minn Mons. Mikiel Azzopardi kif ukoll il‑Jum Dinji tal‑Persuni b’Diżabilità li jitfakkar kull sena fit‑3 ta’ Diċembru.

Fl‑Ewropa, s‑sena 2003 kienet iddedikata għall‑persuni b’diżabilità. F’Malta, ntuża s‑slogan Flimkien Naslu. Dawn il‑kelmiet baqgħu ħajjin fl‑isem tal‑Grupp Flimkien Naslu, li ngħata l‑Premju Mons Mikiel Azzopardi. Il‑Grupp huwa organizazzjoni volontarja reġistrata li hi mmexxija minn persuni b’diżabilità intellettwali bis‑sapport ta’ persuni oħra. L‑għanijiet tal‑Grupp Flimkien Naslu huma li jgħin lill‑persuni b’diżabilità, ikun vuċi għalihom, li jieħdu ħsieb ta’ xulxin, li jkunu integrati fis‑soċjetà u jkollhom l‑opportunità jiltaqgħu ma’ xulxin.

Il‑Grupp huwa magħmul minn adulti, b’etajiet varji. Filwaqt li l‑membri għandhom opportunitajiet oħra biex jissoċċjalizzaw mal‑ħbieb, kollegi u membri tal‑familja tagħhom, huma dejjem jieħdu sehem fl‑attivitajiet tal‑Grupp Flimkien Naslu b’ħerqa kbira, għax ikollhom opportunità jiltaqgħu flimkien u jaqsmu esperjenzi flimkien.

F’diskors tal‑okkażjoni, Mons. Martin Micallef appella biex bħala soċjetà nkomplu nemmnu b’atti verament konkreti li kull persuna b’diżabilità l‑ewwel u qabel kollox ghandha d‑drittijiet umani fundamentali tagħha u hi wkoll ċittadina bid‑drittijiet u r‑responsabilitajiet kollha u li r‑rwol tagħna hu li niftħulhom il‑bibien għall‑ħajja li jixtiequ jgħixu u mhux niddefinixxu ħajjithom aħna għalihom. Iċ‑ċittadinanza mhijiex xi ħaġa li tingħata—imma xi ħaġa li nirrealiżżawha flimkien.

Huwa żied jgħid li Id‑Dar tal‑Providenza, li din is‑sena qed tiċċelebra s‑sittin sena mit‑twaqqif tagħha, tibqa’ kommessa li flimkien mal‑persuni b’diżabilità, il‑familji tagħhom, stakeholders f’dan is‑settur u l‑komunitajiet tagħna, tkompli taħdem biex il‑persuni b’diżabilità jkollhom l‑opportunità bi dritt li jgħixu ħajja mibnija fuq l‑għażliet tagħhom stess; ikollhom l‑opportunità bi dritt li jappartjenu għall‑komunità, li jibnu relazzjonijiet, jikkontribwixxu bit‑talenti, il‑kapaċitajiet u l‑kreattività tagħhom u jkollhom ugwaljanza ta’ opportunitajiet b’aċċess għal riżorsi, postijiet, djar u rwoli li jippermettu parteċipazzjoni sħiħa fis‑soċjetà, u mhux għal akkomodazzjoni ta’ klassi inferjuri jew ambjenti emarġinati.

Mons. Micallef temm jgħid li l‑fundatur tad‑Dar tal‑Providenza, Mons. Mikiel Azzopardi u pijunieri oħra għamlu aktar milli waqqfu istituzzjoni. Huma ħeġġew qawmien kulturali, kissru l‑preġudizzji u poġġew id‑diżabilità fil‑qafas tad‑drittijiet u mhux tal‑jaħasra.  Illum sittin sena wara huwa aħna li rridu nkomplu mmexxu ’l quddiem dan il‑legat.

F’diskors tal‑għeluq, il‑President Dott. Myriam Spiteri Debono irrikonoxxiet il-ħidma li ssir f’dan is-settur, u fissret l-anniversarju li qed tikkomemora Id-Dar tal-Providenza bħala 60 sena ta’ servizz, imħabba u dedikazzjoni mill-ħaddiema u volontiera kollha tad-Dar b’risq il-persuni b’diżabilita’.

