l-Isqof Awżiljarju jżur wieħed mill-flats rinovati tad-Dar tal-Providenza

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi kien mistieden iżur wieħed mill‑flats f’Villa Papa Giovanni, fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi, fejn sar xogħol kbir ta’ rinovar biex ir‑residenti jkollhom ambjent aktar dinjituż fejn jgħixu. Huwa kellu wkoll l‑opportunità jqaddes quddiesa lir‑residenti u l‑ħaddiema tad‑Dar.

Fost ix‑xogħlijiet li saru kien hemm xogħol strutturali biex kull resident ikollu kamra tal‑banju ma’ kamartu, tibdil fis‑sistema kollha tad‑dawl u xogħol li jħares is‑saħħa u s‑sigurtà tar‑residenti.

Fl‑omelija tiegħu, l‑Isqof Galea-Curni qal: “Id‑Dar tal‑Providenza hija d‑dawl tal‑Knisja f’Malta għaliex tassew qed tgħix il‑kliem ta’ Ġesù, ‘Intom id‑dawl tad‑dinja’. Id‑Dar hija wkoll dawl għas‑soċjetà Maltija għax turi li l‑ħajja ta’ kull persuna għandha valur kbir quddiem Alla”.

Fr Martin Micallef, id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, qal li x‑xogħol li sar juri l‑impenn tad‑Dar biex tkompli ttejjeb il‑kwalità tas‑servizzi tagħha b’ambjent xieraq li jirrispetta wkoll il‑privatezza u l‑għażliet tar‑residenti.  Hekk kif jitlesta x-xogħol f’dan il-flat, se jiġi rinnovat flat  ieħor u hu ppjanat li jitlesta sa tmiem din is‑sena.

Fr Martin irringrazzja lill‑ħaddiema kollha li ħadmu fuq dan il‑proġett, lill‑Perit John Papagiorcopolo u lill‑Inġinier Joseph Cuschieri tas‑servizzi professjonali tagħhom, lil diversi kumpaniji li għenu fil‑proġett u mhux l‑inqas lill‑poplu Malti u Għawdxi għall‑appoġġ kontinwu tiegħu.

John Micallef, missier Fr Martin jingħaqad mal-Mulej.

John Baptist Micallef, missier Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, ngħaqad mal-Mulej nhar l-Erbgħa, 27 ta’ Marzu 2024. F’post fuq Facebook, Fr Martin tkellem dwar il-qalb imnikkta tiegħu u ta’ ħutu, Mario u Joanne u r-raġel tagħha Joe Mizzi, imma fl-istess ħin mimlija bit-tama u l-gratitudni.

F’isem l-amministrazzjoni u r-residenti tad-Dar ngħaddu l-kondoljanzi sinċieri tagħna lil Fr Martin u l-familja.

L-aħħar tislima se tingħata nhar it-Tlieta, 2 ta’ April, 2024 fil-knisja parrokkjali ta’ Sant’Andrija f’Ħal Luqa fis-2.00pm.

Filwaqt li niftakru f’John fit-talb tagħna, donazzjonijiet lid-Dar tal-Providenza jkunu apprezzati.

Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Kunċert vokali u strumentali mill-Banda tal-Pulizija ta’ Malta b’risq Id-Dar tal-Providenza

Nhar il-Ħamis, 21 ta’ Marzu 2024, il-Banda tal-Pulizija ta’ Malta tellgħet kunċert vokali u strumentali ta’ mużika sagra għall-Ġimgħa l-Kbira fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta b’risq Id-Dar tal-Providenza.

F’dan il-kunċert ħadu sehem is-Sopran Claire Caruana, it-Tenur Angelo Muscat, l-Arpista Dr Lydia Buttigieg, il-Vjolinist/Sassofonist/Kantant David Joseph Sammut, l-Organista Dr Chris Role, u l-Pipers Stefan Mercieca u Joseph D’Amato. Il-Banda kienet taħt id-direzzjoni tal-Logutenent Mro Dario Salvi u Mro Anthony Cassar li kkontribwew bil-kompetenza artistika tagħhom.

Wirja ta’ karozzi antiki b’risq Id-Dar tal-Providenza

L-Old Motors Club organizza attività ta’ ġbir ta’ fondi b’wirja ta’ vetturi antiki b’risq Id-Dar tal-Providenza fil-parkeġġ tagħha fis-Siġġiewi. Fi tmiem l-attività s-somma ta’ €3,760 ġiet ippreżentata lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar li minn-naħa tiegħu irringrazzja lill-organizzaturi għall-appoġġ u s-solidarjetà tagħhom mad-Dar tal-Providenza.

Festa ta’ Ġenerożità 2024 fl-Awstralja b’risq id-Dar tal-Providenza

Nhar il‑Ħadd, 25 ta’ Frar, l‑għaqda Friends of Providence House N.S.W., ir‑rappreżentana uffiċċjali fl‑Awstralja tad‑Dar tal‑Providenza f’Malta tellgħu il‑Festa Annwali ta’ Ġenerożità fiċ‑Ċentru Soċjali ta’ La Vallette ġewwa Blacktown.

