Il-Festa ta’ Ġenerożita’ magħna fl-1 ta’ Jannar 2024

 

Għalkemm il-Festa ta’ Ġenerożità ssir f’jum l-ewwel tas-sena, il-pubbliku jista’ jibda joffri d-donazzjonijiet tiegħu minn issa:

Ara kif tista’ tagħti d-donazzjoni tiegħek!

  • 5160 2012 – €10
  • 5170 2013 – €15
  • 5180 2014 – €25
  • 5190 2085 – €50
  • 5130 2022 – €100
  • (SMS) 5061 8922 – €7
  • Ċekk ta’ iktar minn €20 indirizzat lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siġġiewi, SGW2822
  • Paypal jew Bank Transfer f’wieħed mill-kontijiet tad-Dar tal-Providenza: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank jew BNF Bank
  • Jew personalment fl-uffiċċji tad-Dar tal-Providenza Other Donations may be received at the Office of Dar tal-Providenza, fi Triq San Pawl, il-Belt (bejn id-9am u 12pm); Paola Catholic Bookshop, jew fil-Pjazza tar-Rabat sal-1 ta’ Jannar 2024.

 

Rekord nazzjonali ġdid għall-Iskola Sekondarja taż-Żejtun fi ħdan il-Kulleġġ St. Thomas More

L-Erbgħa 20 ta’ Diċembru 2023, l-Iskola Sekondarja taż-Żejtun, fi ħdan il-Kulleġġ St. Thomas More, kisret rekord Nazzjonali b’kalzetta magħmula minn injam, wire, ħadid, plastik u drapp b’dawn il-qisien:

9m għoli;

6.20m qiegħ;

4m fejn jinqafel il-lazz;

7m minn fuq sal-lazz;

3.5m fejn tidħol is-sieq;

5.5m mil-lazz sa fuq;

1.07m fond.

Dan ir-rekord Nazzjonali wassal fit-tmiem villaġġ tal-Milied b’risq id-Dar tal-Providenza li beda nhar it-Tnejn 18 ta’ Diċembru 2023 fl-istess skola.

Fil-kazzetta tpoġġew ukoll rigali għar-residenti tad-Dar.

Is-Sur Jeffrey Saliba mill-Malta Records ippreżenta ċertifikat lill-Kap tal-Iskola s-Sur Adrian Galea bħala konferma tal-ksur ta’ dan ir-rekord Nazzjonali.

Father Christmas ma nesiex lir-residenti tad-Dar tal-Providenza

Father Christmas dar għat‑trasport modern, il‑helicopter, biex iżomm l‑appuntament tiegħu mar‑residenti tad‑Dar‑Providenza. Grazzi għall‑Forzi Armati ta’ Malta, ir‑residenti ħarġu fil‑parkeġġ tad‑Dar fis‑Siġġiewi biex jaraw xena mhux tas‑soltu meta lil Father Christmas rawh nieżel imdendel minn qaddu mill‑helicopter li qajjem riefnu bl‑iskrejjen kbar tiegħu.

Ir-residenti ma naqsux li jieħdu ritratt tal-okkażjoni bi tbissima ma’ Father Christmas.

Eden Leisure Group joffri €5,000 lid-Dar tal-Providenza

Is‑Sur Simon De Cesare, CEO, u Ms Kate De Cesare, Chief Sustainability Officer, tal‑Eden Leisure Group għamlu donazzjoni ta’ €5,000 lid‑Dar tal‑Providenza. Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar, irringrazzja lil‑Group għall‑appoġġ kontinwu lir‑Dar.

Eden Leisure Group huwa wieħed mill‑bosta kumpaniji kummerċjali f’pajjiżna li jinkoraġġixxi lill‑ħaddiema tiegħu biex jgħaddu parti żgħira mis‑salarju tagħhom lid‑Dar tal‑Providenza u jħeġġu kumpaniji oħra biex jagħmlu l‑istess.

Dawk li jħaddmu jistgħu jiksbu aktar informazzjoni fuq dan l‑att ta’ solidarjetà billi jibgħatu email fuq info@dartalprovidenza.org. Minn naħa tagħhom ħaddiema li jixtiequ jkunu parti minn din l‑iskema jistgħu jikkuntattjaw l‑HR Manager tagħhom u jħeġġu li l‑kumpanija li jaħdmu magħha tagħmel parti wkoll minn din l‑iskema.

Fl-ewwel ta’ Jannar Festa oħra ta’ Ġenerożita’

Għal darb’oħra, il-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza se terġa tiġi
organizzata taħt tinda fil-parkeġġ tad-Dar, is-Siġġiewi. Dan tħabbar mid-Direttur
tad-Dar, Fr Martin Micallef, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu t-Tlieta,
5 ta’ Diċembru 2023.