Fil‑kunċert indaqqu għall‑ewwel darba żewġ xogħlijiet mużikali li nkitbu apposta għas‑sittin anniversarju tad‑Dar tal‑Providenza mis‑surmastrijiet Nicholas Vella u Antoine Mercieca. Xogħlijiet vokali u strumentali oħra kienu minn Johann Sebastian Bach, Richard Wagner, Frank Erickson, Lowell Mason, Morten Lauridsen, Pietro A. Yon, Stephen Adams, Carl Boberg u kompożitur Malti ieħor Tano Monseigneur.

Il‑Premju Mons. Mikel Azzopardi, li tnieda għall‑ewwel darba fl‑1995, jingħata kull sena biex jirrikonoxxi l‑kontribut ta’ persuni fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex kif ukoll persuni u entitajiet li jgħinu lid‑Dar tal‑Providenza fil‑ħidma tagħha.

Id-Dar tal-Providenza tfakkar is-60 sena mit-twaqqif tagħha

Id-Dar tal-Providenza se tfakkar is-60 sena mit-twaqqif tagħha minn Mons. Mikiel Azzopardi u l-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità b’kunċert vokali u strumentali. Dan se jsir nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru 2025 fis-7.30pm fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina.

Fil-kunċert, li se jsir taħt il-patroċinju distint tal-E.T. il-President ta’ Malta, Dott. Myriam Spiteri Debono u l-Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea-Curmi, tieħu sehem il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt id-direzzjoni tas-Surmast u Direttur Mużikali tagħha, il-Maġġur Jonathan Borg. Għall-okkażjoni tas-60 anniversarju inkitbu żewġ siltiet mużikali li se jindaqqu għall-ewwel darba: 60 Sena ta’ Storja: Id-Dar tal-Providenza tas-Surmast Nicholas Vella u Tama tas-Surmast Antoine Mercieca. Il-programm jinkludi wkoll xogħlijiet ta’ Johann Sebastian Bach, Richard Wagner, Frank Erickson, Lowell Mason, Morten Lauridsen, Peter A. Yon, Stephen Adams, Carl Coberg u tal-kompożitur Malti Tano Monseigneur.

Matul is-serata jitħabbar ukoll ir-rebbieħ/a tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi għal din is-sena. Premju li jingħata bħala għarfien tal‑kontribut mogħti lid‑Dar tal‑Providenza minn persuni jew oganizzazzjonijiet li jaħdmu fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità.

Id‑dħul huwa b’xejn u min hu interessat jista’ jibbukkja s‑seats billi jirreġistra mar‑reception desk tad‑Dar tal‑Providenza b’telefonata fuq 21462844 – 21464915 jew b’email fuq: info@dartalprovidenza.org sa mhux aktar mill‑Ġimgħa, 14 ta’ Novembru 2025.

Nibnu fuq il-legat ta’ Mons. Mikiel Azzopardi: sittin sena wara

Fit-12 ta’ Settembru 1965, Mons. Mikiel Azzopardi inqeda bil-programm regolari tiegħu ta’ kull nhar ta’ Ħadd, fuq ir-Rediffusion, Is-Siegħa tal-Morda, biex jaqsam il-ħolma kuraġġuża tiegħu li jiftaħ dar li toffri servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabilità f’Malta. Qabel din id-data, kien diġà qiegħed ifittex proprjetajiet fil-Furjana, il-Gżira u Ħal Lija, iżda ma kellux il-flus biex jixtri proprjetà lesta. Għalhekk wara beda jikkunsidra li jibni fit-tarf tas-Siġġiewi, fejn l-Azzjoni Kattolika Maltija kienet akkwistat b’kera dak li kien magħruf bħal r-restcamp tas-servizzi Ingliżi, biex tużah bħala kamp tas-sajf għat-tfal.  Mons. Azzopardi kien qed jittama li hemmhekk se jibda jibni bil-mod il-mod skont id-donazzjonijiet li jkun ġabar.

