Lejla ta’ ikel, inbid, arti u għotja ta’ €37,400 lid-Dar tal-Providenza
€37,440 inġabru waqt lejla taħt l-istilel organizzata mill-familja Zammit Tabona flimkien mal-Management tax-Xara Collection nhar l-Erbgha, 15 ta’ Lulju 2022 fuq il-patio tax-Xara Lodge. Din kienet il-5 edizzjoni tal-ikla b’risq Id-Dar tal-Providenza li saret taħt il-patroċinju distint tal-Isqof Awżiljarju, Mons Joseph Galea-Curmi.
Mill-2017 ‘l hawn, inġabret is-somma totali ta’ €153,160 u d-dħul mill-attività ta’ din is-sena se jmur għall-bidu ta’ proġett pjuttost ambizzjuż tar-rinovar ta’ erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni fis-Siġġiewi, proġett li f’dawn l-aħħar sentejn kellu jitpoġġa fuq l-ixkaffa minħabba l-pandemija COVID-19.
Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, tkellem dwar l-aħħar sentejn u nofs u tenna li ma kienu xejn faċli għal organizzazzjonijiet bħad-Dar tal-Providenza li joffru sapport ta’ servizzi lil min għandu bżonnhom. Iżda minkejja l-problemi kollha, irnexxew l-isforzi li saru għas-sigurtà sħieħa tar-residenti u l-ħaddiema. L-istess jista’ jingħad għall-ħidma li saret biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti tal-iżolament li r-residenti sabu rwieħom fih f’dak il-perjodu diffiċli. Is-sitwazzjoni finanzjarja ma kinetx faċli anqas.
Fr Martin qal li l-parti l-kbira tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi kellhom jitħassru imma l-providenza ta’ Alla dejjem tintervjeni. Huwa qal :’Mirakolużament, u naf x’qed ngħid, irnexxielna nibqgħu noffru s-servizzi kollha li nagħtu lir-residenti li jgħixu fid-djar tagħna.’
Matul is-serata, l-mistednin kellhom ikla tabilħaqq delizzjuża akkumpanjata minn għażla ta’ nbejjed fini waqt li taw sehemhom b’donazzjonijiet għal kawża ġusta. Din is-sena l-attività kienet waħda ta’ ċelebrazzjoni u gratitudni. Ċelebrazzjoni għax minkejja l-ostakli kollha tal-pandemija il-mistednin reġgħu iltaqgħu biex igawdu l-esperjenza kulinarja flimkien. Gratitudni għal dawk kollha li taw l-appoġġ tagħhom biex l-attività tkun suċċess.
Kien hemm ukoll wirja tal-arti b’xogħlijiet ta’ Kenneth Zammit Tabona, Wibke Seifert, Rachel Galea, Andrew Borg, Debbie Bonello, Anna Galea, Mary de Piro u Lucille Cramwell. Il-mistednin kellhom l-opportunità japprezzaw ix-xogħlijiet sbieħ tal-arti esibiti u kien hemm min interessa ruħhu jżid mal-kollezzjoni privata tiegħu. 20% mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti marru b’risq Id-Dar tal-Providenza.
F’kumment li għamlet matul is-serata, id-Direttur Nicola Paris irringrazzjat lil Fr Martin Micallef, Nadine Camilleri Cassano flimkien mat-tim kollu tad-Dar tal-Providenza għall-appoġġ tagħhom u għall-mirakli li jsiru hemm. Hija irringrazzjat ukoll lil dawk il-kumpaniji li taw rigali għall-premjijiet u lil dawk li għenu fejn tidħol loġistika u, naturalment, l-isponsors u t-tim tax-Xara Collection flimkien ma’ dawk kollha li attendew biex l-attività kienet suċċess.
L-isponsors ewlenin kienu PWC, Seifert Systems, Tignè Point, FJ Vassallo & Associates, Malta International Airport, VJ Salomone, EY, Halmann, APS Bank, Concept Stadium, Mc Colloch & Pease, Camilleri Paris Mode, Neofarma, Raico, u l-Gasan Foundation.
Diversi kumpaniji oħra taw l-għajnuna tagħhom, bħal Farsons u Marsovin, li sponsorjaw l-inbid, Charles Grech & Co għall-ilma, Frutti di Mare, Macbake and Jimmy Vella għall-prodotti, Alistair għall-fjuti, L’Occitane għar-rigali u Ir-Russu u sħabu għad-divertiment.
This post is also available in: English