Żewġ Kunċerti b’risq Id-Dar tal-Providenza

Is-St. Paul Metropolitan Orchestra, taħt it-direzzjoni tax-Chev. Mro. Mark Agius, tat żewġ kunċerti b’risq Id-Dar tal-Providenza. L-ewwel wieħed kien ‘Fewġa Klassika’ fil-knisja parrokkjali ta’ Santa Luċija fl-10 ta’ Settembru li għadda. It-tieni wieħed, ‘Requiem e Resurrectio et Vita’ sar fit-8 ta’ Novembru 2019 fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef ingħata donazzjoni ġeneruża mill-fondi miġbura fiż-żewġ kunċerti u rringrazzja lis-St. Paul Metropolitan Orchestra u lil dawk kollha involuti għall-appoġġ kontinwu tagħhom.

Kunċert mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta b’risq id-Dar tal-Providenza

Il-Kunċert annwali li l-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta tagħmel b’risq id-Dar tal-Providenza se jsir fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina, il-Ġimgħa 6 ta’ Diċembru fit-8.00pm. Il-kunċert se jkun taħt il-patroċinju distint tal-President ta’ Malta, l-E.T. Dott. George Vella li se jippreżenta wkoll il-Premju Mons. Mikiel Azzopardi 2019 lir-rebbieħ li jitħabbar waqt is-serata.

Il-banda (ritratt mehmuż) hija taħt id-direzzjoni tal-Mro. WO1 Twanny Borg bis-sehem tas-sopran Celine Abela u l-Lbdr. Georg Zammit. Se jindaqqu xogħlijiet ta’ Handel, von Weber, Rodrigo, Albinoni, De Haan, Reineke u Rutter kif ukoll tal-kompożituri Maltin Carmel Callus u Ray Sciberras w arranġamenti mużikali tal-Kaptan Jonathan Borg.

Biljetti bla ħlas jistgħu jinkisbu permezz ta’ imejl fuq kuncert@dartalprovidenza.org jew bit-telefown fuq 2146 2844 sa mhux aktar tard mis-27 ta’ Novembru 2019.

Imut Albert E. Vella, rebbieħ tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi 2006

Tħabbret il-mewt ta’ Albert E. Vella sostenitur tad-Dar tal-Providenza u rebbieħ tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi. Huwa twieled ir-Rabat u fl-1959 beda l-karriera tiegħu  ta’ bankier man-National Bank qabel ma mar mal-Bank Ċentrali ta’ Malta. Fl-1977 mar il-Kanada u fl-1993 inħatar ir-rappreżentat ewlieni tal-Bank of Valletta fil-Kanada u l-Amerika ta’ Fuq fejn dam għal tnax-il sena sħaħ.

Allbert Vella organizza l-kunċert annwali tal-Bank of Valletta li permezz tiegħu u l-ġenerożità tal-komunità Maltija nġabru fondi kbar li minnhon gawdiet id-Dar tal-Providenza.

Fl-2006, ingħata l-Premju Mons. Mikiel Azzopardi li jingħata b’rikonoxximent għall-ħidma li ssir b’risq id-Dar tal-Providenza.

Id-Dar tal-Providenza tixtieq tesprimi l-kondoljanzi tagħha lill-Familja Vella.

‘Requiem e Resurrectio et Vita’ fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina

Il-Kunċert ‘Requiem e Resurrectio et Vita’, tal-kompożitur Mro. Joseph Sammut ġie esegwit mill-Orkestra Metropolitana ta’ San Pawl nhar il-Ġimgħa, 8 ta’ Novembru 2019 fil-Katidral Metropolitan tal-Imdina b’risq id-Dar tal-Providenza.

L-orkestra kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro. Mark Agius bis-sehem tas-St. Monica Vocal Ensemble flimkien mas-solisti s-sopran Rosabelle Bianchi, il-mezzo sopran Claire Massa, it-tenur Joseph Aquilina u l-baxx Albert Buttigieg.

