Id-Dar tal-Providenza ssellem lis-Sur John Micallef, eks amministratur tad-Dar.

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża tas-Sur John Micallef eks ammistratur tad-Dar tal-Providenza, li miet nhar l-Erbgħa 3 ta’ Mejju 2023. Il-funeral tiegħu sar fil-5 ta’ Mejju fil-knisja tal-Madonna tal-Karmnu, l-Imdina.

Is‑Sur John Micallef bin Carmelo u Imelda née Caruana twieled Ħal Qormi fil‑11 ta’ Jannar 1943.  Hu kien il‑kbir fost disat aħwa.  Meta kellu 11‑il sena, il‑familja tiegħu marret toqgħod il‑Gzira.

Wara li temm l‑istudji tiegħu, John uża t‑taħriġ tiegħu biex jgħin lil ħaddieħor fil‑bżonn.  Huwa siefer barra minn Malta u fost oħrajn ħadem bħala Direttur tal‑Family Centre fi ħdan id‑Dipartiment tal‑Għajnuna Soċjali f’Londra u Ontario fil‑Kanada. Ix‑xogħol prinċipali tiegħu kien fost familji f’diffikultajiet.

Meta ġie lura Malta, beda jgħin lil Mons. Mikiel Azzopardi u fl‑1980 beda jaħdem fid‑Dar tal‑Providenza.  Fl‑1984 ġie maħtur it‑tielet amministratur tad‑Dar u baqa’ f’din il‑kariga għal 20 sena sakemm irtira fl‑2004.  Hu baqa’ jagħti l‑għajnuna tiegħu lid‑Dar anke wara li rtira.

Hu kien ukoll President tat‑Terz Ordni Karmelitan (Fergħa Lunzjata), President u fundatur taċ‑Circolo Cultural Hispanico Maltes, membru fil‑Kummissjoni Emigranti u Refuġjati kif ukoll membru tal‑Philatelic Society of Malta.

John kien miżżewweġ lil Victoria née Moreno u kellu tlett itfal, John Charles, Imelda u Paquita.

Inwasslu l-kondoljanzi lill-familjari tiegħu. Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem, id-dawl ta’ dejjem jiddi lilu, jistrieħ fil-paċi. Ammen.

In-Nunzju Appostoliku għal Malta jagħmel l-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza.

In-Nunzju Appostoliku għal Malta, l-E.T. l- Arċisqof Savio Hon Tai-Fai SDB, għamel l-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza fejn kien milqugħ minn Fr Martin Micallef, Direttur, u mis-Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar.

Huwa kellu l-opportunità jitltaqa ma’ għadd ta’ residenti u suppport workers tad-Dar. In-Nunzju Appostoliku qal li kien ferħ kbir għalih li jżur id-Dar tal-Providenza u lin-nies li jgħixu hemm kif ukoll dawk li jaħdmu hemm u kellu kliem ta’ tifħir għax-xogħol li jsir mal-persuni b’diżabilità imma fuq kollox il-preżenza ta’ Alla li tant tinħass f’dan il-post.

Fid-diskors tiegħu ta’ merħba, Fr Martin tkellem fuq is-snin bikrin tad-Dar u l-ħidma li saret mill-1965 ‘l hawn aktar u aktar mill-1968 meta daħlu l-ewwel tliet residenti fid-Dar tas-Siġġiewi. Huwa għamel referenza għaċ-ċelebrazzjonijiet tal-50 anniversarju li nkludew ukoll laqgħa ma’ Papa Franġisku fir-residenza Santa Marta fil-Vatikan. Huwa kien ħa b’idejn kull min kien hemm fil-grupp li, minbarra r-residenti, kien jinkludi wkoll l-Arċisqof Charles Scicluna u l-Arċisqof Emeritu Pawl Cremona, support workers, impjegati oħra u volontiera. Fr Martin talab lin-Nunjzu biex iwassal lill-Qdusija Tiegħu l-imħabba, l-affezzjoni u t-talb minn kulħadd fid-Dar tal-Providenza.