Ftit wara x-xandira, mara li kienet taħdem bħala spiżjara fil-Furjana, marret tistennieh wara l-bieb tad-dar tiegħu fil-Furjana stess u offrietlu l-ewwel donazzjoni ta’ 100 lira – flus li kienet ġemmgħet għal safra. Hi xtaqet tkun hi li tagħti l-ewwel donazzjoni lil Mons. Azzopardi biex ikun jista’ jibda jirrealizza l-ħolma tiegħu. Dakinhar Mons. Azzopardi ħass li dan il-ġest nobbli kien sinjal minn Alla biex jibda jaħdem fuq dan il-proġett u fi żmien sentejn, irnexxielu jiftaħ l-ewwel dar f’Malta għall-persuni b’diżabilItà li semmieha Villa Mons. Gonzi. Għalhekk Mons. Azzopardi, dejjem qies id-data tat-12 ta’ Settembru 1965, bħala d-data tat-twaqqif tad-Dar tal-Providenza.

Sittin sena wara, li tiftaħ dar residenzjali f’żona iżolata tista’ tidher li kienet pass lura, speċjalment meta pajjiżi oħra kienu diġà qed jaħdmu biex jibdew il-proċess tad-deistituzzjonalizzazzjoni. Imma nistgħu ngħIdu li fil-kuntest Malti, il-viżjoni tiegħu kienet rivoluzzjonarja. Mons. Azzopardi kien pijunier fid-difiża tad-dinjità tal-persuna, fi żmien meta l-persuni b’diżabilità f’Malta kienu moħbija, minsija jew imwarrba. Għalkemm illum it-terminu “anġli” b’riferenza għal persuna b’diżabilità li kien iħobb juża Mons. Azzopardi, m’għadniex nużawh għax min għandu diżabilità huwa persuna u mhux esserri sopranaturali, hu użah biex jikkonfronta realtà kerha. Fi żmienu l-persuni b’diżabilità kienu meqjusa bħala oġġetti ta’ mistħija, u għalhekk il-kelma anġli li kien juża kienet kelma li tellgħet l-istatus tagħhom u ġabet għarfien lis-soċjetà li dawn il-persuni ma kinux definiti mid-diżabilità tagħhom imma mill-valur tagħhom bħala persuni. Mons. Azzopardu biddel l-inviżibbiltà tal-persuni b’diżabilità f’rikonoxximent, il-mistħija f’rispett, u l-esklużjoni f’dinjità.

Mons. Azzopardi u pijunieri oħra għamlu aktar milli waqqfu istituzzjoni. Huma ħeġġew qawmien kulturali, kissru l-preġudizzju u poġġew d-diżabilità fil-qafas tad-drittijiet u mhux tal-jaħassra. Wara mewtu fl-1987, dan il-qawmien intensifika bit-twaqqif tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Persuni b’Diżabilità, illum il-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (CRPD). Minn hemm ’il quddiem, Malta bdiet tinbidel gradwalment: l-ugwaljanza, l-aċċessibilità u l-parteċipazzjoni saru mhux biss ħolma imma drittijiet iggarantiti bil-liġi.

Illum, id-Dar tal-Providenza għadha qed tkompli l-ħidma li beda  Mons. Azzopardi, billi toffri servizzi residenzjali lill-persuni b’diżabilità intellettwali u tappoġġjahom.  Id-Dar mhux biss toffri kenn iżda tiżgura d-dinjità, il-kwalità tal-ħajja u s-sens ta’ appartenenza fil-komunità.

Li nfakkru l-anniversarju tas-sittin sena u dak li wettaq Mons. Azzopardi, jfisser aktar milli nħarsu lura fiż-żmien, imma jfisser kuraġġ biex niffaċċjaw l-isfidi tal-lum. Id-Dar tal-Providenza bdiet il-mixja lejn id-deistituzzjonalizzazzjoni bil-ftuħ tad-dar fil-komunità fl-1997, bil-ftuħ ta’ Żerniq fis-Siġġiewi. Dan il-vjaġġ għandu jkompli u d-Dar hija kommessa li tkompli twettqu. Fil-fatt id-Dar bħalissa qed taħdem biex toffri tliet residenzi żgħar oħra fil-komunità.

