Id-Dar tal-Providenza tifraħ bil-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu I

Id-Dar tal-Providenza, li għandha Villa msemmija għall-Papa Ġwanni Pawli I, tifraħ bil-beatifikazzjoni tiegħu li ser issir nhar il-Ħadd 4 ta’ Settembru 2022.  Il-beatifikazzjoni tiegħu ser issir waqt ċelebrazzjoni ppreseduta mill-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku fil-pjazza tal-Vatikan.  Il-Kardinal Taljan  Albino Luciani kien elett Papa fis-26 ta’ Awwissu 1978 u għażel l-isem ta’ Ġwanni Pawlu b’turija ta’ rispett lejn il-predeċessuri tiegħu, il-Papa Ġwanni XXIII u Papa Pawlu VI.  Hu miet ħesrem erba’ u tletin jum wara, fit-28 ta’ Settembru 1978.

 

Villa Papa Luciani, fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi  kienet inawgurata ħamsa u tletin sena ilu fit-8 ta’ Settembru 1987, erba’ xhur wara l-mewt tal-fundatur tad-Dar, Mons. Mikiel Azzopardi.  Fil-fatt kienet ix-xewqa tiegħu li din il-Villa tissemma għall-mibki Papa Ġwann Pawlu I magħruf ukoll bħala Papa Luciani jew il-Papa tat-tbissima. F’din il-Villa fiha żewġ flettijiet fejn f’kull wieħed jgħixu disa’ persuni b’diżabilità.

 

Id-Dar tal-Providenza se tkun qed tgħożż ukoll relikwa tal-Papa Ġwanni Pawlu I.  Ir-relikwa hija biċċa drapp żgħira li kienet tagħmel parti mill-qalziet tiegħu. Din il-biċċa drapp kienet ingħatat lid-Dar fl-2019, mill-Museo dei Papi, li jinsab f’Padova l-Italja, bis-saħħa tal-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, is-Sur Frank Zammit.  Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien, Carmelo Abela kien ippreżenta din il-biċċċa drapp, illum relikwa, lid-Directtur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, fil-preżenza tal-Ambaxxatur Zammit.

 

Tliet residenti tad Dar tal Providenza f’Pellegrinaġġ Marjan f’Lourdes

Tliet residenti tad‑Dar tal‑Providenza, Maria Teresa Buttigieg, Vincent Mifsud u George Apap flimkien mas-support workers tagħhom, kienu fost grupp ta’ 175 pellegrin li ħadu sehem f’pellegrinaġġ marjan għall-morda f’Lourdes.

Wara waqfa ta’ sentejn minħabba l‑pandemija tal‑COVID‑19, l‑Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes reġgħet organizzat dan il‑pellegrinaġġ li sar bejn it‑Tnejn 22 u l‑Ħamis 25 ta’ Awwissu 2022. Ħadu sehem ukoll l‑Arċisqof Emeritus Mons. Pawl Cremona OP, Patri Dijonisju Mintoff OFM, Patri Albert Micallef OFM, Patri Josè Debono OCD. Patri Charles Tabone OP u Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Għadd sabiħ ta’ volontiera, ħafna minnhom żgħażagħ, assistew lill‑pellegrini morda, anzjani jew b’diżabilità f’dak kollu li kellhom bżonn b’impenn u ġenerożità kbira.

L‑Assoċjazzjoni Voluntiera Lourdes kienet twaqqfet fit‑18 ta’ April 2001 bl‑iskop li tassisti l‑morda biex imorru pellegrinaġġ Lourdes.

Jinġabru €6,350 b’risq Id-Dar tal-Providenza

Is-somma ta’ €6,350 inġabret minn Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb b’risq Id-Dar tal-Providenza waqt BBQ li sar nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Awwissu, 2022. Kull sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin, Pierre u Anne Marie organizzaw BBQ għall-ħbieb tagħhom bid-dħul minnu jmur kollu għad-Dar. Tul is-sentejn tal-pandemija tal-COVID-19 il-BBQ ma sarx imma minflok xorta saret is-solita ġabra ta’ fondi b’risq id-Dar.

Is-somma ta’ €6,350 ġiet ippreżentata minn Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li rringrazzja lil Pierre u lil Anne Marie li reġgħu organizzaw il-BBQ u lil dawk kollha li għenu jew għamlu donazzjoni.

