Tibda l-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

Il‑Ġimgħa 18 ta’ Lulju 2025, l‑Eċċellenza Tagħha Myriam Spiteri Debono, il‑President ta’ Malta, inawgurat uffiċjalment il‑15‑il edizzjoni tal‑BOV Volleyball Marathon b’risq id‑Dar tal‑Providenza.

Erbgħin player, magħżula minn fost sebgħin applikant, bdew l‑isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob tal‑volleyball bla waqfien għal għan nobbli.

F’diskors qasir li għamlet fil‑ftuħ tal‑maratona, il‑President ta’ Malta, l‑E.T. Myriam Spiteri Debono fissret lid‑Dar tal‑Providenza bħala pijuniera tal‑inklużjoni f’Malta, u qalet li l‑poplu Malti u Għawdxi hu konxju u grat għall‑ħidma sfieqa li twettaq din id‑Dar b’risq ir‑residenti u l‑familji tagħhom.

Il‑President Myriam Spiteri Debono enfasizzat il‑ħtieġa li l‑poplu Malti jkompli jifhem id‑diffikultajiet li jkunu għaddejjin minnhom il‑persuni b’diżabilità u l‑qraba tagħhom, waqt li appellat għall‑ġenerożità tal‑Maltin u l‑Għawdxin biex Id‑Dar tal‑Providenza tkun tista’ tibqa’ toffri għajnuna u ħajja dinjituża lil dawn il‑persuni, u tkun ta’ solljiev għall‑familjari tagħhom.

F’diskors ta’ merħba Mons. Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, ta merħba lil dawk kollha preżenti għall‑15‑il edizzjoni tal‑BOV Volleyball Marathon li huwa ddeskriva bħala appuntament annwali ta’ sport, solidarjetà u ġenerożità b’appoġġ għal kawża li hija tant għall‑qalb tal‑Maltin kollha. Huwa żied jgħid li din is‑sena hija waħda speċjali, mhux biss għax id‑Dar tal‑Providenza qed tiċċelebra l‑15‑il sena ta’ din il‑maratona, imma wkoll għax qed tfakkar tragward storiku – is‑60 anniversarju tat‑twaqqif tad‑Dar mis‑saċerdot viżjonarju Mons. Mikiel Azzopardi. Sittin sena ilu, Mons. Azzopardi ħolom b’dar fejn persuni b’diżabilità mhux biss ikollhom min jieħu ħsiebhom imma jkunu wkoll rispettati, inklużi u maħbuba bħala membri sħaħ tas‑soċjetà.

Illum, dik il‑ħolma għadha ħajja u b’saħħitha aktar minn qatt qabel. Tul dawn it‑53 siegħa, erbgħin player iddedikati se jagħtu l‑enerġija kollha tagħhom, mhux biss għax iħobbu l‑logħba tal‑volleyball imma wkoll biex jissapportjaw kawża ġusta.  L‑istamina, l‑impenn u l‑ispirtu tagħhom ta’ għaqda huma mera tal‑valuri qawwija tad‑Dar tal‑Providenza, jiġifieri l‑qdusija tal‑ħajja, ir‑rispett lejn kulħadd, is‑sapport lill‑familji, kif ukoll l‑ispirtu ta’ komunità li jagħti s‑saħħa lill‑persuni b’diżabilità biex jgħixu b’dinjità, awtonomija u inklużjoni. Mons. Micallef temm billi rringrazzja lil dawk kollha li għamlu din l‑attività possibbli: il‑Bank of Valletta l‑isponsor ewlieni, il‑kumitat organizzattiv, il‑players, il‑volontiera, l‑isponsors kif ukoll il‑media.

Il‑Kap Eżekuttiv tal‑Bank of Valletta, is‑Sur Kenneth Farrugia qal li l‑Bank of Valletta huwa kburi bir‑relazzjoni li għandu mad‑Dar tal‑Providenza li tmur lura numru ta’ snin. Din hija l‑ħmistax‑il sena li l‑Bank qed jappoġġja din il‑maratona li hija turija ta’ għaqda bejn l‑isport u l‑volontarjat.

Is‑Sur Farrugia żied jgħid: “Bħala Bank ewlieni f’Malta  nħossu li hija r‑responsabbilità tagħna li nagħtu lura lill‑komunità u b’dan il‑mod inkunu ta’ spalla mad‑Dar tal‑Providenza li tagħmel xogħol imprezzabbli bil‑missjoni tagħha. Il‑Bank jibqa’ impenjat li jkattar din is‑sħubija li torbot mal‑valuri tiegħu, ewlenin fosthom l‑inklużjoni, u li jkompli jgħin lill‑aktar membri vulnerabbli tas‑soċjetà.”

Preżenti għall-ftuħ uffiċjali  kien hemm l-Onor. Julia Farrugia, Ministru għall‑Inklużjoni u l‑Volontarjat, l-Onor Dr Jo Etienne Abela, Ministru għas-Saħħa u Anzjanità Attiva, l‑Onor. David Agius, Deputat Speaker u Shadow Minister għall‑isports, l‑Onor. Graziella Galea, Shadow Minister għall‑Inklużjoni tas‑Settur tal‑Volontarjat , l-Onor. Rosianne Cutajar, is-Sur Kenneth Farrugia, CEO tal-Bank of Valletta, sponsor ewlieni tal-Maratona u s‑Sur Ernest Agius, Chief Operations Officer tal‑Bank of Valletta, f’isem il‑BOV Foundation.

Il‑maratona se tkun imxandra fuq l‑istazzjonijiet ewlenin.

Il‑Ġimgħa, is‑Sibt u l‑Ħadd filgħaxija, bejn id‑9 ta’ filgħaxija u nofsillejl, se jkun hemm numru sabiħ ta’ kantanti u bands lokali li se jkunu qed idoqqu u jkantaw fuq il‑palk li ttella’ apposta fil‑parkeġġ tad‑Dar.  Il‑Ġimgħa se jdoqqu Zone 5, is‑Sibt Kantera u l‑Ħadd l‑iSpiteri Lucas Band.

Il‑Ħadd filgħodu waqt il‑maratona, l‑Arċidjoċesi ta’ Malta se tkun qed tiċċelebra l‑Ġublew tal‑Isportivi b’fun run għal kulħadd li tibda fit‑8:00am minn ħdejn il‑kappella ta’ San Niklaw fis‑Siġġiewi u tispiċċa fil‑carpark tad‑Dar tal‑Providenza fejn kull min ikun ħa sehem se jingħata midalja komemorattiva u wara jkun mistieden għal quddiesa mmexxija mill‑Arċisqof Mons. Charles J. Scicluna fil‑kappella tad‑Dar fid‑9:30am.

 

Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in‑numri t’hawn taħt, juża l‑BOV Mobile jew il‑PayPal u Revolut jew jagħti donazzjoni online fuq wieħed minn dawn il‑kontijiet bankarji tad‑Dar.

€15         5170 2012

€25         5180 2013

€50         5190 2070

€100       5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile: 7932 4834

Għal aktar informazzjoni dwar kif wieħed jista’ jikkontribwixxi bid‑donazzjoni tiegħu jista’ jżur is‑sit: www.sabihlitaghti.org