L‑MC tas‑serata u t‑teżorier tal‑Għaqda, Ms. Miriam Friggieri tat merħba lil dawk preżenti, li kienu madwar 250 Maltin‑Awstraljani u stednithom biex ikunu ġenerużi bid‑donazjoniet tagħhom.

Il‑Kuncert beda bl‑innijiet Nazzjonali ta’ Malta u l‑Awstralja esegwiti minn Ms. Katelyn Vella, tfajla ta’ nisel Malti.

Is‑Sur Jim Borg, il‑Koordinatur tal‑Għaqda Friends of Providence House NSW, irringrazzja u ntroduċa lill‑isponsors ewlenin tas‑serata, li kienu  ic‑Ċentru Soċjali ta’ La Vallette, Breakaway Travel ta’ Blacktown, kif ukoll lis‑sinjuri Sistu u Maryanne Zammit.  Il‑Konslu Ġenerali ta’ Malta fi NSW, is‑sur Lawrence Buhagiar attenda għal dan l‑avveniment u saħaq dwar l‑importanza li tingħata għajnuna finanzjarja lid‑Dar tal‑Providenza.

Wara ntwera video b’messaġġ mid‑direttur tal‑Dar tal‑Providenza, Fr Martin Micallef li esprima s‑sinifikat u l‑impatt tad‑donazzjoniet li jingħataw biex b’hekk din l‑organizzazzjoni tkun tista’ tkompli tagħti l‑għajnuna meħtieġa lill‑persuni b’diżabilità f’Malta.

Il‑kantanti tas‑serata kienu is‑Sur Joe Apap, is‑Sur Charlie Muscat, is‑Sur Martin Vella, is‑Sinjorina Katelyn Vella u s‑Sinjorina Natasha Tatarinoff li ferrħu u taw gost lil dawk preżenti b’kanzunetti bil‑Malti u bl‑Ingliż. Iż‑żewġ kitarristi żgħażagħ Noah Falzon u Jason li wkoll taw is‑sehem tagħhom f’din l‑okkazjoni. Is‑Sur Ivan Cauchi ħsieb tas‑sound u d‑dwal f’din is‑serata.

Waqt l‑interval, bil‑għan li jinġabru aktar fondi għad‑Dar tal‑Providenza, nbiegħu biljetti għal lotterija bi premjijiet li ngħataw min diversi sponsors. Is‑Sur Jim Borg irringrazzja lill‑kumitat tieghu, magħmul minn Rita O’Dwyer, Segretarja, u Miriam Friggieri, Tezoriera,  u ppreżenta ċertifikati ta’ apprezzament lil mistiednin speċjali, lill‑performers li taw il‑ħin tagħhom għal din l‑okkazjoni kif ukoll lill‑isponsors,  lil dawk li b’xi mod jew ieħor taw l‑għajnuna tagħhom f’dan l‑avveniment, u speċjalment liċ‑Ċentru Soċjali ta’ La Vallette li ġenerożament offrew l‑użu tas‑sala lill‑għaqda u rringrazzja wkoll lill‑istaff tal‑kċina għax‑xogħol tagħhom.

Bis‑saħħa tas‑soldarjetà li wriet il‑komunità Maltija‑Awstraljana f’din is‑serata, il‑Festa ta’ Ġenerożità kienet tassew suċċess. Id‑donazjonijiet kollha li jintgħataw lid‑Dar tal‑Providenza ikomplu jghinu lil din l‑organizzazzjoni biex tkun tista’ tkompli l‑missjoni importanti tagħha ma’ persuni b’diżabilità f’Malta.

Il‑flus kollha li nġabru se jiġu ppreżentati b’cheque lid‑Dar tal‑Providenza fil‑Maratona tal‑Volleyball li ssir f’Malta f’Lulju li gej.

€2,400 f’donazzjonijiet mill-kunċert tal-Forzi Armati ta’ Malta b’risq id-Dar tal-Providenza

Il-Brigadier Clinton O’Neill, Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, ippreżenta l-ammont ta’ €2,404.42 lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, liema somma nġabret waqt il-kunċert vokali u strumentali mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta li sar fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina fl-1 ta’ Diċembru 2023 fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità. Il-Banda, taħt it-tmexxija tas-Surmast il-Kaptan Jonathan Borg, esegwiet programm imżewwaq ta’ siltiet mużikali minn kompożituri Maltin u barranin.

Fr Martin irringrazzja lill-Brigadier O’Neill, għal din id-donazzjoni kif ukoll għall-appoġġ li l-Forzi Armati ta’ Malta jagħtu lid-Dar tal-Providenza kull meta jkun hemm bżonn.