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ Mons. Philip Calleja

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża ta’ Mons. Philip Calleja li llum ingħaqad mal-Mulej fis-sema. Kien Monsinjur Calleja li wara l-mewt ta’ Mons. Mikiel Azzopardi f’Mejju tal-1987, ingħata l-inkarigu minn Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca mhux biss biex jorganizza l-funeral tiegħu, imma wkoll biex jassumi r-responsabiltà tat-tmexxija tad-Dar, sakemm ġie nominat Mons. Lawrence Gatt bħala d-Direttur il-ġdid, xahrejn wara.

Mons. Calleja ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Awwissu, 1953. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet l-iżjed mat-tfal tal-Belt u fi ħdan l-Azzjoni Kattolika Maltija. Huwa waqqaf ukoll il-Kummissjoni emigranti, llum magħrufa bħal Kummissjoni Migranti. Huwa kien Deputat tal-Uffiċċju taż-Żwiġijiet, kif ukoll kanċillier tal-Kurja tal-Arċisqof. Fl-1990 kien inkarigat mill-organizzazzjoni taż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Malta.

Fis-sena 1962, Mons. Philip kien infurmat li r-Rest Camp tal-Ammiraljat fis-Siġġiewi kien se jiġi trasferit fil-Mellieħa. Bl-inizjattiva ta’ Mons. Philip, bdiet minnufih ħidma biex il-post jinkiseb mill-Azzjoni Kattolika Maltija kif fil-fatt ġara. Wara li nkiseb dan il-post beda jintuża bħala kampijiet tas-sajf għat-tfal u fil-frattemp, Mons. Mikiel Azzopardi, li kien l-Assistent Ekkleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika Maltija beda jaħseb biex jibni d-Dar tal-Providenza f’dan il-post. Fil-fatt ix-xogħol tal-bini tad-Dar tal-Providenza beda fl-1965.

Fl-2018, Mons. Philip Calleja ingħata l-Premju Mons. Mikiel Azzopardi bħala turija ta’ rikonoxximent u apprezzament tad-Dar tal-Providenza għall-ħidma u l-appoġġ tiegħu lejn id-Dar. Dakinhar l-Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea-Curmi faħħar il-ħidma sfieqa tiegħu u qal li din il-ħidma twila tiegħu mhux biss tissombolizza l-karattru tiegħu imma wkoll l-impenn tal-Knisja Maltija biex tgħin il-batut u l-emarġinat fis-soċjetà tagħna.

Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Lejla ta’ ikel, inbid, arti u għotja ta’ €37,400 lid-Dar tal-Providenza

€37,440 inġabru waqt lejla taħt l-istilel organizzata mill-familja Zammit Tabona flimkien mal-Management tax-Xara Collection nhar l-Erbgha, 15 ta’ Lulju 2022 fuq il-patio tax-Xara Lodge. Din kienet il-5 edizzjoni tal-ikla b’risq Id-Dar tal-Providenza li saret taħt il-patroċinju distint tal-Isqof Awżiljarju, Mons Joseph Galea-Curmi.

 

Mill-2017 ‘l hawn, inġabret is-somma totali ta’ €153,160 u d-dħul mill-attività ta’ din is-sena se jmur għall-bidu ta’ proġett pjuttost ambizzjuż tar-rinovar ta’ erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni fis-Siġġiewi, proġett li f’dawn l-aħħar sentejn kellu jitpoġġa fuq l-ixkaffa minħabba l-pandemija COVID-19.

 

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, tkellem dwar l-aħħar sentejn u nofs u tenna li ma kienu xejn faċli għal organizzazzjonijiet bħad-Dar tal-Providenza li joffru sapport ta’ servizzi lil min għandu bżonnhom. Iżda minkejja l-problemi kollha, irnexxew l-isforzi li saru għas-sigurtà sħieħa tar-residenti u l-ħaddiema. L-istess jista’ jingħad għall-ħidma li saret biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti tal-iżolament li r-residenti sabu rwieħom fih f’dak il-perjodu diffiċli. Is-sitwazzjoni finanzjarja ma kinetx faċli anqas.

Fr Martin qal li l-parti l-kbira tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi kellhom jitħassru imma l-providenza ta’ Alla dejjem tintervjeni. Huwa qal :’Mirakolużament, u naf x’qed ngħid, irnexxielna nibqgħu noffru s-servizzi kollha li nagħtu lir-residenti li jgħixu fid-djar tagħna.’

Matul is-serata, l-mistednin kellhom ikla tabilħaqq delizzjuża akkumpanjata minn għażla ta’ nbejjed fini waqt li taw sehemhom b’donazzjonijiet għal kawża ġusta. Din is-sena l-attività kienet waħda ta’ ċelebrazzjoni u gratitudni. Ċelebrazzjoni għax minkejja l-ostakli kollha tal-pandemija il-mistednin reġgħu iltaqgħu biex igawdu l-esperjenza kulinarja flimkien. Gratitudni għal dawk kollha li taw l-appoġġ tagħhom biex l-attività tkun suċċess.