Il-Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l-istazzjonijiet ewlenin tat-televixin
bejn l-10.00am u nofsillejl. Fid-9.30am, TVM2 ixandar il-quddiesa li se titmexxa
mill-E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna mill-kappella tad-Dar. Matul il-ġurnata
se jsir ukoll irkant online ta’ xogħlijiet tal-arti li se jkunu wkoll esebiti dakinhar
fil-sala tad-Dar tal-Providenza. B’mod fiżiku, wieħed jista’ jara l-katalgu sħiħ,
fuq www.dtpauction.com. Il-bidding online se jkun miftuħ mill-15 ta’ Diċembru ’l
quddiem fuq is-sit elettroniku: belgraviaacutions.com.

Fr Martin Micallef qal li d-Dar tal-Providenza hi impenjata li tibqa’ toffri servizzi
residenzjali ta’ kwalità lir-residenti, hekk kif tibqa’ taspira li tkompli ttejjeb kemm
jista’ jkun il-kwalità tal-ħajja tal-istess residenti. Fr Martin tenna li għalkemm
is-servizz personalizzat lir-residenti huwa element importanti ħafna, spjega kif
l-objettivi tad-Dar tal-Providenza huma ukoll li r-residenti jkunu aktar inklużi
fis-soċjetà u jipparteċipaw b’mod sħiħ fiha. Fr Martin semma’ l-ispejjez li għandha
d-Dar tal-Providenza ta’ kull sena, fejn dejjem ikun hemm bżonn li jissaħħaħ
l-investiment fir-riżors uman, xiri ta’ apparat ġdid, manutenzjoni, u proġetti ġodda
kapitali li jkomplu jtejbu s-servizz mogħti mid-Dar, kif ukoll ftuħ ta’ djar oħra
fil-komunità.

“Il-Festa ta’ Ġenerożita tal-1 ta’ Jannar, hija appuntament annwali, fejn id-Dar tista’
ddur lejn il-poplu Malti u Għawdxin biex jgħinha finanzjarjament għax l-ispejjeż
huma kbar. Fil-fatt id-Dar għandha bżonn madwar 6 miljun ewro u nofs kull sena.”
temm jgħid Fr Martin.

Is-Sinjura Camilleri Cassano, l-Amministratur tad-Dar tal-Providenza spjegat kif
id-donazzjonijiet jistgħu isiru mil-lum stess sal-ewwel tas-sena b’wieħed minn
dawn il-mezzi. Fil-fatt, dawn id-donazzjonijiet se jkunu inklużi fis-somma totali li
titħabbar fi tmiem il-maratona fl-1 ta’ Jannar 2024.
Permezz tat-telefon: €10 – 51602012, €15 – 51702013, €25 – 51802014, €50 – 51902085,
€100 – 51302022 SMS €7- 50618922
Wieħed jista’ ukoll jagħmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad-Dar
tal-Providenza mal-banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF
Bank.

Aktar minn hekk, individwi jistgħu wkoll jibgħatu d-donazzjoni tagħhom ta’ iżjed
minnn €20 permezz ta’ ċekk lid-Dar tal-Providenza, Triq Lapsi, is-Siġġiewi
SGW2822. Għandhu jiġi nnutat li ċekkijiet ta’ inqas minn €20 ma jistgħux jissarfu
mill-banek Maltin wara direttiva li saret mill-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl-uffiċċju tad-Dar tal-Providenza, fi Triq San Pawl
il-Belt (wara s-suq), filgħodu bejn id-9:00 am u n-12:00 pm, mill-Paola Catholic
Bookshop, kif ukoll mill-Pjazza tar-Rabat Malta fil-ġranet ta’ qabel il-Milied sal-1 ta’
Jannar 2024

Id-Down Syndrome Association tingħata l-Premju Mons Mikiel Azzopardi 2023

Id‑Down Syndrome Association hija r‑rebbieħa tal‑Premju Mons Mikiel Azzopardi 2023. Dan ħabbru Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, waqt il‑kunċert vokali u strumentali mill‑banda tal‑Forzi Armati ta’ Malta b’risq id‑Dar tal‑Providenza. L‑E.T. il‑President ta’ Malta, Dott. George Vella, fil‑preżenza tal‑E.T. Mons Joseph Galea‑Curmi, Isqof Awżiljarju, ippreżenta l‑premju lir‑rappreżentanti tad‑Down Syndrome Association. Il‑kunċert sar fil‑Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl‑Imdina bil‑banda tal‑Forzi Armati ta’ Malta taħt it‑tmexxija tad‑Direttur Mużikali tagħha, il‑Kaptan Jonathan Borg u bi preżentazzjoni ta’ Christine Delicata.