Ritratt: Ian Noel Pace

Dawra bil-muturi u ikla pasta b’risq id-Dar tal-Providenza

Nhar il-Ġimgħa, 27 ta’ Settembru, il-Forzi Armati ta’ Malta bil-koperazzjoni tal-Pulizija ta’ Malta u tal-Malta Bike Marshals organizzaw id-dawra annwali bil-muturi b’risq id-Dar tal-Providenza. Il-muturi nġabru fil-Barracks ta’ Ħal Luqa fis-6.00pm fejn sar it-tberik tal-muturi mill-kappillan tal-Forzi Armati ta’ Malta, Fr Joe Meli. Wara d-dawra bil-muturi waslu d-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fejn l-Armata organizzat pasta night għal dawk kollha li ħadu sehem.

Il-Kurunell Brian Gatt, f’isem it-tim organizzattiv ippreżenta ċekk ta’ €1,270 li nġabru waqt l-attività lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Aktar siġar taż-żebbuġ jitħawlu fil-ġnien tad-Dar tal-Providenza

Biex tiċċelebra il-50 Anniversarju tagħha, il-kumpanija DHL ħawlet ħamsin siġra taż-żebbuġ fil-ġnien tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. L-inizjattiva, li saret flimkien mal-organizzazzjoni non-governattiva Flimkien għal Ambjent Aħjar (FAA), hija twettieqa tal-impenn tal-kumpanija internazzjonali biex tħawwel aktar siġar.

Fl-attività ħadu sehem il-ħaddiema ta’ DHL Malta u voluntiera tal-FAA u tad-Dar tal-Providenza li kollha taw daqqa t’id siewja fit-tħawwil tas-siġar. Is-siġar kollha taż-żebbuġ li tħawlu huma minn stokk lokali u ġew miksuba minn riżervi naturali immexxija mill-NGOs lokali Gaia Foundation u Birdlife Malta.

L-inizjattiva ta’ DHL għandha wkoll dimensjoni soċjali billi ż-żebbuġ tas-siġar li tħawlu jinġabar mir-residenti taċ-Ċentru Agrikolu Sant’Isidor fid-Dar tal-Providenza waqt il-qtugħ ta’ kull sena. Iż-żebbuġ imbagħad jingħasar f’żejt u jiġi ppreparat għall-ibbottiljar biex jinbiegħ miċ-Ċentru fis-Siġġiewi u mill-uffiċċju li d-Dar għandha fi Triq San Pawl fil-Belt Valletta.

Il-Papa Franġisku jiltaqa’ ma’ grupp ta’ persuni b’diżabilità intellettwali minn Malta

Waqt l-Udjenzja Ġenerali tal-Erbgħa filgħodu, l-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ grupp ta’ persuni b’diżabilità intellettwali membri tal-Grupp Flimkien Naslu f’Malta.

Il-Grupp Flimkien Naslu, li twaqqaf fl-2004, huwa grupp immexxi minn persuni b’diżabilità intellettwali bis-sapport meħtieġ li jorganizza attivitajiet soċjali għall-membri u l-ħbieb tagħhom.

Lourdes Farrugia, President tal-Grupp, qalet li l-laqgħa mal-Papa kienet esperjenza sabiħa. Malcom Camilleri, li kien emozjonat ħafna bħall-kumplament tal-grupp, qal li ħa gost jara lill-Papa u jixtieq jerġa’ jarah darba oħra. John Paul Fenech qal li din il-laqgħa mal-Papa, li kienet l-ewwel darba għalih, emozjonatu ħafna.

Lions Clubs jippreżentaw id-donazzjoni annwali tagħhom lid-Dar tal-Providenza

Nhar il-Ħadd, 13 ta’ Ottubru 2019, il-Presidenti tal-Lions Club Malta (Host), Lions Club (Mdina), Lions Club (Sliema) u Lions Club (San Pawl il-Baħar) ippreżentaw id-donazzjoni annwali tagħhom lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza fl-okkażjoni tal-World Lions Day.
Il-membri tal-Lions Club attendew quddiesa fil-kappella tad-Dar fis-Siġġiewi b’suffraġju għall-imseħbin mejta.

