Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza fl-Ewwel ta’ Jannar 2025

Għal darb’oħra, il‑Festa ta’ Ġenerożità b’risq id‑Dar tal‑Providenza se terġa tiġi organizzata taħt it‑tinda l‑kbira fil‑parkeġġ tas‑Siġġiewi. Dan  tħabbar  minn Fr Martin Micallef, Direttur u mis‑Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad‑Dar, waqt konferenza tal‑aħbarijiet li saret nhar l‑Erbgħa 27 ta’ Novembru 2024.

Bħalma sar waqt edizzjonijiet riċenti, il‑Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l‑istazzjonijiet ewlenin tat‑televixin bejn l‑10:00am u nofsillejl. Fid‑9:30am, TVM2 ixandar il‑quddiesa mill‑kappella tad‑Dar li se titmexxa mill‑E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.

Fr Martin ħabbar li s‑sena 2025 se tkun sena speċjali għad‑Dar tal‑Providenza għax se tkun qed tfakkar is‑60 sena mit‑twaqqqif tagħha. Dan ħabbru Fr Martin Micallef li qal li tul dawn is‑snin id‑Dar offriet residenza permanenti lil 270 persuna b’diżabilità kif ukoll bosta oħra li ġew offruti s‑servizz ta’ respite.  Id‑Dar dejjem offriet servizzi personalizzati ta’ kwalità lir‑residenti, servizzi li jirrispettaw id‑drittijiet u d‑dinjità tagħhom.  Dan kien possibli biss grazzi għall‑appoġġ kontinwu tal‑poplu Malti u Għawdxi.

Fr Martin żied jgħid li d‑Dar se tkun qed tiċċelebra dan l‑avveniment bi tnedija ta’ strateġija għas‑snin li ġejjin li tpoġġi d‑deistituzzjonalizzazzjoni fiċ‑ċentru tagħha fid‑dawl tal‑prinċipji tal‑Konvenzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti għad‑Drittijiet tal‑Persuni b’diżabilità billi toffri aktar servizzi residenzjali fil‑komunità u atternattivi oħra ta’ sapport skont ix‑xewqat tal‑persuna.

Fr Martin tkellem ukoll dwar il‑ħidma li qed issir fid‑Dar li kompliet fuq il‑proġett ta’ rinovar ta’ erba’ flats f’Villa Papa Giovanni fejn ix‑xogħol fuq wieħed minnhom tlesta f’Mejju li għadda u x‑xogħol fuq it‑tieni wieħed mistenni jkun lest kmieni s‑sena d‑dieħla. Id‑Dar kompliet tinvesti fir‑riżorsa umana anke b’impjieg ta’ professjonisti, taħriġ kontinwu lill‑impjegati, xiri ta’ apparat ġdid, manutenzjoni, u proġetti oħra biex tkompli ttejjeb is‑servizzi tagħha.

Il‑Festa ta’ Ġenerożita tal‑1 ta’ Jannar, hija appuntament annwali, fejn id‑Dar tista’ ddur lejn il‑poplu Malti u Għawdxi biex jgħinnha finanzjarjament għax l‑ispejjeż huma kbar.  Fil‑fatt, id‑Dar għandha bżonn madwar 7 miljun ewro kull sena biex topera.

Ms Nadine Camilleri Cassano, l‑Amministratur tad‑Dar tal‑Providenza tkellmet dwar id‑diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li se jsiru matul ix‑xahar ta’ Diċembru li jwasslu għall‑ewwel tas‑sena u kif il‑poplu jista’ jgħin.

Hija spjegat kif id‑donazzjonijiet jistgħu isiru mill‑lum stess sal‑ewwel tas‑sena b’wieħed minn dawn il‑mezzi.  Fil‑fatt, dawn id‑donazzjonijiet se jkunu inklużi fis‑somma totali li titħabbar fi tmiem il‑maratona fl‑1 ta’ Jannar 2025.

€15         51702013

€25         51802014

€50         51902085

€100     51302022

SMS €7   50618922

Wieħed jista’ wkoll jagħmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad‑Dar tal‑Providenza mal‑banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.

Donazzjonijiet via BOV Mobile u myAPS Payment to Mobile (P2M) jistgħu isiru fuq 7932 4834.