Matul iż-żjara tiegħu, in-Nunzju ittieħed jara l-kappella, il-mużew iddedikat lil Mons, Mikiel Azzopardi u l-qabar fejn hu midfun, il-pixxina terapewtika, iċ-Ċentru Agrikolu San Isidor, il-kmamar multisensorjali, il-kċina u l-laundry fejn sab ħin ukoll biex jitkellem ma’ xi uħud mill-ħaddiema dwar ix-xogħol li jagħmlu.

L-Ambaxxatur Eġizzjan għal Malta jżur Id-Dar tal-Providenza

L-Ambaxxatur Eġizzjan għal Malta, l-E.T. Khaled Ansi, għamel żjara uffiċċjali fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi.  Huwa kien milqugħ mid‑Direttur tad‑Dar, Fr Martin Micallef, u wara li ltaqa’ mar‑residenti kellu l‑opportunità li jara xi servizzi li toffri d-Dar fosthom il-pixxina terapewtika u ċ‑Ċentru Agrikolu San Isodor.

Fr Martin irringrazzja lill-Ambaxxatur Eġizzjan li għoġbu jżur id-Dar waqt li l-Eċċellenza Tiegħu faħħar lid-Dar għall-ħidma siewja li tagħmel mal-persuni b’diżabilità.

€2,171 għad-Dar tal-Providenza mill-Old Motors Club Malta.

Membri tal-Old Motors Club Malta irnexxielhom jiġbru €2,171 minn wirja ta’ karozzi vintage u klassiċi li saret b’risq id-Dar tal-Providenza fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi nhar il-Ħadd, 19 ta’ Marzu 2023.

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef irringrazzja lil dawk kollha li attendew għal din l-attivita’ u għamlu donazzjoni. Huwa qal li attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi bħal din jgħinu biex ikopru l-ispejjeż għat-tmexxija tad-djar b’115-il resident.

Kienu bosta is-sidien tal-karozzi vintage u klassiċi li ħadu sehem f’din l-attività għall-karit, waħda minn ħafna li jagħmlu matul is-sena.

Żjara mill-Kap tal-Oppożizzjoni u tal-Partit Nazzjonalista lid-Dar tal-Providenza

Il‑Kap tal‑Oppożizzjoni u tal‑Partit Nazzjonalista Dott. Bernard Grech għamel żjara fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi.  Huwa kien milqugħ mid‑Direttur tad‑Dar, Fr Martin Micallef, il‑management u r‑residenti tad‑Dar u kellu l‑opportunità li jara xi servizzi li toffri d-Dar fosthom il-pixxina terapewtika u ċ‑Ċentru Agrikolu San Isodor.  Żewġ residenti offrew xi rigali ta’ tifkira lil Dott. Grech fosthom xi prodotti li jinħadmu fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor.

F’diskors ta’ merħba Fr Martin irringrazzja lil Dott. Grech għaż‑żjara tiegħu u spjega l‑ħidma tad‑Dar tal‑Providenza.  Huwa faħħar il‑fatt li Gvernijiet differenti dejjem mexxew ’il quddiem dan is‑settur u jawgura li  l‑Partit Nazzjonalista jkompli jaħdem favur id‑drittijiet tal‑persuni b’diżabilità.

Min-naħa tiegħu Dott. Grech qal li l-Partit Nazzjonalista japprezza l-impenn ta’ kull Gvern f’dak li għandu x’jaqsam ma’ servizzi residenzjali u favur id-drittjiet tal-persuni b’diżabilità, imma jemmen li dejjem jista’ jsir aktar f’dan is-settur. Il-Partit Nazzjonalista jemmen fil-finanzjament ta’ dawn id-djar kif ukoll fil-prinċipju li dawn id-djar ikunu kemm jista’ jkun fil-qalba tal-komunità.  Huwa rringrazzja wkoll lir-residenti għal-laqgħa ta’ merħba li tawh filwaqt li rringrazzja wkoll lill-ħaddiema kollha għall-impenn tagħhom.

