L-aħħar irtokki għall-Festa ta’ Ġenerożità ta’ għada b’risq id-Dar tal-Providenza

Fil-car park tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi għaddejjin l-aħħar tħejjijiet għall-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar.  Taħt tinda kbira li tellgħet apposta, għada it-Tlieta, l-ewwel tas-sena, se jkun hemm spettakklu mużikali minn l-aqwa kantanti Maltin bejn l-għaxra ta’ filgħodu u nofs il-lejl.  Barra minn dan l-ispettaklu se jkun hemm numru ta’ voluntiera jilqgħu id-donazzjonjiet tal-pubbliku kif ukoll iwieġbu t-telefonati.  Din il-maratona ta’ ġbir ta’ fondi se tkun imxandra live fuq  TVM2, ONE TV u NET TV.  Fis-Sala ta’ ħdejn il-kappella se jkun hemm bosta xogħolijiet tal-arti għall-bejgħ minn artisti Maltin u barranin.

Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda b’quddiesa fil-Kappella tad-Dar mill-E.T. Mons Charles J. Scicluna fid-9.00am.  Għadd ta’ personalitajiet distinti huma mistiedna jattendu għal din  l-attività fosthom il-President ta’ Malta l-E.T. Marie Louise Coleiro Preca, l-Onor Dr Chris Cardona f’isem il-Prim Ministru, il-Kap tal-Oppożizzjoni l-Onor Dr Adrian Delia u l-Isqfijiet Maltin.

Għal-kumdità ta’ dawk li jixtiequ jattendu se jkun hemm servizz ta’ park-and- ride li jitlaq mit-triq tal-mitjar l-antik ta’ San Niklaw.  Fis-7.00pm ikun hemm ukoll quddiesa oħra fil-kappella tad-Dar.

Fr Martin Micallef, id-direttur tad-Dar, ħeġġeġ lil-Maltin u l-Għawdxin biex għal darba oħra jkunu ġenerużi mad-Dar biex tkun tista’ tkompli toffri l-aħjar lir-residenti tad-Dar b’rispett sħiħ lejn l-individwalità u d-drittjiet tagħhom.

Għal dawk li ma jistgħux jaslu sas-Siġġiewi biex jagħmlu d-donazzjoni tagħhom jistgħu jaghmlu dan bit-telefon:

 

Donazzjoni         €10            –        516 02 012

Donazzjoni         €15            –        517 02 013

Donazzjoni         €25            –        518 02 014

SMS Donazzjoni         €7              –        506 18 922

Pledge line                                   –        21462759

 

This post is also available in: English