Ir-residenti tad-Dar tal-Providenza jifirħu bil-Karnival

Kull sena r-residenti tad-Dar tal-Providenza, bl-għajnuna tal-Ability Promoters u s-support staff, jiċċelebraw il-karnival bil-kbir u din is-sena ma għamlu xejn inqas. Is-sala San Pawl kienet iddekorata kif jixraq biex tinħoloq atmosfera ta’ festa bil-kuluri, kostumi kkuluriti, daqq u żfin. Mistieden speċjali kien il-kantant magħruf Freddie Portelli li kompla jżid fil-briju.

Lidl Malta tagħti żewġ kċejjen lid-Dar tal-Providenza

Lidl Malta installat żewġ kċejjen fi djar fil-komunità li jagħmlu parti mid-Dar tal-Providenza. Il-kċejjen, ġodda fjamanti, ġew installati f’Dar Pirotta f’Birkirkara, fejn jgħixu disa’ persuni b’diżabilità li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn it-22 u l-40 sena. It-tieni dar hija residenza ġdida li ma ddumx biex tinfetaħ fil-Balluta.

Il-kumpanija, li għandha diversi supermarkets f’Malta u Għawdex, qalet li kull sena tiżviluppa pjan fuq medda ta’ tnax-il xahar biex taħdem ma’ diversi karitajiet u NGOs u s-sena l-oħra Id-Dar tal-Providenza kienet waħda minnhom.

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza irringrazzja lil Lidl għall-għajnuna tagħhom li finanzjarjament tammonta għal aktar minn €7,000.

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità Silvio Parnis iżur Id-Dar tal-Providenza

Is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva u l-Persuni b’Diżabilità, l-Onor. Silvio Parnis għamel l-ewwel żjara tieghu fid-Dar tal-Providenza minn mindu ingħata l-ħatra f’Jannar li għadda. Huwa ġie milqugħ minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar.

Is-Sur Parnis kellu taħdidiet ma’ Fr Martin, Ms Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar, Ms Remona Cuschieri, Services Coordinator u Ms Margaret Vella, Senior Physiotherapist.

Matul iż-żjara tiegħu huwa kellu l-opportunità jsir jaf aktar dwar il-ħidma tad-Dar tal-Providenza. Huwa ltaqa’ ma’ xi residenti kif ukoll ma’ diversi impjegati. Waqt din iż-żjara ra l-wirja fotografika li hemm fil-mużew iddedikat lil Dun Mikiel Azzopardi, il-Fundatur tad-Dar, il-kappella, il-pixxina terapewtika, il-kċina, il-laundry u l-workshop tal-maintenance.

L-Azzjoni Kattolika Maltija tfakkar id-90 sena mit-twaqqif tagħha

Id-Dar tal-Providenza tixtieq tifraħ lill-Azzjoni Kattolika Maltija fl-okkażjoni ta’ għeluq id-90 sena mit-twaqqif tagħha u tawguralha aktar ħidma fis-snin li ġejjin. L-Azzjoni Kattolika Maltija tul dawn is-snin tat kontribut imprezzabbli b’mod speċjali fil-formazzjoni spiritwali u umana tal-membri tagħha minn kull qasam tas-soċjetà, fl-impenn soċjali u fl-evanġelizazzjoni.
L-Azzjoni Kattolika għandha rabta diretta u inseparabbli mad-Dar tal-Providenza għax kien Dun Mikiel Azzopardi, l-Assistent Ekkleżjastiku tagħha li bl-approvazzjoni tagħha waqqaf id-Dar tal-Providenza fil-post li l-Azzjoni Kattolika kienet akkwistat b’ċens minn għand l-Ammiraljat lura fl-1962.
Id-Dar tal-Providenza tawgura li dan l-anniversarju jkun mument sabiħ ta’ apprezzament mis-soċjetà Maltija għall-ħidma kbira li wettqet l-Azzjoni Kattolika Maltija tul is-snin kif ukoll okkażjoni biex l-istess organizzazzjoni tkompli ssaħħaħ l-impenn fost iż-żgħażagħ u l-adulti biex ikunu melħ li jagħti t-togħma u d-dawl li jdawwal lis-soċjetà tal-llum bil-ħajja u l-impenn nisrani tagħhom.
Inħeġġu lil kull min jista’ jingħaqad mal-Azzjoni Kattolika Maltija għal quddiesa ta’ ringrazzjament immexxija mill-E.T. Mons Joseph Galea-Curmi li ser issir fil-Knisja Arċipretali ta’ San Bastjan, Ħal Qormi nhar il-Ħadd, 16 ta’ Frar fl-4.00pm.

Il-Kap Eżekuttiv il-ġdida ta’ Aġenzija Sapport iżżur Dar Shalom fiż-Żurrieq

Is-Sinjura Ruth Sciberras, Kap Eżekuttiv il-ġdida ta’ Aġenzija Sapport għamlet żjara ta’ kotesija lir-residenti li jgħixu f’Shalom fiż-Żurrieq, waħda mid-djar tagħna fil-komunita’. Jilqgħu lis-Sinjura Sciberras kien hemm ir-residenti tad-Dar, id-Direttur Fr Martin Micallef, l-Amministratur, Ms Nadine Camilleri Cassano, il-koordinatur tas-servizzi, Ms Remona Cuschieri u żewġ ħaddiema tad-dar.