Aktar minn hekk, individwi jistgħu wkoll jibgħatu d‑donazzjoni tagħhom ta’ iżjed minn €20 permezz ta’ ċekk lid‑Dar tal‑Providenza, Triq Lapsi, is‑Siġġiewi  SGW2822. Għandhu jiġi nnutat li skont direttiva mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta ċekkijiet wara ta’ inqas minn €20 ma jistgħux jissarfu mill‑banek Maltin.

Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl‑uffiċċju tad‑Dar tal‑Providenza, fi Triq San Pawl il‑Belt (wara s‑suq), mit‑Tlieta sas‑Sibt filgħodu bejn id‑9:00 am u n‑12:00 pm, mill‑Paola Catholic Bookshop, kif ukoll mill‑Pjazza tar‑Rabat Malta fil‑ġranet ta’ qabel il‑Milied sal‑1 ta’ Jannar 2025.

Tkellmet ukoll is-Sinjura Amanda Ciappara, li qalet li l‑Maratona ta’ 30 siegħa xandir mużikali organizzata minn Radju RTK se ssir fi tmiem din il‑ġimgħa  bejn is‑Sibt 30 ta’ Novembru u l‑Ħadd l‑1 ta’ Diċembru 2024.

 

Kunċert vokali u strumentali mill-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta

Kull sena d-Dar tal-Providenza torganizza kunċert marbut mal-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità li jiġi ċċelebrat fit-3 ta’ Diċembru u se jsir nhar il-Ġimgħa 29 ta’ Novembru 2024 fis-7.30pm fil-Knisja Arċipretali ta’ Santa Katarina V.M. fiż-Żejtun.

Fil-kunċert, li se jsir taħt il-patroċinju distint tal-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna, tieħu sehem il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taht id-direzzjoni tas-Surmast u Direttur Mużikali tagħha, il-Maġġur Jonathan Borg.

Il-programm jinkludi xogħlijiet ta’ Puccini, Hansen, Schubert, Vivaldi, Morricone, De Haan, Lloyd Weber, Innocenzi u Swearingen. Ma jonqsux siltiet minn kompożituri Maltin Tano Monseigneur, Ssgt Gilbert Camilleri u Ray Magri.

Matul is-serata jitħabbar ukoll ir-rebbieħ/a tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi għal din is-sena. Premju li jingħata bħala għarfien tal‑kontribut mogħti lid‑Dar tal‑Providenza minn persuni jew oganizzazzjonijiet li jaħdmu fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità.

Id‑dħul huwa b’xejn u min hu interessat jista’ jibbukkja s‑seats billi jirreġistra mar‑ reception desk tad‑Dar tal‑Providenza b’telefonata fuq 21462844 – 21464915 jew b’email fuq: info@dartalprovidenza.org sa mhux aktar mill‑Ġimgħa, 15 ta’ Novembru 2024.

Ritratt: Justin Gatt

Bażar kbir tal-Milied b’risq Id-Dar tal-Providenza

Bażar kbir tal-Milied b’risq id‑Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi bejn il-Ġimgħa tmienja u l‑Ħadd għaxra ta’ Novembru, mid-disgħa ta’ filgħodu sal-erbgħa ta’ waranofsinhar.  Ikun hemm bosta oġġetti kemm ġodda, kif ukoll użati, bħal kotba, ħwejjeġ, pjanti, affarijiet tal‑kċina, dekorazzjonijiet u oġġetti antiki.

Narawkom. V.O/1066

€6,478 miġbura għad-Dar tal-Providenza waqt Bike Ride organizzata mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi

Nhar il-Ħadd, 27 ta’ Ottubru, 2024, inġabru €6,478 f’Bike Ride organizzata mid-Dipartiment tax-Xogħlijiet Pubbliċi b’risq id-Dar tal-Providenza. Aktar minn 150 ċiklist ħadu sehem f’din l-attività li bdiet f’Ta’ Qali f’rotta li għaddiet minn taħt l-arkati storiċi tal-Imdina li jagħtu għall-pont ta’ Gomorino u lura lejn Ta’ Qali.

