Thabbret il-mewt tal-Isqof Emeritu, Mons Paul Darmanin

Id‑Dar tal‑Providenza tesprimi s-sogħba tagħha għall-mewt tal-Isqof Emeritu, Mons. Pawl Darmanin tal‑Ordni tal‑Franġiskani Kapuċċini li l‑mewt tiegħu tħabbret illum fl‑età ta’ 82 sena.  Huwa kien Isqof tad‑Djoċesi ta’ Garissa fil‑Kenja bejn l‑1984 u l‑2015, u wara ġie Malta fejn kien jgħix fil‑kunvent tal‑Franġiskani Kappuċċini fil‑Furjana.

Fis‑6 ta’ Lulju 2016 l‑Isqof Darmanin kien żar id‑Dar tal‑Providenza fejn iltaqa’ mar‑residenti tad‑Dar u talab fuq il‑qabar ta’ Dun Mikiel Azzopardi. Huwa qaddes fil‑kappella tad‑Dar fejn f’diskors qasir qasam il‑ferħ tiegħu li kien qed iżur din id‑Dar għall‑ewwel darba fejn setgħa jaqsam ftit il‑ħajja ma’ dawk kollha li jgħixu u jaħdmu f’din id‑Dar.

Residenti, sapport workers u voluntiera f’pellegrinaġġ Lourdes

Tliet residenti flimkien ma’ sapport workers u voluntiera tad‑Dar tal‑Providenza, fosthom Dr George Grech, marru pellegrinaġġ Lourdes organizzat mill‑Għaqda Nazzjonali Trasport tal‑Morda f’Lourdes. Fost oħrajn, attendew għal quddiesa bil‑Malti fil‑grotta mmexxija mill‑Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea‑Curmi kif ukoll għall‑quddiesa Internazzjonali fil‑Bażilika San Piju X.

Id-Dar tal-Providenza tifraħ lil Dr Roberta Sammut

Id‑Dar tal‑Providenza tifraħ lil Dr Roberta Sammut, membru tal‑bord tad‑diretturi tad‑Dar, għall-ħatra ġdida ta’ Associate Professor mill‑Università ta’ Malta.

€366,817 mill-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

It‑tlieta u ħamsin siegħa tal‑Maratona tal‑Volleyball intlaħqu f’nofsillejl tal‑Ħadd imma mhux qabel ma nġabret is‑somma ta’ €366,817.

Erbgħin player, li ffurmaw ħames timijiet, baqgħu jilagħbu mingħajr waqfien mis‑sitta ta’ filgħaxija tal‑Ġimgħa meta l‑Ministru għall‑Inklużjoni, Volontarjat u Drittijiet tal‑Konsumatur, Julia Portelli saffret biex jingħata bidu għall‑Maratona.

Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, irringrazzja lill‑poplu Malti u Għawdxi, li għal darba oħra wieġeb b’tant ġenerożità għas‑sejħa li saret biex jinġabru l‑fondi għad‑Dar, permezz tal‑Maratona tal‑Volleyball.  Grazzi wkoll lill‑players, lill‑volontiera, lill‑membri tal‑kumitat organizzattiv, l‑isponsors kollha, l‑istazzjonijet ewlenin tat‑televixin li xandru din il‑maratona, kantanti u bands,  lill‑pulizija u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex din il‑Maratona tkun suċċess.

Waqt l-istess attività, grupp ta’ atleti Sloveni, uħud minnhom persuni b’diżabilità, ħadu sehem fil‑logħob ta’ sitting volleyball li sar għall‑ewwel darba fid‑Dar tas‑Siġġiewi. Din l‑attività saret bis‑saħħa ta’ ParaVolley Malta u l‑Birkirkara Volley Club. Saret enfasi li attivitajiet bħal dawn jippromwovu l‑fatt li l‑isport huwa għal kulħadd, hu x’inhu l‑livell tal‑abbiltà personali.