Is-Sinjura Sciberras għandha esperjenza twila fil-qasam soċjali, hekk kif, bħala social worker professjonali, ilha taħdem f’dan il-qasam għal dawn l-aħħar 22 sena. Kemm kienet ilha fl-Aġenzija Appoġġ, is-Sinjura Sciberras ħadmet f’diversi oqsma ta’ din l-aġenzija, b’xogħol mat-tfal, żgħażagħ, u l-familji tagħhom. Is-Sinjura Sciberras hija wkoll Chairperson tal-Kumitat għat-Trobbija Pożittiva.

‘Shalom’ ġiet inawgurata fit-8 ta’ April 2016, minn Dr Justyne Caruana, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anżjanità Attiva. F’din id-dar jgħixu ħames persuni b’diżabilita’ intellettwali.

Id-Dar tal-Providenza tfakkar lill-Kardinal Prospero Grech OSA

Id-Dar tal-Providenza fakkret il-memorja tal-Kardinal Prospero Grech f’għeluq ix-xahar mill-mewt tiegħu permezz ta’ quddiesa li saret fil-kappella tad-Dar u li għaliha attendew ukoll il-qraba tal-Kardinal flimkien mar-residenti. Il-quddiesa kienet konċelebrata minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u Fr Lino Cardona SJ.

Għall-okkażjoni, Mons Arċisqof Alfred Xuereb, Nunzju Appostoliku għall-Korea u l-Mongolja, li kien jaf mill-qrib lill-Kardinal, intalab jagħmel messaġġ qasir biex jinqara waqt is-sagrifiċċju tal-quddiesa għal ruħu. Mons. Xuereb qal hekk: “Dan jagħtini okkażjoni tajba sabiex, minkejja l-bogħod li jifridna, ningħaqad magħkom spiritwalment ħalli noffri talb ta’ sagrifiċċju għal ruħu u fl-istess waqt nagħti l-aħħar tislima lil persuna speċjali li għamlet ġieħ lill-Knisja ta’ Kristu u lill-Art Twelidna”.

“Nibqa’ ngħożż bħal teżor il-konoxxenza li għamilt tiegħu bħala reliġjuż ferrieħi, li għażel li jħalli kollox warajh biex jimxi wara Ġesù. L-umoriżmu raffinat tiegħu kien xhieda ċara tal-għaqda li żamm ma’ Alla u tal-fedeltà għall-wegħdiet li għamel meta daħal fl-Ordni Agostinjan.”

“Ibbenefikaw eluf ta’ studenti li segwew il-korsijiet tiegħu, u magħhom dawk kollha li studjaw fuq il-kitbiet mimlija għerf li ppublika tul il-kariga akkademika tiegħu. Ibbenefikaw il-patrijiet sħabu li magħhom kien jgħix fil-komunità f’Ruma bil-pariri għaqlin u l-manjieri ħelwa tiegħu. Ibbenefikaw il-parruċċani ta’ Sant’Anna bil-meditazzjonijiet sbieħ li kien joffri fiż-żmien tar-Randan. Ibbenefikaw bil-bosta s-Santa Sede bil-kollaborazzjoni siewja li offra bħal konsultur tal-Kongregazzjoni tal-Fidi. Ibbenefikaw ukoll l-Istitut Patristiku “Agostinianum” u l-Kummissjoni Pontifiċja Bibblika li tagħhom kien membru attiv. Ibbenefikaw l-Kulleġġ tal-Kardinali li sar jagħmel parti minnu meta l-Papa Benedittu XVI ħatru Kardinal fi Frar 2012 u b’mod partikolari meta ġie mitlub joffri l-meditazzjoni fil-ftuħ tal-aħħar konklavi f’Marzu tal-2013. Ibbenefikaw dawk kollha li kellhom ix-xorti jsiru jafuh u se jkomplu jibbenefikaw dawk kollha li jibqghu jiftakruh.”

Mons. Xuereb temm jgħid fil-messaġġ tiegħu: “Meta l-Mulej sejjaħlu biex jagħtiħ il-premju mistħoqq, qalbna mtliet bid-dieqa għax tlifna ħabib li kien għaniena bil-kwalitajiet sbieħ tiegħu. Nistħajlu qed jittawwal mis-Sema lejn il-poplu ta’ Malta u ta’ Għawdex, u jħeġġeġ lilna llkoll biex nagħmlu l-qalb għax issa nistgħu nibbenefikaw mit-talb ta’ interċessjoni tiegħu lil Alla biex inżommu sħaħ fil-fidi u nibgħu poplu magħqud fl-imħabba tal-aħwa.”

Il-Kardinal Prospero Grech miet fit-30 ta’ Diċembru, wara li lejlet il-Milied għalaq 94 sena. Bħal ommu Amelia u missieru Vincent, li kienu benefatturi tad-Dar, huwa kellu ħafna għal qalbu lid-Dar tas-Siġġiewi u għamel żewġ żjarat kemm kien ilu Kardinal.