Id-deistituzzjonalizzazzjoni mhijiex sempliċement li toħroġ lin-nies minn residenzi kbar imma tfisser li tgħaqqad is-servizzi mal-għażliet, il-bżonnijiet, id-drittijiet u l-aspirazzjonijiet tal-persuni. Tfisser li tkun konformi mal-Konvenzjoni tal-Ġnus Magħquda għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, li tafferma d-dritt tagħhom li jiddeċiedu fejn, kif u ma’ min iridu jgħixu.  Tfisser ukoll li nassiguraw li kull persuna tħossha sigura, għandha skop fil-ħajja, tħossha tappartjeni u għandha d-dinjità tagħha mħarsa.

Li tpoġġi l-persuna fiċ-ċentru jfisser li wieħed jagħraf li ma teżistix soluzzjoni waħda għal kulħadd. Ifisser li wieħed jagħraf li hemm persuni b’diżabilitajiet differenti. Riċerka riċenti Awstraljana tenfasizza tliet modi kif inħarsu lejn dan: l-inklużjoni fil-mainstream, tuża s-servizzi l-istess bħal kullħadd imma addattati u appoġġ personali. Applikati għad-Dar tal-Providenza, dawn ifissru tliet impenji:

  • L-ewwel, li nipprovdu assistenza personali sabiex il-persuni b’diżabilità jkunu jistgħu jgħixu b’mod indipendenti fid-djar li jagħżlu u jgħixu l-ħajja li jixtiequ bl-appoġġ ta’ servizzi li jindirizzaw il-bżonnijiet relatati mad-diżabilità tagħhom.
  • It-tieni, li noffru akkomodazzjoni f’appartamenti jew djar żgħar fil-komunità għal dawk li jeħtieġu livelli differenti ta’ appoġġ filwaqt li dejjem niżguraw il-privatezza, inkluż kmamar individwali.
  • It-tielet, li noħolqu ambjenti speċjalizzati għal persuni bi bżonnijiet kumplessi, fejn jista’ jingħata appoġġ mingħajr ma tkun kompromessa d-dinjità tal-persuna.

Din mhux biss teorija; hija obbligazzjoni morali. Hija dak li teħtieġ l-inklużjoni vera. L-aqwa test tal-progress mhuwiex in-numru ta’ servizzi offruti, imma jekk il-persuni b’diżabilità jħossux li ħajjithom tirrifletti t-tamiet tagħhom stess u mhux il-konvenjenza ta’ sistema.

Sittin sena wara li Mons. Mikiel Azzopardi tkellem għall-ewwel darba fuq il-mikrofonu u qasam ix-xewqa tiegħu, Malta tinsab mill-ġdid f’salib it-toroq. Se nikkuntentaw ruħna li nżommu dak li jeżisti, jew ikollna l-kuraġġ, kif għamel darba hu li nimmaġinaw aktar? Jekk nagħżlu din tal-aħħar, allura l-legat tiegħu mhux biss jibqa’ mfakkar, imma jibqa’ ħaj, u jmexxina ’l quddiem.

Mons. Martin Micallef
Direttur tad-Dar tal-Providenza u Vigarju Episkopali għad-Djakonija

 

Semmiegħa ta’ RTK103 jieħdu sehem f’BBQ b’risq Id-Dar tal-Providenza

Aktar minn 200 segwaċi ta’ RTK103 ingħaqdu flimkien f’BBQ b’risq Id-Dar tal-Providenza nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Settembru, propju fil-jum li fih kien qed jitfakkar is-60 anniversarju tat-twaqqif tagħha minn Mons. Mikiel Azzopardi. Tul is-serata tħabbret ukoll l-iskeda ‘l ġdida tal-istazzjon.

Dawk li attendew gawdew minn BBQ tas-sajf fil-belvedere tad-Dar f’inżul ix-xemx mill-isbaħ waqt li ltaqgħu ma’ preżentaturi popolari ta’ RTK103 fosthom Christine Delicata, Gabriel Lia, Lizzie Cutajar, u George Galea. Il-kantant popolari Mike Spiteri kien fost dawk li offrew divertiment mużikali lil dawk preżenti.

Amanda Ciappara, l-kap tal-programmi ta’ RTK103, irringrazzjat lis-semmiegħa u s-segwaċi tal-istazzjon u saħqet fuq is-saħħa tal-għaqda komunitarja fl-għajnuna lid-Dar tal-Providenza biex tkompli l-missjoni tagħha.