 

Kien hemm ukoll wirja tal-arti b’xogħlijiet ta’ Kenneth Zammit Tabona, Wibke Seifert, Rachel Galea, Andrew Borg, Debbie Bonello, Anna Galea, Mary de Piro u Lucille Cramwell. Il-mistednin kellhom l-opportunità japprezzaw ix-xogħlijiet sbieħ tal-arti esibiti u kien hemm min interessa ruħhu jżid mal-kollezzjoni privata tiegħu. 20% mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti marru b’risq Id-Dar tal-Providenza.

 

F’kumment li għamlet matul is-serata, id-Direttur Nicola Paris irringrazzjat lil Fr Martin Micallef, Nadine Camilleri Cassano flimkien mat-tim kollu tad-Dar tal-Providenza għall-appoġġ tagħhom u għall-mirakli li jsiru hemm. Hija irringrazzjat ukoll lil dawk il-kumpaniji li taw rigali għall-premjijiet u lil dawk li għenu fejn tidħol loġistika u, naturalment, l-isponsors u t-tim tax-Xara Collection flimkien ma’ dawk kollha li attendew biex l-attività kienet suċċess.

 

L-isponsors ewlenin kienu  PWC, Seifert Systems, Tignè Point,  FJ Vassallo & Associates,  Malta International Airport, VJ Salomone, EY, Halmann, APS Bank, Concept Stadium, Mc Colloch & Pease, Camilleri Paris Mode, Neofarma, Raico, u  l-Gasan Foundation.

 

Diversi kumpaniji oħra taw l-għajnuna tagħhom, bħal Farsons u Marsovin, li sponsorjaw l-inbid, Charles Grech & Co għall-ilma, Frutti di Mare, Macbake and Jimmy Vella għall-prodotti, Alistair għall-fjuti, L’Occitane għar-rigali u Ir-Russu u sħabu għad-divertiment.

 

Żewġ residenti tad-Dar tal-Providenza f’pellegrinaġġ f’Lourdes

Ir-residenti tad-Dar tal-Providenza Carmela Vassallo u Edward Zammit, flimkien mas-support workers tagħhom, ingħaqdu ma’ Mons Arċisqof Charles J. Scicluna f’pellegrinaġġ għall-morda f’Lourdes organizzat mill‑Għaqda Maltija għat‑Trasport tal‑Morda f’Lourdes (UMTAL). L‑Arċisqof kien akkumpanjat minn Dun Joseph Mizzi, id‑direttur spiritwali tal‑UMTAL u minn Dun Martin Micallef, id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza.

Għal dan il‑pellegrinaġġ, li kien id-90 wieħed mill-UMTAL attendew 180 persuna: 55 pazjent, 65 pellegrin u 60 voluntier li jinkludu tobba, infermiera u spiżjara. Matul il-pellegrinaġġ,  il‑Maltin attendew funzjonijiet reliġjużi, fosthom quddiesa bil‑Malti fil‑Grotta, l‑Adorazzjoni Ewkaristika u l‑purċissjoni ta’ filgħaxija magħrufa bħala l‑Aux Flambeaux.

€519,721 mill-Maratona ta’ Solidarjetà u Sport b’risq id-Dar tal-Providenza

It-12-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball li bdiet nhar il-Ġimgħa spiċċat il-Ħadd f’nofsillejl imma mhux qabel ma nġabru €519,721. Il-plejers li lagħbu 53 siegħa sħaħ bi sfida kontra s-sħana qawwija li qed taħkem il-gżejjer Maltin issa jistgħu jistrieħu sodisfatti li l-poplu Malti u Għawdxi wera s-solidarjetà tiegħu mad-Dar tal-Providenza.

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, qal sewwa li l-maratona hija maratona ta’ solidarjetà u sport.  Huwa kompla jgħid li l-ispirtu altruistiku rifless fil-players u numru sabiħ ta’ voluntiera li ħadu sehem f’dawn it-tliet ijiem huwa ritratt mill-isbaħ tal-Maltin u l-Għawdxin li ssibhom dejjem minn ta’ quddiem meta jiġu għas-solidarjetà.

Huwa rrefera  għas-sentejn li għaddew li matulhom il-Maratona tal-Volleyball ma saritx u ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi tista’ tgħid waqfu għalkollox. Issa li qed nimxu lejn in-normalità, din il‑maratona fetħet il-kalendarju ta’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li huma tant neċessarji għad-Dar biex tkompli toffri servizzi residenzjali tal-ogħla kwalità.