Lions Clubs jippreżentaw donazzjonijiet lid-Dar tal-Providenza

Nhar il-Ħadd, 5 ta’ Frar 2023, il-Presidenti ta’ Lions Club St Paul’s Bay, Lions Club Mdina Host u Lions Club Sliema ppreżentaw id-donazzjonjiet annwali tagħhom lid-Dar tal-Providenza waqt quddiesa fil-kappella tad-Dar, li tmexxiet minn Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar, u li għaliha attendew il-membri tal-Clubs. Fr Martin irringrazzja lill-Clubs kollha u lill-membri tagħhom għad-donazzjonijiet ġenerużi tagħhom.

Festa ta’ Ġenerożità tiġbor €1,445,665 għad-Dar tal-Providenza

“Għal darba oħra l-poplu Malti u Għawdxi reġa’ wera s-solidarjetà tiegħu mad-Dar tal-Providenza bis-somma ta’ €1,445,665 għall-Festa ta’ Ġenerożità. Il-fondi miġbura se jgħinu lid-Dar tkompli tipprovdi servizzi residenzjali ta’ kwalità lil 115-il persuna b’diżabilità li jgħixu fid-djar tagħha. Barra minn dan, id-Dar se tkun ittejjeb l-ambjent li fih jgħixu r-residenti f’Villa Papa Giovanni fis-Siġġiewi fejn se jkun qed isir xogħol ta’ rinovar estensiv.  Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, fl-għeluq ta’ maratona televiżiva ta’ tnax-il siegħa. Huwa żied jgħid li jalla li s-solidarjetà li ntweriet fl-ewwel tas-sena mad-Dar tal-Providenza tibqa’ tintwera matul is-sena kollha ma’ dawk fis-soċjetà Maltija li jeħtieġu l-appoġġ.

Wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija COVID-19, il-Festa ta’ Ġenerożità xxandret minn taħt it-tinda mtellgħa apposta fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi. Il-maratona televiżiva bdiet b’quddiesa ċċelebrata minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar u ntemmet f’nofsillejl. Fil-bidu tal-quddiesa li għaliha attendew il-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, saret il-prietka tradizzjonali tal-Milied minn tifel u tifla.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof qal li fil-bidu ta’ sena ġdida nitolbu lill-Mulej iberikna, jħarisna u jagħtina l-paċi. Il-paċi li ma tistax tinxtara online jew mill-ħwienet. Għandna napprezzaw u ngħożżu dak kollu li huwa tajjeb fil-familji tagħna, fl-NGOs li għandna u fil-poplu tagħna. Għandna ngħożżu wkoll il-ħajja mill-bidu tagħha kif tiġi għax biex ikollok dritt tgħix mhux bilfors li tkun perfett biex tkun prezzjuż.

Reġa’ sar l-irkant online ta’ diversi xogħlijiet tal-arti ġentilment mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Id-dħul mill-bejgħ ta’ dawn ix-xogħlijiet laħaq ‘l fuq minn €29,000.

Bħal kull sena, għadd sabiħ ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex organizzaw ġabriet speċjali waqt il-quddies tal-ewwel tas-sena li mbagħad ingħataw lid-Dar f’isem il-komunità parrokkjali.

Mistednin taħt it-tinda kien hemm il-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, Mons. Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi, l-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, il-Kap tal-Oppożizzjoni Dott. Bernard Grech u s-Sinjura Grech. Il-Ministru tal-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali,  Dott. Owen Bonnici, li kien qed jirrappreżenta lill-Prim Ministru Dott. Robert Abela, għamel għotja ta’ €25,000 mill-Fond għall-Kawżi Ġusti.

Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin, personalitajiet distinti u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.