L‑Assoċjazzjoni Down Syndrome f’Malta twaqqfet fl‑1981 fejn dak iż‑żmien ġiet stabbilità u mmexxija minn ġenituri ta’ persuni li għandhom id‑Down Syndrome. L‑Assoċjazzjoni hija reġistrata bħala organizzazzjoni volontarja b’hekk tiddependi għalkollox fuq ħidma volontarja u donazzjonijiet li jiġu mill‑ġenerożità tal‑membri tagħha u tal‑pubbliku ġenerali biex tkompli bil‑missjoni tagħha u jitħallsu l‑ispejjeż amministrattivi.

Wieħed mill‑għanijiet tal‑assoċjazzjoni huwa li tħeġġeġ lin‑nies li għandhom il‑kundizzjoni Down Syndrome biex jilħqu l‑potenzjal tagħhom fejn jgħixu indipendenti f’soċjetà li tagħraf il‑kapaċitajiet tagħhom. L‑assoċjazzjoni tgħin ukoll lill‑ġenituri li jkunu għadhom kif kellhom tarbija bil‑kundizzjoni Down Syndrome billi tipprovdi pariri u appoġġ partikolarment fl‑istadji bikrija tal‑ħajja tat‑tarbija. Rwol ieħor huwa li l‑assoċċjazzjoni tirrapreżenta l‑interessi u l‑bżonnijiet tan‑nies li għandhom Down Syndrome fl‑aspetti kollha tal‑ħajja u l‑bżonnijiet tal‑individwi, bħala membri tal‑familja u tal‑komunità.

Il‑kunċert, li kellu attendenza sabiħa, sar il‑Ġimgħa, l‑1 ta’ Diċembru fl‑okkażjoni tal‑Jum Internazzjonali tal‑Persuni b’Diżabilità li jitfakkar fit‑3 ta’ Diċembru. F’diskors tal‑okkażjoni, Fr Martin Micallef tenna li  l‑Ġnus Magħquda bdiet tiċċelebra dan il‑Jum bil‑għan li jkun okkażjoni annwali biex is‑soċjetà tingħaqad flimkien biex tappoġġja lill‑persuni b’diżabilità li jgħixu fil‑komunitajiet tagħna, toħloq għarfien dwar l‑importanza li noħolqu futur isbaħ fejn il‑persuni b’diżabilità jgawdu minn opportunitajiet indaqs u ma jiffaċċjaw l‑ebda ostaklu f’kull aspett ta’ ħajjithom, kemm f’dak li għandu x’jaqsam mal‑ħajja tagħhom ta’ kuljum fil‑komunitajiet li jgħixu, kemm biex jidħlu fid‑dinja tax‑xogħol, kif ukoll biex jirrealizzaw l‑aspettativi u l‑aspirazzjonijiet tagħhom.  Ma’ dan, il‑Papa Franġsiku iżid l‑importanza li f’dan il‑Jum nippromovu wkoll il‑kultura tal‑ħajja li kontinwament tafferma d‑dinjità ta’ kull persuna,  b’mod speċjali bħala protezzjoni għal irġiel u nisa ta’ kull żmien u kundizzjonijiet soċjali.”

Fil‑kunċert indaqqu xogħlijiet ta’ Kettlebey, Yoder, Nelhybel, Appermont, Coleridge‑Taylor flimkien mal‑kompożituri Maltin Aurelio Belli, Daniel Vella u Antoine Marcieca.  Solisti kienu Sgt Joseph Zammit fuq l‑Ewfonju, Bdr Joseph Grech fuq il‑qniepen u t‑tenur Bdr Georg Zammit.

Il‑Premju Mons Mikel Azzopardi, li tnieda għall‑ewwel darba fl‑1955, jingħata kull sena biex jirrikonoxxi l‑kontribut ta’ persuni fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità f’Malta u Għawdex kif ukoll persuni u entitajiet li jgħinu lid‑Dar tal‑Providenza fil‑ħidma tagħha.

Wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fil-Parlament b’risq id-Dar tal-Providenza

Fil-Parlament ta’ Malta, ittellgħet wirja ta’ xogħlijiet tal-arti ġentilment mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Dawn ix-xogħlijiet se jiġu rkantati online b’risq id-Dar tal-Providenza fl-1 ta’ Jannar li ġej bħala parti mill-Festa ta’ Ġenerożità li ssir taħt it-tinda fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi fejn kulħadd huwa mistieden li jattendi. Dakinhar dawn ix-xogħlijiet se jerġgħu ikunu esebiti fis-sala prinċipali tad-Dar.

