Tmiem il-Ħidma tas-Sorijiet tal-Karità

Xahar qabel Dun Mikiel Azzopardi fetaħ il-bibien tad-Dar tal-Providenza fl-1968, eżattament fit-12 ta’ Jannar, għadd ta’ sorijiet tal-Karità ta’ Santa Giovanna Antida Thouret bdew jgħixu bħala komunità fid-Dar stess biex jgħinu lill-fundatur f’din il-ħidma ġdida. Dawn kienu l-ewwel support workers tad-Dar mgħejjuna minn għadd ta’ voluntiera w aktar il-quddiem minn ħaddiema li ġew impjegati apposta.
L-ewwel tliet residenti fid-Dar tal-Providenza daħlu fil-11 ta’ Frar 1968. Kollha sabu darhom f’Villa Monsinjur Gonzi li allura kienet għadha kif ġiet irranġata.
Minn dak iż-żmien sa llum is-Sorijiet tal-Karità offrew is-servizzi professjonali tagħhom b’ħafna mħabba, dedikazzjoni u ġenerożità. Fl-1 ta’ Jannar ta’ din is-sena, Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna ħabbar uffiċċjalment li l-Kongregazzjoni tas-Sorijiet tal-Karità f’Malta iddeċidiet kontra qalbha li din is-sena is-sorijiet minħabba l-età kellhom itemmu l-ħidma tagħhom fid-Dar tal-Providenza. Id-data uffiċċjali hija l-15 ta’ Lulju 2020.

Il-preżenza ta’ din il-komunità reliġjuża kienet rigal għar-residenti, il-ħaddiema u l-voluntiera tad-Dar. Huma kienu dejjem hemm għal kulħadd 24 siegħa kuljum. Bosta minhom taw ukoll servizz għal snin twal. Fil-fatt, Sr Gesuina Mangion ilha sservi fid-Dar għal dawn l-aħħar 41 sena, Sr Lorenza Borg għal dawn l-aħħar 13-il sena, Sr Bernarda Buhagiar u Sr Bertha Bezzina għal 20 sena sħaħ. Is-sens qawwi ta’ servizz jibqa’ ta’ eżempju kbir għal dawk kollha li jaħdmu fid-Dar tal-Providenza.
Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, qal li hu ċert li s-sens qawwi ta’ servizz jibqa’ ta’ eżempju kbir għalina lkoll li naħdmu f’din id-Dar. Huwa rringrazzja lis-sorijiet kollha li ħadmu fid-Dar tul is-snin u mhux l-inqas lil Sr Lorenza Borg, lil Sr Bernarda Buhagiar u lil Sr Gesuina Mangion li żgur se nimmissjawhom ħafna. Huwa awguralhom ukoll għall-ħidmiet differenti li se jkunu qed iwettqu fil-komunitajiet ġodda tagħhom.