Kevin Papagiorcopulo, CEO ta’ Beacon Media Group, tenna l-istess sentiment u ddeskriva RTK 103 bħala “l-vuċi tal-ethos nisrani” li konstantament iġedded lilu nnifsu biex jibqa’ jipprovdi kontenut edukattiv, divertenti u nformattiv.

Waqt l-attività ngħatat ġieħ lill-viżjoni ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, li qasam l-ideja tiegħu umanitarja li jiftaħ dar għal persuni b’diżabilità waqt programm tar-radju.

Mons. Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, irringrazzja lill-istazzjon għall-appoġġ kontinwu tiegħu. Matul is-serata kien hemm divertiment mużikali fost atmosfera ferrieħa bid-dħul kollu jmur direttament għad-Dar.

Bħalissa, Id-Dar tal-Providenza topera tliet residenzi u erbat idjar fil-komunità  li jipprovdu kura lill-115-il adult persuna b’diżabilità waqt li toffri wkoll servizzi regolari ta’ respite għall-familji tagħhom.

Ritratt: Miguela Xuereb

Somma rekord miġbura waqt BBQ tas-sajf b’risq Id-Dar tal-Providenza

Somma rekord ta’ €9,850 inġabret waqt BBQ annwali tas‑sajf organizzat minn Pierre Vella Petroni, Anne Marie Xuereb u l‑familja b’risq Id‑Dar tal‑Providenza. Din kienet il‑15‑il edizzjoni ta’ din l‑attività ta’ ġbir ta’ fondi.

Id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, Mons. Martin Micallef, irringrazzja lill‑organizzaturi, voluntiera, sponsors u lill‑aktar minn 120 ruħ bejn qraba u ħbieb li attendew għal din l‑attività u taw donazzjoni għal din il‑kawża nobbli. Is‑somma miġbura se tmur biex tgħin lid‑Dar, li toffri kenn u kura lil persuni b’diżabilità u li teħtieġ €19,000 kuljum għall‑amministrazzjoni tagħha.

Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb qalu li din l‑attività ma kinetx tkun possibbli mingħajr l‑għajnuna imprezzabbli tal‑familjari u ħbieb li taw daqqa t’id fil‑loġistika u t‑tisjir, kif ukoll kumpaniji u dawk li attendew li mill‑ewwel laqgħu l‑istedina biex jgħinu din il‑kawża ġusta.

L‑isponsors ewlenin kienu: Prime Ltd, C. Camilleri & Sons, Ron Axisa, Welbees Naxxar, il‑General Soft Drinks Co. Ltd, Farsons Direct, Heir & Loom, Bristow Potteries, VCT (Malta) Ltd, Provita, Rausi & Co, Live Life Outdoor, Maypole Ltd u Gordon Portelli ta’ Pitkali Malta.

€632,153 miġbura mill-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

€632,153 inġabru għad-Dar tal-Providenza sa tmiem tat‑53 siegħa tal‑BOV Volleyball Marathon f’nofsillejl tal‑Ħadd, 20 ta’ Lulju 2025.

40 plejer, li ffurmaw ħames timijiet, baqgħu jilagħbu mingħajr waqfien. Il-Maratona bdiet il-Ġimgħa filgħaxija u kienet inawgurata uffiċjalment mill-Eċċellenza Tagħha Dr Myriam Spiteri Debono, President ta’ Malta.  Il-maratona baqgħet sejra minn dak il-ħin.

Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, irringrazzja lill‑poplu Malti u Għawdxi, li għal darba oħra wieġeb b’tant ġenerożità għas‑sejħa li saret biex jinġabru l‑fondi għad‑Dar, permezz tal‑Maratona tal‑Volleyball.  Irringrazzja wkoll lill‑plejers, lill‑volontiera, lill‑membri tal‑kumitat organizzattiv, l‑isponsors kollha, l‑istazzjonijet ewlenin tat‑televixin li xandru din il‑maratona, kantanti u bands,  lill‑pulizija, lill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex din il‑Maratona tkun suċċess.