Biex ikollok dritt tghix u tkun prezzjuż mhux bilfors trid tkun perfett

Wara waqfa ta’ sentejn minħabba l-pandemija COVID-19, il-Festa ta’ Ġenerożità xxandret minn taħt it-tinda mwaqqfa apposta fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi. Il-maratona televiżiva bdiet b’quddiesa ċċelebrata minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar u baqgħet sejra sa nofsillejl. Fil-bidu tal-quddiesa li għaliha attendew il-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, saret il-priedka tradizzjonali tal-Milied minn tifel u tifla.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof qal li fil-bidu ta’ sena ġdida nitolbu lill-Mulej iberikna, iħarisna u jagħtina l-paċi. Paċi li ma tistax tinxtara online jew mill-ħwienet. Għandna napprezzaw u ngħożżu dak kollu li huwa tajjeb fil-familji tagħna, fl-NGOs li għandna u fil-poplu tagħna. Għandna ngħożżu wkoll il-ħajja mill-bidu tagħha kif tiġi għax biex ikollok dritt tgħix mhux bilfors li tkun perfett biex tkun prezzjuż. L-Arċisqof Scicluna fahhar il-qalb ġeneruża tal-Maltin kif urew ftit jiem ilu fl-Istrina imma ħeġġeġ ukoll biex din l-istess ġenerożità u solidarjetà tintwera wkoll fil-Festa ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza.

L-MEP Josianne Cutajar iżżur id-Dar tal-Providenza

Il-Membru Parlamentari Ewropew Josianne Cutajar għamlet żjara lid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fejn iltaqgħet ma’ diversi residenti, ħaddiema u voluntiera.  Hija żaret ukoll il-pixxina terapewtika, iċ-Ċentru Agrikolu San Isidor, il-kappella u l-mużew tal-fundatur tad-Dar Mons. Mikiel Azzopardi.

Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar, ta merħba lill-Onor. Cutajar u rringrazzjaha taż-żjara tagħha u tal-appoġġ li dejjem tat lid-Dar.  Minn naħa tagħha l-Onor. Cutajar sellmet u rringrazzjat lir-residenti għall-merħba sabiħa li tawha kif ukoll lill-ħaddiema għall-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom.  Hija qalet li fil-qasam tal-persuni b’diżabilità rridu nkomplu naħdmu aktar.  Fil-fatt, fl-aħħar Plenarja tal-Parlament Ewropew, il-ġimgħa li għaddiet, kien hemm riżoluzzjoni dwar id-drittijiet ugwali tal-persuni b’diżabilità.  L-MEP Cutajar qalet: “Fil-Parlament Ewropew titwettaq ukoll ħidma favur il-persuni b’diżabilità fil-kumitati li naħdmu fihom.  Pereżempju fil-qasam tat-trasport naħdmu biex nagħmlu aktar trasport aċċessibbli.  Naħdmu wkoll biex nassiguraw li t-teknoloġija tgħin lill-persuni b’diżabilità ukoll.”   Hija temmet billi awgurat lil kulħadd il-Milied u s-sena t-tajba.

Cycling4Charity b’risq id-Dar tal-Providenza

Cycling4Charity, inizjattiva li saret nhar l‑Erbgħa filgħodu, 14 ta’ Diċembru 2022,  minn studenti tal‑iskola sekondarja San Benedittu ta’ Ħal Kirkop, waslet għal għotja ta’ €1,050 lid‑Dar tal‑Providenza. Ħaġa sabiħa hi li l‑ġenituri taw l‑għajnuna tagħhom fl‑organizzazzjoni wkoll. L‑istudenti saqu r‑rota mill‑iskola sad‑Dar fis‑Siġġiewi u wara li għamlu l‑preżentazzjoni saqu lura lejn l-iskola. Għadd ta’ skejjel oħra għenu bis‑sostenn tagħhom biex tinġabar din is‑somma fl‑ewwel inizjattiva ta’ din ix‑xorta.

B’kollox ir‑rotot minn u għal Ħal Kirkop kellhom tul ta’ ftit aktar minn sbatax‑il kilometru u s‑sewqan b’kollox ħa madwar tliet siegħat u nofs.

‘Cycling for Charity’ hija inizjattiva li tippromovi trasport alternattiv.