Minbarra l‑erbgħin player li kienu l‑protagonisti ewlenin ta’ din il‑Maratona, kien hemm ukoll madwar mitejn voluntier.  Kull filgħaxija kien hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u xorb u logħob għat‑tfal.  Il‑Maratona ingħatat f’xandiriet diretti fuq l‑istazzjonijiet tat‑televixin ewlenin f’pajjiżna.

Minbarra l‑BOV, l‑isponsor ewlieni tal‑Maratona, kien hemm ukoll bħala sponsors, il‑Pif Paf, Coca Cola, PwC, Go Plc. u Eurosport.

Mons Arċisqof Charles J. Scicluna flimkien mar-residenti tad-Dar tal-Providenza

Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna dalgħodu kkonċelebra fil‑kappella tad‑Dar tal‑Providenza fis‑Siġġiewi fl‑okkażjoni tat‑13‑il edizzjoni tal‑Maratona tal‑Volleyball li waslet fl‑aħħar sigħat tagħha. Jassistuh kien hemm id‑Direttur tad‑Dar, Fr Martin Micallef u Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad‑Djakonija.

Fl‑omelija tiegħu, l‑Arċisqof Scicluna ried iserraħ ras il‑ġenituri tar‑residenti li hemm fid‑djar tad‑Dar tal‑Providenza: “Ahna se niehdu ħsiebhom bħala soċjetà, bħala Knisja, bħala ammistraturi tad‑Dar, bħala poplu Malti u Għawdxi kif ilu jagħmel u kif se jibqa’ jagħmel. Jalla ma nitilfux dan il‑valur sabiħ li nilqgħu lil kulħadd.

Il‑Maratona tal‑Volleyball tagħlaq illejla f’nofsillejl.

Tibda l-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

Wara l‑preparamenti u t‑taħriġ kollu, mat‑tisfira tal‑Ministru għall‑Inklużjoni, Volontarjat u Drittijiet tal‑Konsumatur, Julia Portelli u bis‑sehem tal‑Banda tal‑Forzi Militari ta’ Malta ingħata bidu għat‑tlettax‑il edizzjoni tal-BOV Volleyball Marathon li qed issir b’risq id‑Dar tal‑Providenza. Erbgħin player, magħzula minn tlieta u tmenin li applikaw, iffurmaw ħames timijiet u bdew l‑isfida ta’ tlieta u ħamsin siegħa volleyball bla waqfien mhux, għal xi gwadann personali imma biex jagħtu xi ħaġa lil ħaddieħor.

Fid-diskors tiegħu ta’ merħba, Fr Martin kompla jgħid li l‑ispirtu altruwistiku tal‑players u tal‑għadd kbir ta’ volontiera jispirana biex inkunu dejjem iktar soċjetà li tagħti kas, soċjetà li ma tħalli lil ħadd jaqa’ lura, soċjetà li tistma lil kulħadd indaqs. Huwa sellem ukoll lill‑grupp ta’ atleti Sloveni li f’dawn it‑tlett ijiem se jieħdu sehem fid‑dixxiplina ta’ sitting volleyball li qed issir għall‑ewwel darba fid‑Dar tas‑Siġġiewi. Din l‑attività saret possibbli grazzi għal ParaVolley Malta u l‑Birkirkara Volley Club. Fr Martin tenna li hija x‑xewqa tad‑Dar tal‑Providenza li permezz ta’ attivitajiet bħal dawn inkomplu nwasslu l‑messaġġ li s‑soċjetà dejjem  trid tirrispetta lill‑persuni b’diżabilità, titrattahom bid‑dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l‑għażliet u l‑opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.

Il‑Ministru Julia Portelli, qalet li l-isport għandu lingwa waħda u joħloq sens qawwi ta’ volontarjat u jagħti xhieda sħiħa ta’ inklużjoni. Attivitajiet bħal dawn ikomplu jsaħħu l‑fatt li l‑isport huwa għal kulħadd hu x’inhu l‑livell tal-abilità tal‑persuna. Hija temmet b’appell lill-poplu Malti u Għawdxi biex jingħaqad ħaġa waħda f’dawn it-tlett ijiem u jagħmel id-donazzjoni tant meħtieġa għat-tmexxija tad-Dar tal-Providenza.