Il-Ħadd filgħodu, l-Arċisqof Mons. Charles Scicluna ċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza assistit minn Fr Bernard Micallef u Mons. Martin Micallef fl-okkażjoni tal-Ġublew tal-Isportivi, bl-attendenza ta’ diversi sportivi Maltin. kif ukoll tar‑residenti tad‑Dar. Monsinjur Arċisqof sellem lill‑isportivi li ħadu sehem u lil dawk li kienu qed jieħdu sehem fil‑Maratona tal‑Volleyball u qalilhom li min jiddedika ruħu għall‑isport ikun qiegħed jagħti każ tas‑saħħa tiegħu. Din hi l-kwalità ta’ ħajja li aħna bħala soċjetà għandna nfittxu.

Din l-attività saret ukoll bħala parti miċ‑ċelebrazzjonijiet tal-Arċidjoċesi ta’ Malta fl-okkażjoni  tal‑Ġublew il-Kbir tal-Tama.  Fl-okkażjoni ta’ dan il-Ġublew, fid‑dinja Kattolika kollha, l‑insara u l‑bnedmin kollha ta’ rieda tajba qed ikunu mistiedna jkunu pellegrini tat‑tama fid‑dinja tal‑lum permezz ta’ atti ta’ fidi, karità u għaqda.

Minbarra l‑40 plejer li kienu l‑protagonisti ewlenin ta’ din il‑Maratona, kien hemm ukoll madwar mitt voluntier.  Kull filgħaxija kien hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u xorb u logħob għat‑tfal.

Il‑maratona xxandret b’mod dirett fuq l‑istazzjonijiet tat‑televixin ewlenin f’pajjiżna waqt li Vibe FM kien l-istazzjon tar-radju uffiċjali.

 

Tibda l-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

Il‑Ġimgħa 18 ta’ Lulju 2025, l‑Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il‑President ta’ Malta, inawgurat uffiċjalment il‑15‑il edizzjoni tal‑BOV Volleyball Marathon b’risq id‑Dar tal‑Providenza.

Erbgħin player, magħżula minn fost sebgħin applikant, bdew l‑isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob tal‑volleyball bla waqfien għal għan nobbli.

F’diskors qasir li għamlet fil‑ftuħ tal‑maratona, il‑President ta’ Malta, l‑E.T. Myriam Spiteri Debono fissret lid‑Dar tal‑Providenza bħala pijuniera tal‑inklużjoni f’Malta, u qalet li l‑poplu Malti u Għawdxi hu konxju u grat għall‑ħidma sfieqa li twettaq din id‑Dar b’risq ir‑residenti u l‑familji tagħhom.

Il‑President Myriam Spiteri Debono enfasizzat il‑ħtieġa li l‑poplu Malti jkompli jifhem id‑diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom il‑persuni b’diżabilità u l‑qraba tagħhom, waqt li appellat għall‑ġenerożità tal‑Maltin u l‑Għawdxin biex Id‑Dar tal‑Providenza tkun tista’ tibqa’ toffri għajnuna u ħajja dinjituża lil dawn il‑persuni, u tkun ta’ solljiev għall‑familjari tagħhom.

F’diskors ta’ merħba Mons. Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, ta merħba lil dawk kollha preżenti għall‑15‑il edizzjoni tal‑BOV Volleyball Marathon li huwa ddeskriva bħala appuntament annwali ta’ sport, solidarjetà u ġenerożità b’appoġġ għal kawża li hija tant għall‑qalb tal‑Maltin kollha. Huwa żied jgħid li din is‑sena hija waħda speċjali, mhux biss għax id‑Dar tal‑Providenza qed tiċċelebra l‑15‑il sena ta’ din il‑maratona, imma wkoll għax qed tfakkar tragward storiku – is‑60 anniversarju tat‑twaqqif tad‑Dar mis‑saċerdot viżjonarju Mons. Mikiel Azzopardi. Sittin sena ilu, Mons. Azzopardi ħolom b’dar fejn persuni b’diżabilità mhux biss ikollhom min jieħu ħsiebhom imma jkunu wkoll rispettati, inklużi u maħbuba bħala membri sħaħ tas‑soċjetà.