Id-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef, irringrazzja lill-iSpeaker, l-Onor. Dott. Anġlu Farrugia, li għal darb’oħra aċċetta bil-qalb li l-wirja terġa’ ssir fil-bini tal-Parlament, post ċentrali u aċċessibbli għall-pubbliku fil-Belt Valletta. Bl-appoġġ sħiħ ta’ Dott. Farrugia jista’ jingħad li l-wirja saret avveniment annwali. Fr Martin ħeġġeġ lill-Maltin u Għawdxin kollha biex fl-ewwel tas-sena jingħaqdu għall-Festa ta’ Ġenerożità.

F’diskors tal‑okkażjoni, l‑iSpeaker irrefera għall‑ħidma li wettaq Monsinjur Mikiel Azzopardi, li huwa ddeskriva bħala pijunier li għallem u ħeġġeġ lill‑poplu Malti u Għawdxi jibdel l‑attitudni tiegħu lejn il‑persuni b’diżabilità.

Dott. Farrugia rringrazzja lill‑artisti kollha, kemm Maltin u barranin, tal‑ġenerożità kbira tagħhom, kif ukoll lill‑dawk li jieħdu ħsieb persuni b’diżabilità f’pajjiżna u lir‑residenti fid‑Dar tal‑Providenza.

Il-katalgu tax-xogħlijiet kollha flimkien ma’ informazzjoni dwar l-irkant jista’ jinstab online fuq www.dtpauction.com. Wieħed jista’ jibbidja online  fuq: www.belgraviaauctions.com bejn il-15 ta’ Diċembru 2023 sal-1 ta’ Jannar 2024.

Bażar b’risq Id-Dar tal-Providenza

Id‑Dar tal‑Providenza, se torganizza Bażar b’risq id‑Dar bejn il‑Sibt 25  u l‑Ħadd 26 ta’ Novembru, mit-8.30am sal-4.00pm.  Il‑Bażar se jsir fid‑Dar tal‑Providenza, Triq Lapsi, is‑Siġġiewi.   Ikun hemm fost oħrajn oġġetti kemm ġodda , kif ukoll użati, bħal kotba, ħwejjeġ, pjanti, affarijiet tal‑kċina, dekorazzjonijiet u oġġetti antiki.

Narawkom.

Lions Clubs jippreżentaw donazzjonijiet lid-Dar tal-Providenza

Nhar il-Ħadd 12 ta’ Novembru 2023, il-Presidenti ta’ Lions Club St Paul’s Bay, Lions Club Mdina Malta Host u Lions Club Sliema ppreżentaw id-donazzjonjiet annwali tagħhom lid-Dar tal-Providenza waqt quddiesa fil-kappella tad-Dar, li tmexxiet minn Fr Martin Micallef id-Direttur tad-Dar u li għaliha attendew il-membri tat-tliet Clubs. Fr Martin irringrazzja lill-Clubs kollha u lill-membri tagħhom għad-donazzjonijiet ġenerużi li għamlu.

Wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fil-Parlament ta’ Malta b’risq id-Dar tal-Providenza

Fil‑Parlament ta’ Malta infetħet wirja għall‑pubbliku ta’  xogħlijiet tal‑arti ġentilment mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Dawn ix‑xogħlijiet se jiġu rkantati online b’risq id‑Dar tal‑Providenza fl‑1 ta’ Jannar li ġej bħala parti mill‑Festa ta’ Ġenerożità li tkun qed issir fil‑parkeġġ tad‑Dar fis‑Siġġiewi fejn kulħadd huwa mistieden li jattendi.

Din il‑wirja li qed issir fl-intrata tal-Parlament bl-appoġġ tal-iSpeaker, Dr Anġlu Farrugia, se tibqa’ sejra sat‑30 ta’ Novembru u hija miftuħa għall‑pubbliku bejn id‑9:00am u l‑5:00pm mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa u bejn id‑9.00am u n‑nofsiegħa s‑Sibt u l‑Ħadd. Wieħed ikun jista’ jidħol jara din l‑esibizzjoni billi jippreżenta l‑Karta tal‑Identità. Il‑katalgu tax‑xogħlijiet kollha flimkien ma’ informazzjoni dwar l‑irkant jista’ jinstab online fuq www.dtpauction.com jew www.belgraviaauctions.com.