Sabiħ li tagħti: Id-Dar tal-Providenza tappella għall-għajnuna wara investiment sostanzjali biex tħares is-saħħa tal-ħaddiema u r-residenti waqt il-pandemija

Id-Dar tal-Providenza qed tniedi kampanja bl-isem ta’ “Sabiħ li tagħti” biex tiġbor fondi bl-għan li tkun tista’ tibqa’ tagħti s-servizzi professjonali lir-residenti tagħha. Dan hekk kif matul dawn l-aħħar xhur fejn pajjiżna ntlaqat mill-imxija tal-coronavirus, mhux biss naqsu drastikament id-donazzjonijiet li hi tiddependi fuqhom iżda żdiedu bil-qawwi l-ispejjeż biex titħares is-saħħa tal-ħaddiema u r-residenti.
L-amministratur tad-Dar Nadine Camilleri Cassano spjegat kif matul l-aħħar xhur fejn pajjiżna kien milqut mill-imxija tal-coronavirus, u bl-iskop li tkun imħarsa s-saħħa tar-residenti u l-ħaddiema, ittieħdu għadd ta’ miżuri skont il-protokolli maħruġ mill-awtoritajiet tas-saħħa.
Id-Dar tal-Providenza investiet f’smartphones għad-djar u l-appartamenti tar-residenti biex kull grupp seta’ jżomm kuntatt mal-familjari u ħbieb waqt il-pandemija. Dan kien possibbli permezz tal-investiment qawwi li għamlu l-MITA fil-Wifi tad-Dar u li ġie inawgurat mill-President ta’ Malta. Barra minn hekk sar investiment ukoll f’sistemi teknoloġiċi biex ix-xogħol amministrattiv jkun jista’ jitwettaq b’mod ta’ teleworking.
Sar ukoll investiment sostanzjali f’tagħmir protettiv (PPE) għall-istaff li jaħdem f’kuntatt mar-residenti, kif ukoll maskri, termormetri u diżinfettanti. Kien hemm żieda fil-frekwenza tat-tindif u d-diżinfettar fil-postijiet li jintużaw l-aktar ta’ spiss mir-residenti u l-ħaddiema. Barra minn hekk ġie provdut trasport sigur għal ħaddiema li ma jsqux u ngħata programm ta’ taħriġ lill-infermiera residenti fid-Dar.
Camilleri Cassano spjegat ukoll kif dan il-perjodu fisser ukoll li r-residenti kienu konfinati fl-appartamenti u d-djar tagħhom għax il-ħruġ kien eliminat għal kollox. It-tim tal-Ability Promoters, immexxi minn Margaret Vella, ħoloq diversi attivitajiet biex iferrħu r-residenti. Dawn kienu jinkludu street music darbtejn fil-ġimgħa, u sessjonijiet ta’ crafts. Flimkien mal-carers, kienu ukoll joħorġu lir-residenti fil-ġonna tad-Dar.
“Minkejja d-diffikultajiet, ħdimna u rajna li nimplimentaw dak kollu li kellu jsir biex nipproteġu s-saħħa tar-residenti bl-aħjar mod biex ir-residenti tad-Dar jibqgħu jkollhom kwalità ta’ ħajja tajba u ambjent li jirrispetta id-dinjità tagħhom. Dan kollu fisser investiment ta’ iktar minn €60,000.”
Manwel Zammit Membru tal-Bord tad-Diretturi tad-Dar tal-Providenza kompla jispjega kif dan fisser sfida doppja għat-tmexxija tad-dar li mhux biss kellha tidħol fi spejjeż akbar iżda dan seħħ f’perjodu meta d-dħul naqas drastikament. Fakkar kif f’ċirkostanzi normali, kieku waslet biex titnieda l-maratona tal-volleyball b’riżq id-Dar tal-Providenza, maratona li waħedha normalment tirrendi man-nofs miljun ewro.