Kelliema oħra kienu l-Onor. Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, l-Onor. Graziella Galea, kelliema tal-Oppożizzjoni għall-Inkluzzjoni s-settur tal-Volontarjat, is-Sur Kenneth Farrugia, CEO tal-Bank of Valletta l-isponsor ewlieni, u s-Sur Jesmond Saliba, Kummissarju għall-Għaqdiet Volontarji.

Bejn it‑tmienja ta’ filgħaxija u nofsillejl, f’dawn it‑tlett ijiem, players tal‑volleyball kif ukoll membri tal‑pubbliku ġew mistiedna jieħdu sehem fl‑attività tas‑sitting volleyball li hija miftuħa għall-irġiel u n-nisa, taħlita ta’ timijiet lokali waqt li l‑atleti kollha li jieħdu sehem jistgħu jkunu persuni b’diżabilità imma mhux bilfors. Dixxiplina bħal din tas‑sitting volleyball tagħti opportunità lil kulħadd li jilagħbu l‑istess sport b’mod l‑aktar inklussiv.

Filgħaxija matul il‑maratona se jkun hemm varjetà minn numru sabiħ ta’ kantanti lokali li se jkunu qed ikantaw fuq il‑palk li se jittella’ apposta fil‑car park tad‑Dar.  Il‑Ġimgħa filgħaxija mid‑9 ta’ filgħaxija sa nofsillejl kien hemm mistiedna l‑band Zone 5 flimkien mal‑kananti Jasmine u J. Anvil.  Is‑Sibt se jkun hemm il‑Banda tal‑Pulizija taħt id‑direzzjoni ta’ Mro. Anthony Cassar bis‑sehem ta’ kantanti lokali waqt li l‑Ħadd il‑mistiedna huma l‑band ta’ Spiteri Lucas bis‑sehem tal‑kantanti Ludwig Galea, J. Anvil, Ivan Spiteri Lucas u Laura Bruno.

Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in‑numri t’hawn taħt, juża l‑BOV Mobile Banking jew il‑PayPal u Revolut jew jagħti donazzjoni online fil‑kontijiet bankarji tad‑Dar.  Għal aktar informazzjoni dwar din l‑attività tistgħu żżuru s‑sit : www.sabihlitaghti.org

€10         5160 2011

€15         5170 2012

€25         5180 2013

€50         5190 2070

€100   5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile  7932 4834

Minbarra l-BOV l-isponsor tal-Maratona tal-Volleyball hemm sponsors oħra: il-Pif Paf, Coca Cola, Pwc, Go Plc. u Eurosport.

L-istazzjonijiet lokali ewlenin tat-TV se jagħmlu xandiriet diretti f’ħinijiet differenti.

Sitting Volleyball @ Id-Dar tal-Providenza 2023

ParaVolley Malta, flimkien mal-Birkirkara Volleyball Club u d-Dar tal-Providenza, se jorganizzaw attività ta’ sitting volleyball fl-istess waqt li tkun għaddejja tal-Maratona tal-Volleyball ta’ din is-sena li se ssir fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi bejn il-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju u l-Ħadd 2 ta’ Lulju 2023.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar stess, Nello Calleja, Segretarju Ġenerali ta’ ParaVolley Malta, ta ftit aktar informazzjoni dwar din l-attività. Huwa qal li għall-attività ta’ din is-sena, atleti Sloveni li huma jew membri tat-timijiet tal-Sitting Volleyball Nazzjonali fis-Slovenja jew inkella jilgħabu ma’ klabbijiet differenti fis-Slovenja, gew mistiedna jiġu Malta. Dawn l-atleti, persuni nisa u rġiel uħud minnhom b’diżabilità imma mhux kollha, ġew Malta biex jilagħbu kemm bejniethom kif ukoll kontra timijiet lokali.