Pellegrinaġġ Marjan f’Ta’ Pinu mir-residenti, ħaddiema u voluntiera Tad-Dar tal-Providenza

Nhar is-Sibt 12 ta’ Ottubru 2019, numru sabiħ ta’ residenti, ħaddiema u voluntiera tad-Dar tal-Providenza għamlu pellegrinaġġ Marjan fis-Santwarju Ta’ Pinu, f’Għawdex fl-okkażjoni tal-400 sena minn meta tpitter il-kwadru mirakoluż tal-Madonna Ta’ Pinu fl-1619 u tħallas minn Pinu Gauci, li minnu ġej l-isem tal-Madonna Ta’ Pinu.

Dawk kollha li attendew ħadu sehem f’quddiesa fl-istess Santwarju li tmexxiet minn Fr Martin Micallef. L-omelija saret minn Fr Gerald Buhagiar, Rettur tas-Santwarju.
Wara, dawk kollha preżenti attendew għal ikla flimkien ix-Xlendi.

Kien fl-1883, nhar it-22 ta’ Ġunju, li x-xebba Karmni Grima semgħet il-leħen tal-Verġni Marija mill-Kwadru tagħha jsejħilha: “Ejja, ejja…”, u meta daħlet fil-kappella mill-ġdid il-leħen mill-kwadru talabha biex “tgħid tliet Ave f’ġieħ it-tlitt ijiem li ġismi dam fil-qabar”. Imma l-ġrajja Ta’ Pinu ma tiqafx hawn. Lil Franġisk Portelli, ġuvni mill-Għarb, ħabib u ġar ta’ Karmni u devot kbir tal-Madonna Ta’ Pinu, li spiss kien jinġabar jitlob fis-skiet tal-kappella, il-Madonna wkoll talbitu: “Ħabrek biex tkun devot lejn il-pjaga tal-ispalla ta’ Ibni li kienet magħmula mis-salib, waqt li kien tiela’ għall-Kalvarju, u ħabrek ħalli anki l-oħrajn ikollhom l-istess devozzjoni”.

Voluntiera tad-Dar tal-Providenza nominati għall-Active Ageing Awards 2019

Mary Verzin, Ġemma u żewġha John Paris kienu tliet voluntiera mid-Dar tal-Providenza fost l-erba’ u disgħin persuna li kienu nominati għall-Active Ageing Awards għal din is-sena.
Matul iċ-ċerimonja tal-għoti tal-Premjijiet li saret fil-lukanda Qawra Palace, dawk kollha nominati ingħataw ċertifikat ta’ għarfien għall-ħidma tagħhom mill-E.T. Il-President, Dr George Vella fil-preżenza tas-Sur Anthony Agius Decelis, Segretarju Parlamentari għall-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva.
Ir-rebbieħa għal din is-sena kienu: Nikol u Mary Baldacchino għall-Married Couple Award; Paul B . Borg u l-Professur Stanley Fiorini għall-Accademia in Ageing Award u John Magri għall-Sport in Ageing Award. Żewġ mużiċisti, Mro. Paul Abela u l-kantant Freddie Portelli ingħataw il-Premju għall-Ideal Model and Culture in Ageing. L-Award għall-Intergenerational Solidarity ingħata lil Special Olympics Malta waqt li Anġlu Fenech u Maria Camilleri ingħataw il-Lifetime Achievement Award.
Ir-rebbieħa intgħażlu minn Bord immexxi mill-Professur Carmelo Borg.
Is-Segretarju Parlamentari, is-Sur Anthony Agius Decelis qal li n-numru rekord ta’ nominazzjonijiet “juri li l-poplu japprezza il-ħidma mwettqa mill-Gvern waqt li l-anzjani qed japprezzaw il-politika ta’ anzjanità attiva.”
Il-President George Vella wera l-apprezzament tiegħu għall-passi li qed jittieħdu biex titnaqqas is-solitudni li tista’ taffetwa x’uħud, partikolarment dawk li jħossu n-nuqqas ta’ familja matul il-jum. F’dan ir-rigward, il-President Vella rrefera wkoll għall-attivitajiet organizzati fiċ-ċentri tal-jum fi ħdan il-komunità.