Huwa spjega wkol li “kellna wkoll nwaqqfu l-operat tal-uffiċċju li għandna fil-Belt Valletta, u anke naqsu drastikament id-donazzjonijiet li kienu jsiru minn nies li regolarment iżuru d-dar biex jagħtu d-donazzjonijiet tagħhom.” Dan kollu fisser pressjoni qawwija fuq ir-riżorsi tar-Residenza.
Madankollu, huwa esprima l-apprezzament tiegħu għas-sens ta’ solidarjetà muri minn diversi organizzazzjonijiet u entitajiet kummerċjali li raw kif jgħinu lid-dar, fosthom donazzjonijiet miġbura minn Malta Together, il-kumpanija Bad Boys li pprovdiet ħaddiema biex jgħinu fit-tindif, il-Corinthia Group of Companies u Norwex Limited, il-Ministeru għall-Affarijiet Barranin u r-Rotary Club għad-donazzjonijiet ta’ maskri, kif ukoll il-kumpanija Bitmac għal xogħol ta’ tarmak u għall-kċejjen fir-residenza fil-Balluta u Dar Pirotta.
Jesmond Saliba, Membru tal-Bord tad-Diretturi tad-Dar tal-Providenza tkellem dwar l-isfidi ta’ dawn l-aħħar xhur fejn barra l-aspett finanzjarju, kellhom jitwaqqfu ż-żjarat kollha tal-familjari lir-residenti. Madankollu, huwa fakkar kif is-servizz professjonali li jingħata fid-Dar jiddependi għal kollox, għajr xi eċċezzjonijiet żgħar, fuq id-donazzjonijiet tal-poplu Malti.
Għal dan il-għan, huwa ħabbar li ser titnieda l-inizjattiva Sabiħ Li Tagħti, li tmur lil hinn mill-Maratona tal-Volleyball, imma li ser tkun il-kappa li taħtha ser ikunu qegħdin jinħabru l-isforzi kollha ta’ ġbir ta’ fondi tul ix-xhur li ġejjin, bil-għan li d-Dar tinżamm ħajja.
Persuna tista tagħmel donazzjoni b’modi varji fuq www.sabihlitaghti.org
Huwa fakkar kif id-Dar teħtieġ aktar minn 5 miljun ewro fis-sena biex tkopri s-servizzi li tagħti u li dan jiddependi mill-ġenerożita tal-poplu Malti.
Saliba temm l-intervent tiegħu b’aħbar xejn feliċi hekk kif ħabbar li Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza se jkun qed jieqaf għall-perjodu indefinit mir-responsabbiltajiet tiegħu biex jingħata l-kura għall-kanċer li jitfejjaq.
“Fr Martin se jkun qed jibda maratona differenti u aktar iebsa. Huwa żmien diffiċli għalina li naħdmu miegħu u għall-familja ta’ Fr Martin, kif ukoll il-familja ta’ din id-Dar. Ix-xogħol tad-Dar ser jibqa għaddej bl-aħjar mod kif dejjem kien mill-Management, minn dawk li jservu fil-Bord tad-Diretturi u mill-ħaddiema kollha tad-Dar.”
Huwa talab biex il-pubbliku jagħti donazzjoni li mhux biss tgħin lir-residenti tad-dar iżda li tkun rigal għal Fr Martin biex sas-sena d-dieħla jkun jista’ jkompli fil-missjoni tiegħu hemmhekk.
Il-Professur Charmaine Gauci, Supretendent tas-Saħħa Pubblika ltaqgħet u tkellmet ma’ bosta ħaddiema tad-Dar u rringrazzjathom tal-impenn u d-dedikazzjoni li wrew matul il-perjodu tal-pandemija. Hi rringrazzjat ukoll lill-amministrazzjoni tad-Dar għall-miżuri li ħadu biex jiżguraw is-saħħa u s-sigurtà tal-ħaddiema u r-residenti.