Il-Bike Ride kellha l-appoġġ ta’ Polti-Kometa li, f’kollaborazzjoni ma’ Visit Malta, kienu strumentali għall-promozzjoni tal-attività u l-għoti ta’ fliexken tal-ilma liċ-ċiklisti kollha. Sponsors oħra kienu Farsonsdirect, Maypole and Gaetano Mifsud Limited.

Transport Malta, il-Pulizija ta’ Malta u l-Malta Red Cross żguraw is-sigurtà taċ-ċiklisti  matul it-triq.

L-Altezza Rjali Tiegħu, il-Prinċep Edward jiltaqa’ mar-residenti tad-Dar tal-Providenza u l-komunità Paralimpika ta’ Malta

L-Altezza Rjali Tiegħu l-Prinċep Edward, Duka ta’ Edinburgh, l-Erbgħa waranofsinhar żar id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi, fejn iltaqa’ ma’ paraatleti Maltin. Waqt din iż-żjara sinifikanti, id-Duka ltaqa’ wkoll mar-residenti tad-Dar, impjegati, voluntiera, tfal tal-iskola u diversi komunitajiet sportivi.

Mal-wasla tiegħu, l-Altezza Rjali Tiegħu ġie milqugħ minn Dun Martin Micallef, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u Direttur tad-Dar tal-Providenza, flimkien mal-Prof. Joseph N. Grima, President tal-Kumitat Paralimpiku Malti u tas-Siġġiewi Rowing Club. Fost id-dinjitarji preżenti kien hemm Mons. Joseph Galea-Curmi, Isqof Awżiljarju ta’ Malta, l-Onor. Julia Farrugia, Ministru tal-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat, l-Onor. Graziella Galea, Shadow Minister għall-Inklużjoni u s-Settur tal-Volontarjat u l-Perit Julian Borg, Sindku tas-Siġġiewi.

Matul iż-żjara tiegħu, id-Duka ltaqa’ ma’ plejers mill-Malta Wheelchair Basketball u Frame Football, kif ukoll segwa wirja ta’ żfin fuq siġġu tar-roti mmexxija mis-Sinjura Pippa Roberts fis-sala prinċipali tad-Dar tal-Providenza. Huwa ltaqa’ wkoll ma’ qaddiefa, para qaddiefa u uffiċjali tas-Siġġiewi Rowing Club li jużaw il-gym tad-Dar tal-Providenza għat-taħriġ regolari tagħhom. Id-Duka ngħata tagħrif ġenerali dwar l-inklussività tal-klabb, li jġib flimkien atleti b’diżabilità fiżika, intellettwali u b’nuqqas ta’ dawl li jitħarrġu flimkien ma’ wħud mill-aqwa qaddiefa ta’ Malta.

Fi tmiem iż-żjara tiegħu, id-Duka ppresieda ċerimonja ta’ għoti ta’ ċertifikati għar-rebbieħa tal-“Kompetizzjoni tal-Iskejjel tal-Logħob Paralimpiku ta’ Pariġi 2024”, li għaliha ħadu sehem tfal tal-iskola u l-familji tagħhom. Il-kompetizzjoni laqqgħet tmien skejjel u involviet aktar minn 50 parteċipant f’ċelebrazzjoni ta’ inklussività u sport. Din kienet waħda minn diversi inizjattivi mill-Kumitat Paralimpiku Malti bil-għan li tqajjem kuxjenza u toħloq wirt għal-logħob paralimpiku ta’ Pariġi 2024. Biex tippromwovi l-impenn u l-għarfien tal-isports adattiv, il-kompetizzjoni kellha l-għan li tispira lill-edukaturi biex jippromwovu sports aktar inklużiv u tinkoraġġixxi lill-ġenerazzjoni futura biex jagħmlu impatt dejjiemi fl-iskejjel.

Il-Kumitat Paralimpiku Malti, membru sħiħ tal-Kumitat Paralimpiku Internazzjonali, huwa l-uniku korp governattiv nazzjonali rikonoxxut responsabbli mill-iżvilupp u l-promozzjoni tal-isport paralimpiku u l-parasport f’Malta u Għawdex.

Id-Dar tal-Providenza hija għaqda mhux governattiva mmexxija mill-Knisja li toffri servizzi residenzjali għal individwi b’diżabilità f’Malta. Hija tagħti s-saħħa lill-persuni b’diżabilità li jemmnu fihom infushom f’ambjent li jixbah il-familja u li jkabbar u jimmassimizza l-abbilitajiet tagħhom.