Fil-fatt, players tal-volleyball kif ukoll membri tal-pubbliku ġew mistiedna jieħdu sehem f’dawn il-logħbiet tas-sitting volleyball li se jsiru filgħaxijiet tul it-tlett ijiem tal-Maratona tal-Volleyball bejn it-tmienja ta’ filgħaxija u nofsillejl.

Is-Sur Calleja kompla jgħid li l-attività tas-sitting volleyball hija miftuha għal irġiel u nisa, taħlita ta’ timijiet lokali waqt li l-atleti kollha li jieħdu sehem jistgħu jkunu persuni b’diżabilità imma mhux bilfors. Huwa jemmen bis-sħieħ li dixxiplina bħal dik tas-sitting volleyball tagħti opportunità lil kulħadd li jilgħab l-istess sport b’mod l-aktar inklussiv għax mill-mument li l-atleti jpoġġu bilqiegħda fl-art biex jilgħabu jsiru kollha ndaqs. Huwa temm jgħid li jittama li attivitajiet bħal dawn ikomplu jippromwovu l-fatt li l-isport huwa għal kulħadd hu x’inhu l-livell tal-abilità tal-persuna.

Il-Ministru għall-Inklużjoni, Organizzazzjonijiet Volontarji u Drittijiet tal-Konsumatur, Julia Portelli qalet li kienet impressjonata bl-entużjażmu muri mill-atleti sew Maltin kif ukoll Sloveni li se jieħdu sehem, u esprimiet it-tama tagħha li l-Maratona tal-Volleyball ta’ tmiem il-ġimgħa tikseb l-aħjar riżultati kemm fil-logħob kif ukoll fid-donazzjonijiet tal-pubbliku. Hija wiegħdet l-appoġġ tagħha għall-organizzazzjoni ta’ tournament internazzjonali tas-sitting volley f’Malta kif kienet ix-xewqa espressa minn Nello Calleja.

Preżenti għal din it-tnedija kien hemm ukoll is-Sur Charles Azzopardi, Head CSR Dept., tal-Bank of Valletta, is-Sur Stefan Decelis, President tal-Birkirkara Volleyball Club li huwa wkoll wieħed mill-organizzaturi tal-Maratona tal-Volleyball, Ms Nadine Camilleri Cassano u s-Sur Tony Sammut rappreżentanti tad-Dar tal-Providenza, flimkien ma’ atleti Sloveni u l-captains tat-timijiet li se jieħdu parti fil-Maratona tal-Volleyball  ta’ din is-sena.

Għal aktar informazzjoni għal din l-attività tistgħu tikkuntattjaw lis-Sur Nello Calleja fuq paravolleymalta@gmail.com.

It-Tabib Dott. Louis Anthony Camilleri, bin Sir Luigi Camilleri, jfakkar għeluq il-100 sena tiegħu b’donazzjoni lid-Dar tal-Providenza.

It‑Tabib Dott. Louis Anthony Camilleri, bin Sir Luigi Camilleri, għalaq 100 sena fil‑15 ta’ dan ix-xahar (Ġunju 2023).  Huwa xtaq li għal din l‑okkażjoni il‑familjari u l‑ħbieb tal‑familja jagħtu donazzjoni lid‑Dar tal‑Providenza u nhar l‑Erbgħa, 21 ta’ Ġunju huwa ppreżenta l-għotjiet miġbura waqt quddiesa fil‑kappella tad‑Dar.

It‑Tabib Camilleri, li ħadem ħafna għal snin twal bħala tabib tal‑familja f’Ħal Qormi, jiftakar sew lil Mons. Mikiel Azzopardi, l‑fundatur tad‑Dar tal‑Providenza, meta kienu flimkien membri tal‑Azzjoni Kattolika Maltija.

Il-BOV Volleyball Marathon 2023 tibda fit-30 ta’ Ġunju

Il-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza reġa’ magħna bi 53 siegħa logħob bla waqfien fil-car park tad-Dar fis-Siġġiewi, It-13-il edizzjoni tal-Maratona tibda l-Ġimgħa 30 ta’ Ġunju fis-6.00pm u tibqa’ sejra sa nofsillejl tal-Ħadd 2 ta’ Lulju. Il-ftuħ uffiċċjali se jsir mid-Deputat Prim Ministru Dott. Chris Fearne bis-sehem tal-banda tal-Forzi Armati ta’ Malta.