Fil-ftuħ uffiċċjali tal-Maratona tal-Volleyball il-Ġimgħa filgħaxija, il-President ta’ Malta, Dott. George Vella aċċenna għall-ħidma li twettaq kuljum id-Dar tal-Providenza u li qed tkompli twettaq bl-istess enerġija u determinazzjoni tal-fundatur tagħha Mons. Mikiel Azzopardi. Huwa qal li din il-maratona hija okkażjoni biex il-poplu Malti kollu jingħaqad flimkien biex bid-donazzjoni tiegħu jipprovdi lill-persuni b’diżabilità residenti tad-Dar tal-Providenza b’dak kollu li għandhom bżonn u li fuq kollox huwa d-dritt tagħhom.

Il-Ħadd filgħodu, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi ikkonċelebra flimkien ma’ Fr Martin fil-kappella tad-Dar. Huwa qal li d-Dar hija ċelebrazzjoni ta’ mħabba u ta’ għożża b’messaġġ qawwi għal kulħadd.

Huwa semma tliet aspetti li joħorġu mill-messaġġ tad-Dar. L-ewwel wieħed huwa l-għożża tal-ħajja mill-bidu tagħha mingħajr ma ħadd ikollu jiddeċiedi liema ħajja tinżamm u liema ħajja tintrema. It-tieni aspett huwa l-inklużjoni fejn kull bniedem ikollu sehem sħieħ fis-soċjetà u fl-aħħarnett hemm il-messaġġ ta’ solidarjetà mal-persuni b’diżabilità li jeħtieġilhom kull għamla ta’ appoġġ. Dawn kollha huma sinonomi mad-Dar tal-Providenza li waqqaf Dun Mikiel 57 sena ilu.

Minbarra l‑40 pleyer li kienu l-protagonisti ewlenin ta’ din il-maratona, kien hemm ukoll madwar 200 voluntier.  Kull filgħaxija kien hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u logħob għat‑tfal.  Il‑Maratona ingħatat f’xandiriet diretti fuq l-istazzjonijiet tat-televixin ewlenin f’pajjiżna.

Dar tal-Providenza: Ċelebrazzjoni ta’ mħabba u ta’ għożża.

Ritratt: Ian Noel Pace

L-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi qal li d-Dar tal-Providenza hija ċelebrazzjoni ta’ mħabba u ta’ għożża b’messaġġ qawwi għal kulħadd. Huwa semma tliet aspetti li joħorġu mill-messaġġ tad-Dar. L-ewwel wieħed huwa l-għożża tal-ħajja mill-bidu tagħha mingħajr ma ħadd ikollu jiddeċiedi liema ħajja tinżamm u liema ħajja tintrema. It-tieni aspett huwa l-inklużjoni fejn kull bniedem ikollu sehem sħieħ fis-soċjetà u fl-aħħarnett hemm il-messaġġ ta’ solidarjetà mal-persuni b’xi diżabilità li jeħtieġilhom kull għamla ta’ appoġġ. Dawn kollha huma sinonomi mad-Dar tal-Providenza li waqqaf Dun Mikiel 57 sena ilu.

L-Isqof Galea-Curmi fakkar li dejjem għandna nkunu strument tal-paċi u mhux tal-firda u nwasslu l-imħabba ta’ Alla lill-oħrajn. L-Isqof talab ukoll biex ikun hemm ħafna ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej, “biex ikun hemm ħafna li jwieġbu għas-sejħa tiegħu u biex aħna nkunu kif jixtieqna hu” jiġifieri “nħabbru l-Bxara t-Tajba b’ħafna mħabba, ġenitlezza, kompassjoni u dejjem bi stima kbira lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem”.

Għall-quddiesa li fiha ha sehem ukoll Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, kien hemm għadd ta’ residenti, support workers u ħaddiema.

Qabel il-quddiesa l-Isqof Galea-Curmi iltaqa’ mal-plejers li qed jieħdu sehem fil-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza li bdiet il-Ġimgħa filgħaxija u tibqa’ sejra sa nofsillejl tal-lejla.

Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in-numri li qed nagħtu aktar l-isfel, juża l-BOV Mobile Banking jew il-PayPal jew jagħti donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar mal-APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank u BNF Bank. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit : www.sabihlitaghti.org

€10 5160 2011

€15 5170 2012

€25 5180 2013

€50 5190 2070

€100 5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile 7932 4834

Maratona ta’ Volleyball, Solidarjetà u Sport

Il-Maratona tal-Volleyball li bdiet il-Ġimgħa filgħaxija tistrieħ fuq żewġ pilastri – is-solidarjetà u l-isport. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fil-ftuħ tat-12-il edizzjoni tal-Maratona b’risq id-Dar tas-Siġġiewi.  Huwa kompla jgħid li l-ispirtu altruistiku rifless fil-players u numru sabiħ ta’ voluntiera li qed jipparteċipaw f’din il-maratona huwa ritratt mill-isbaħ tal-Maltin u l-Għawdxin li ssibhom dejjem minn ta’ quddiem meta jiġu għas-solidarjetà.

Fr Martin qal li l-appell li għamlilna l-Papa Franġisku meta ġie fostna biex inkunu esperti fl-umanità mhux biss huwa rifless li jsir fid-Dar tal-Providenza, f’tant ħaddiema u voluntiera li jagħtu appoġġ sħiħ lir-residenti b’rispett u b’dinjità fil-bżonnijiet kollha tagħhom, imma huwa rifless ukoll f’attività bħal din meta tara żgħażagħ u adulti impenjati biex jagħti mill-ħin tagħhom lill-ħaddieħor f’dinja li fi kliem il-Papa stess ħafna drabi drat ma tagħtix kas.

Fr Martin irrefera  għas-sentejn li għaddew li matulhom il-Maratona tal-Volleyball ma saritx u ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi tista’ tgħid waqfu għalkollox. Issa li morna lura għan‑normalità, din il‑maratona qed terġa tiftaħ kalendarju ta’ attivitjiet ta’ ġbir ta’ fondi li huma tant neċessarji għad-Dar biex tkompli toffri servizzi residenzjali tal-ogħla kwalità.

Fr Martin temm billi ħeġġeġ lill‑pubbliku Malti u Għawdxi biex jiġi jissapportja l‑pleyers li b’sagrifiċċju kbir daħlu għal din l‑isfida magħmula aktar diffiċli mit-temperaturi għolja li qed jaħkmu l-gżejjer tagħna, kif ukoll biex jgħinu lid‑Dar tal‑Providenza bid‑donazzjonijiet tiegħu.

Tibda il-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza.

Il-President ta’ Malta, l-E.T. Dott. George Vella akkumpanjat mis-Sinjura Vella l-Ġimgħa filgħaxija inawgura t-12-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball wara waqfien ta’ sentejn minħabba l-pandemija tal-COVID-19.

F’kelmtejn tal-okkażjoni huwa aċċenna għall-ħidma li twettaq kuljum id-Dar tal-Providenza u li qed tkompli twettaq bl-istess enerġija u determinazzjoni tal-fundatur tagħha Mons. Mikiel Azzopardi. Huwa awgura lill-40 player li għal 53 siegħa sħaħ sal-Ħadd f’nofsilejl se jisfidaw it-temperaturi għoljin li qed jaħkmu din il-maratona.

Il-President qal li din hi okkażjoni biex il-poplu Malti kollu jingħaqad flimkien biex bid-donazzjoni tiegħu jipprovdi lill-persuni b’diżabilità residenti tad-Dar tal-Providenza b’dak kollu li għandhom bżonn għal kwalità ta’ ħajja aħjar li fuq kollox huwa dritt tagħhom.

Preżenti wkoll kien hemm  l-Onor. Clifton Grima, Ministru għall-Edukazzjoni, Sport, Żgħażagħ, Riċerka u Innovazzjoni, l-Onor. Graziella Galea, Kelliema tal-Oppożizzjoni u Ms Nancy Camilleri, Segretarju Permanenti fil-Ministeru għall-Inklużjoni, il-Volontarjat u d-Drittijiet tal-Konsumatur.

Sal-Ħadd li ġej, kull filgħaxija se jkun hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u logħob għat‑tfal.  Il‑Maratona qed tingħata wkoll f’xandiriet diretti fuq l‑istazzjonijiet ewlenin kif ukoll fuq is‑sit elettroniku u l-paġna ta’ Facebook tad‑Dar tal‑Providenza. Minbarra l-40 player protagonisti tal-Maratona hemm ukoll madwar 200 voluntier.

 

Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in-numri li qed nagħtu aktar l-isfel, juża l-BOV Mobile Banking jew il-PayPal jew jagħti donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar mal-APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank u BNF Bank.  Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit : www.sabihlitaghti.org

€10         5160 2011

€15         5170 2012

€25         5180 2013

€50         5190 2070

€100   5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile  7932 4834