Sal-1962, il-bini li żar illum id-Duka ta’ Edinburgh serva bħala Royal Navy Rest Camp.

Ritratti: Arċidjoċesi ta’ Malta – Claire Camilleri

Id-Dar tal-Providenza tfakkar id-59 sena mit-twaqqif tagħha

Il‑Ħamis 12 ta’ Settembru 2024, id‑Dar tal‑Providenza tfakkar id‑59 anniversarju tagħha. 59 sena ilu, Dun Mikiel Azzopardi, b’Lm100 f’idejh mogħtija minn mara li kienet faddlithom biex tmur fuq btala, ta bidu għad‑Dar tal‑Providenza,  l‑ewwel Dar f’Malta li bdiet toffri servizzi residenzjali lil persuni b’diżabilità. Sal-lum id‑Dar tal‑Providenza għada miraklu ħaj tal‑Providenza Divina.

Illum, 59 sena wara, id‑Dar tal‑Providenza, bl‑appoġġ sħiħ tal‑poplu Malti u Għawdxi, b’għajnuna tal‑ħafna volontiera u b’appoġġ finanzjarju, minbarra fis‑Siġġiewi, għandha erbat idjar oħra fil‑komunitajiet tas‑Siġġiewi stess, Birkirkara, il‑Qawra u ż‑Żurrieq. Dawn id‑djar jospitaw madwar 115‑il persuna b’diżabilità mogħnija bir‑rispett, drittijiet u dinjità tagħhom.

Meta nħarsu lura lejn is-snin bikrin tas-sittinijiet ma nistgħux ninsew it‑tħassib inkwetanti ta’ Dun Mikiel għall‑qagħda tal‑persuni b’diżabilità li fi kliemu stess kienu moħbija u mwarrba.  Kien skopra li diversi persuni b’diżabilità kienu qed jgħixu fi stat deplorevoli, tant li kienu jinħbew fil‑kantini, f’ambjenti inumani għall‑aħħar, fejn kultant l‑anqas l‑aħwa tagħhom stess ma kienu jkunu jafu bihom.

Kien hawn li nibtet fih l‑idea li jsib post li fih dawn il‑persuni jsibu ambjent fejn jgħixu ‑ ambjent li jixirqilhom u jirrispetta d‑dinjità tagħhom. Ħafna kienu dak li spjegawlu li biex jagħmel dan il‑proġett ried ħafna fondi.  Imma Dun  Mikiel kien jemmen bis‑sħiħ li l‑Providenza ta’ Alla hi bla limitu, bħalma bla limitu huma l‑valuri tal‑ġustizzja u s‑solidarjetà.

It-12 ta’ Settembru huwa jum li fih nirringrazzjaw lil Alla li lil Malta ta lil Dun Mikiel li welled u xettel id-Dar tal-Providenza, id-Dar, li kif kien iħobb jgħid il-mibki Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca, hija d-dar ta’ kulħadd.

Il-kumpanija CF Homes ittejjeb faċilitajiet fid-Dar tal-Providenza

CF Homes, waħda mill-kumpaniji ewlenin fil-qasam tar-real estate f’pajjiżna, dan l-aħħar għamlet xogħol ta’ rinnovazzjoni u manutenzjoni f’taqsima tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi b’turija tal-impenn tagħha għal ħidma fil-komunità. Xogħol fuq numru ta’ kmamar fid-Dar beda fil-bidu tas-sajf biex dawn il-kmamar saru kemm reżistenti għal kollox kontra l-maltemp kif ukoll rinnovati għal livell għoli,

Is-Sur Clifton Cassar, Direttur ta’ CF Homes, esprima li l-kumpanija hija kburija li appoġġjat proġett sinifikanti bħal dan u qal li “huwa unur għalina li nikkontribwixxu għal din l-inizjattiva notevoli. Malta għandha tkun grata lejn Fr Martin u t-tim tiegħu fid-Dar tal-Providenza għax-xogħol imprezzabbli li jagħmlu kuljum mingħajr daqq ta’ trombi.” Huwa ħeġġeġ ukoll biex kumpaniji oħra jappoġġjaw ħidmiet simili.