Residenti tad-Dar tal-Providenza bil-karru tagħhom tar-Re tal-Karnival fil-Pjazza tas-Siġġiewi nhar it-Tnejn

Din is-sena residenti tad-Dar tal-Providenza ħadmu karru bir-Re tal-Karnival li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jipparteċipaw f’attività tal-Karnival li ser issir fil-Pjazza tas-Siġġiewi nhar it-Tnejn 12 ta’ Frar 2024 bejn is-2:00pm u s-6:00 pm.  L-attività se tkun tinkludi wkoll il-partiċipazzjoni ta’ ħames skejjel taż-żfin u żfin minn persuni b’diżabilita li jattendu ċ-Ċentru tal-Imtarfa.  Se jkun hemm ukoll logħob għat-tfal organizzzat mill-Grupp tal-Iscouts tas-Siġġiewi filwaqt  li membri tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Korp tal-Pulizija se jkunu qed jesebixxu xi vetturi li jużaw fil-ħidma tagħhom.

 

Din l-attività li se tkun qed issir b’risq id-Dar tal-Providenza, qed tkun organizzata mill-Ħbieb tad-Dar tal-Providenza bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

‘Dejjem pjaċir tiegħi nżur din id-Dar’ – Il-President ta’ Malta, Dott. George Vella

“Dejjem pjaċir tieghi nżur din id‑Dar  u huwa emozzjonali tara l-attenzjoni li tingħata lir-residenti li jgħixu f’din id-Dar.” Dan esprimih il‑President ta’ Malta, Dott. George Vella f’kumment lill-media wara li flimkien mas‑Sinjura Miriam Vella kienet qed jagħmel l‑aħħar żjara uffiċċjali tiegħu fid‑Dar tal‑Providenza qabel it‑tmiem tal‑ħatra tiegħu bħala President. Iż-żjara bdiet b’quddiesa ċċelebrata fil-kappella mid‑Direttur tad‑Dar, Fr Martin Micallef u Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad‑Djakonija.

Il‑President u s‑Sinjura Vella kellhom l-opportunità jitkellmu ma’ bosta mir‑residenti u support workers li kienu miġbura fil‑kappella u wara fis‑sala ewlenija tad‑Dar. Fost oħrajn huma żaru wkoll il‑pixxina terapewtika, iċ‑Ċentru Agrikolu San Isidor, il‑gym u x’xogħol ta’ rinovar li qed f’wieħed mill-flats f’Villa Papa Giovanni.

Fit‑tmiem taż‑żjara, wara pranzu mal‑amministrazzjoni u mar‑rappreżentanza tar‑residenti, il‑President wieġeb għar‑ringrazzjamenti li għamillu Fr Martin billi qal li kien hu jħoss li għandu jirringrazzja kemm lid‑Direttur  kif ukoll l‑impjegati kollha għad‑dedikazzjoni u l‑ħidma tagħhom fid‑djar tad‑Dar tal‑Providenza.

Id-Dar tal-Providenza tospita laqgħa tal-Kabinett

Id-Dar tal-Providenza ospitat laqgħa tal-Kabinett fejn kien diskuss is-settur tal-volontarjat flimkien ma’ rappreżentanti ta’ għaqdiet volontarji.  Aktar qabel, l-Onor. Prim Ministru, Dott. Robert Abela ltaqa’ mar-residenti u ħaddiema tad-Dar.  Hu kien milqugħ mid-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef.

Waqt il-laqgħa tal-Kabinett, Fr Martin esprima l-apprezzament tiegħu f’isem id-Dar li l-Gvern għoġbu jlaqqa’ l-Kabinett biex jiddiskuti s-settur tal-volontarjat propju fid-Dar tal-Providenza.  Huwa qal li dan juri l-apprezzament tal-Gvern għall-ħidma li twettaq il-Knisja f’Malta b’mod speċjali fil-qasam soċjali, bħalma tagħmel fid-Dar tal-Providenza  li toffri servizzi residenzjali tal‑ogħla kwalità lill-persuni b’diżabilità li jkollhom bżonn dan is‑servizz kif ukoll opportunità ta’ volontarjat lil diversi persuni li jixtiequ joffru l‑ħin liberu tagħhom biex jissapportjaw din il‑ħidma. Huwa faħħar il-fatt li pajjiżna huwa mżewwaq b’għadd ta’ inizjattivi li b’xi mod iridu kollha jwettqu l‑ġid f’oqsma diversi, kif ukoll li llum is‑settur tal-volontarjat qed jitqies bħala sieħeb strateġiku fl‑oqsma varji tal‑iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna.

L-MEP David Casa iżur Id-Dar tal-Providenza

Il‑Membru tal‑Parlament Ewropew, l‑Onor. David Casa għamel żjara fid‑Dar tal‑Providenza s‑Siġġiewi fejn kellu l‑opportunità jiltaqa’ mar‑residenti u jara s‑servizzi li toffri d‑Dar.  Mar‑residenti tkellem dwar il‑ħidma tiegħu fi ħdan il‑Parlament Ewropew fejn bħalissa huwa negozjatur dwar liġi li għandha tkompli ttejjeb id‑drittijiet tal‑persuni b’diżabilità ta’ kull pajjiż membru tal‑Unjoni Ewropea.  Huwa rringrazzja wkoll lill‑ħaddiema tad‑Dar għall‑ħidma u d‑dedikazzjoni tagħhom.