Illum, dik il‑ħolma għadha ħajja u b’saħħitha aktar minn qatt qabel. Tul dawn it‑53 siegħa, erbgħin player iddedikati se jagħtu l‑enerġija kollha tagħhom, mhux biss għax iħobbu l‑logħba tal‑volleyball imma wkoll biex jissapportjaw kawża ġusta.  L‑istamina, l‑impenn u l‑ispirtu tagħhom ta’ għaqda huma mera tal‑valuri qawwija tad‑Dar tal‑Providenza, jiġifieri l‑qdusija tal‑ħajja, ir‑rispett lejn kulħadd, is‑sapport lill‑familji, kif ukoll l‑ispirtu ta’ komunità li jagħti s‑saħħa lill‑persuni b’diżabilità biex jgħixu b’dinjità, awtonomija u inklużjoni. Mons. Micallef temm billi rringrazzja lil dawk kollha li għamlu din l‑attività possibbli: il‑Bank of Valletta l‑isponsor ewlieni, il‑kumitat organizzattiv, il‑players, il‑volontiera, l‑isponsors kif ukoll il‑media.

Il‑Kap Eżekuttiv tal‑Bank of Valletta, is‑Sur Kenneth Farrugia qal li l‑Bank of Valletta huwa kburi bir‑relazzjoni li għandu mad‑Dar tal‑Providenza li tmur lura numru ta’ snin. Din hija l‑ħmistax‑il sena li l‑Bank qed jappoġġja din il‑maratona li hija turija ta’ għaqda bejn l‑isport u l‑volontarjat.

Is‑Sur Farrugia żied jgħid: “Bħala Bank ewlieni f’Malta  nħossu li hija r‑responsabbilità tagħna li nagħtu lura lill‑komunità u b’dan il‑mod inkunu ta’ spalla mad‑Dar tal‑Providenza li tagħmel xogħol imprezzabbli bil‑missjoni tagħha. Il‑Bank jibqa’ impenjat li jkattar din is‑sħubija li torbot mal‑valuri tiegħu, ewlenin fosthom l‑inklużjoni, u li jkompli jgħin lill‑aktar membri vulnerabbli tas‑soċjetà.”

Preżenti għall-ftuħ uffiċjali  kien hemm l-Onor. Julia Farrugia, Ministru għall‑Inklużjoni u l‑Volontarjat, l-Onor Dr Jo Etienne Abela, Ministru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva, l‑Onor. David Agius, Deputat Speaker u Shadow Minister għall‑isports, l‑Onor. Graziella Galea, Shadow Minister għall‑Inklużjoni tas‑Settur tal‑Volontarjat , l-Onor. Rosianne Cutajar, is-Sur Kenneth Farrugia, CEO tal-Bank of Valletta, sponsor ewlieni tal-Maratona u s‑Sur Ernest Agius, Chief Operations Officer tal‑Bank of Valletta, f’isem il‑BOV Foundation.

Il‑maratona se tkun imxandra fuq l‑istazzjonijiet ewlenin.

Il‑Ġimgħa, is‑Sibt u l‑Ħadd filgħaxija, bejn id‑9 ta’ filgħaxija u nofsillejl, se jkun hemm numru sabiħ ta’ kantanti u bands lokali li se jkunu qed idoqqu u jkantaw fuq il‑palk li ttella’ apposta fil‑parkeġġ tad‑Dar.  Il‑Ġimgħa se jdoqqu Zone 5, is‑Sibt Kantera u l‑Ħadd l‑iSpiteri Lucas Band.

Il‑Ħadd filgħodu waqt il‑maratona, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta se tkun qed tiċċelebra l‑Ġublew tal‑Isportivi b’fun run għal kulħadd li tibda fit‑8:00am minn ħdejn il‑kappella ta’ San Niklaw fis‑Siġġiewi u tispiċċa fil‑carpark tad‑Dar tal‑Providenza fejn kull min ikun ħa sehem se jingħata midalja komemorattiva u wara jkun mistieden għal quddiesa mmexxija mill‑Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna fil‑kappella tad‑Dar fid‑9:30am.

 

Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in‑numri t’hawn taħt, juża l‑BOV Mobile jew il‑PayPal u Revolut jew jagħti donazzjoni online fuq wieħed minn dawn il‑kontijiet bankarji tad‑Dar.

€15         5170 2012

€25         5180 2013

€50         5190 2070

€100       5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile: 7932 4834

Għal aktar informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jikkontribwixxi bid‑donazzjoni tiegħu jista’ jżur is‑sit: www.sabihlitaghti.org