Fr. Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, estenda l-gratitudni tiegħu lil CF Homes għall-għotja ġeneruża li għamlu.

L-Arċisqof Emeritus Pawlu Cremona f’pellegrinaġġ Marjan għall-morda f’Lourdes

L-Arċisqof Emeritus Mons. Pawlu Cremona O.P. ħa sehem fil-pellegrinaġġ annwali għall-morda organizzat mill-Assoċjazzjoni Voluntarji Lourdes.  Din is-sena għal dan il-pellegrinġġ, li sar bejn il-Ħamis 29 ta’ Awwissu u l-Ħadd l-1 ta’ Settembru 2024, attendew 175 pellegrin minn Malta u Għawdex.

Huwa kkonċelebra f’quddiesa li saret fil-Grotta ta’ Massabielle mmexxija minn Fr Martin Micallef, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u Direttur tad-Dar tal-Providenza, assistit minn Patri Dijonisju Mintoff OFM, Direttur tal-Laboratorju tal-Paċi, Patri Jose Debono OCD, Provinċjal tat-Tereżjani u Patri Mario Sant OFM Conv. wieħed mill-patrijiet li jagħtu servizz lill-morda f’Londra.

Il-Ħadd l-1 ta’ Settembru l-Arċisqof Cremona kkonċelebra wkoll waqt il-quddiesa internazzjonali li saret fis-Santwarju ta’ Notre Dame de Lourdes li tmexxiet mill-Kardinal Enrico Feroci. Huwa ħa sehem ukoll fil-purċissjoni bis-sagrament li saret il-Ġimgħa 31 ta’ Awwissu kif ukoll f’waħda mill-purċissjonijiet tal-Aux Flambeaux li ssir kull filgħaxija fil-pjazza prinċipali ta’ quddiem is-Santwarju ta’ Lourdes.

Imut Dun Anġ Seychell, fundatur tal-Fondazzjoni Nazareth

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża ta’ Dun Anġ Seychell, fundatur tal-Fondazzjoni Nazareth. Fl-1995, Dun Anġ, ispirat minn Jean Vanier, il-fundatur ta’ l-Arche International, għażel li joffri daru stess fi-Żejtun biex fiha, flimkien miegħu jgħixu persuni b’diżabilità intellettwali.

Fit-8 ta’ Settembru 1995 waqqaf il-Fondazzjoni Nazareth biex tkun tista’ tmexxi din id-dar. Illum il-Fondazzjoni għandha erbat idjar residenzjali fiż-Żejtun.

Malta kollha llum issellem lil dan is-saċerdot li bħal Mons. Mikiel Azzopardi, iddedika ħajtu għall-oħrajn b’mod speċjali għall-persuni b’diżabilità li tant kien jirrispetta u jistma ndaqs.

Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Jinġabru €6,700 minn BBQ annwali għad-Dar tal-Providenza

Is‑somma rekord ta’ €6,700 inġabret matul BBQ tas-sajf li jsir kull sena b’risq id‑Dar tal‑Providenza organizzat minn Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb għal aktar minn dawn l‑aħħar għaxar snin.

Waqt l‑attività, Fr Martin Micallef, id‑Direttur tad‑Dar, irringrazzja l‑organizzaturi, volontiera, sponsors u lil aktar minn 100 persuni u qraba li attendew għal dan il‑BBQ għal ġbir ta’ fondi u għenu finanzjarjament għal din il‑kawża nobbli. Is‑somma miġbura se tgħin lid‑Dar tal‑Providenza li toffri residenza għal persuni b’diżabilità fl‑ispiża li għandha li tlaħħaq għal €13,000 kull jum.

L‑isponsors ewlenin kienu Prime Ltd., C. Camilleri & Sons, Ron Axisa, Welbees Naxxar, The General Soft Drinks Co. Ltd., Farsons Direct, Heir & Loom, Bristow Potteries, VCT Lighting, Provita, Rausi & Co. u Gordon Portelli ta’ Pitkali Malta.

Dan il‑BBQ ma kienx possibli li jsir mingħajr l‑għajnuna imprezzabbli tal‑familja u l‑ħbieb li għenu fil‑loġistika u fit‑tisjir.