Il-Maratona ġiet imnedija minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza u Charles Azzopardi, Head CSR Dept tal-Bank of Valletta, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fl-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke fi ħdan il-Kulleġġ Santa Klara fejn qed isir it-taħriġ u l-preparamenti tal-players li se jieħdu sehem fil-maratona.

‘Il-BOV Volleyball Marathon huwa wieħed mill-attivitajiet ewlenin ta’ ġbir ta’ flus li jgħinna fil-missjoni tagħna li nipprovdu u ndejjem intejjbu s-servizzi siewja li noffru.’ Qal Fr Martin li żied jgħid: ‘Ninkoraġġixxu wkoll il-volontarjat u nkunu qed nibgħatu messaġġ li s-soċjetà Maltija teħtieġ li tinvesti fih. Bis-saħħa ta’ din il-maratona, id-Dar trid ukoll tinkoraġġixxi l-isport bħala investiment fi stil ta’ ħajja aktar b’saħħitha. Fl-aħħar imma mhux l-inqas, id-Dar tal-Providenza tapella lis-soċjetà tagħna biex tirrispetta dejjem lill-persuni b’diżabilità u tittrattahom bid-dinjità li tixirqilhom waqt li toffrilhom għażliet u opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.’

‘Il-BOV Volleyball Marathon jgħaqqad flimkien iż-żewġ kolonni ewlenin tal-Programm tagħna tas-CSR, Filantropija u Sport.’ Qal is-Sur Azzopardi, li kompla jgħid: ‘Aħna fil-Bank of Valletta kburin li nagħmlu parti minn organizzazzjoni li hija strumentali fl-iżvilupp sostenibbli ta’ Malta. Għandna kliem ta’ tifħir għas-servizzi li tipprovdi d-Dar tal-Providenza fil-komunità Maltija u huwa l-pjaċir tagħna li ngħinuha tkompli toffri servizzi essenzjali fid-dawl tal-impenn tagħna lejn il-komunità li noperaw fiha.’

Sal-Ħadd 2 ta’ Lulju, kull filgħaxija se jkun hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u logħob għat‑tfal.  Il‑Maratona se tingħata wkoll f’xandiriet diretti fuq l‑istazzjonijiet ewlenin tat-televixin. Minbarra l-erbgħin player protagonisti tal-Maratona se jagħtu sehemhom ukoll madwar mitejn voluntier.

Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in-numri li qed nagħtu aktar l-isfel, juża l-BOV Mobile Banking, PayPal jew Revolut jew jagħmel donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar.  Tajjeb li nfakkru li s-sistema bankarja ta’ pajjiżna taċċetta biss cheques ta’ aktar minn €20. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit: www.sabihlitaghti.org

€10         5160 2011

€15         5170 2012

€25         5180 2013

€50         5190 2070

€100   5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile  7932 4834

Japplikaw 83 persuna għall-isfida tal-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza

83 persuna applikaw biex jidħlu għall-isfida tal-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza li din is-sena ser issir bejn il-Ġimgħa, 30 ta’ Ġunju u l-Ħadd, 2 ta’ Lulju 2023.

Dawn issa bdew taħriġ intensiv li qed isir fil-ground tal-Iskola Sekondarja ta’ Pembroke fi ħdan il-Kulleġġ Santa Klara.  Dan it-taħriġ jasal fi tmiemu meta bejn is-Sibt 17 u l-Ħadd 18 ta’ Ġunju ssir prova ta’ 24 siegħa ta’ logħob kontinwu.  Wara jkunu jridu jintagħżlu, skont kriterji stabbiliti, l-40 player li se jipparteċipaw fit-12-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball.

Bħas-snin l-imgħoddija l-Maratona se tinżamm fil-car park tad-Dar tal-Providenza.

Ritratt: Raycine Farrugia.