Monsinjur Lawrence Gatt – 60 sena saċerdozju.

L-Erbgħa, 7 ta’ April 2022 Mons. Lawrence Gatt  jiċċelebra 60 sena ta’ saċerdozju. Huwa kien ordnat saċerdot fil-Kon-Katidral ta’ San Ġwann fil-Belt Valletta mill-Arċisqof ta’ dak iż-żmien Mons. Mikiel Gonzi fis-7 ta’ April 1962.

Mons Gatt twieled ir-Raħal Ġdid fis-7 ta’ Frar 1937 minn Joseph Gatt u Olga neè Scicluna.   Wara l-iskola primarja, studja l-Liceo u fl-1954 daħal is-Seminarju tal-Arċisqof biex jibda l-formazzjoni tiegħu għas-saċerdozju.  Il-formazzjoni akkademika tiegħu ħadha fl-Università ta’ Malta. Fil-bidu tal-ministeru pastorali tiegħu huwa kien Viċi-Rettur tas-Seminarju tal-Arċisqof.

Fl-1977 inħatar Rettur tas-Seminarju, kariġa li dam jokkupa sal-aħħar ta’ Ġunju 1987 meta Mons Arċisqof Ġużeppi Mercieca ħatru bħala Direttur tad-Dar tal-Providenza wara l-mewt tal-mibki Mons Mikiel Azzopardi.  Huwa beda uffiċċjalment fl-1 ta’ Lulju 1987 u baqa’ f’din il-kariga sal-aħħar ta’ Settembru 2008 meta l-Arċisqof Mons. Pawl Cremona OP ħatru bħala Kanċillier tal-Kurja tal-Arċisqof.

Kemm dam Direttur tad-Dar tal-Providenza ġiet inawgurata Villa Papa Luciani, Dar Żerniq fetħet il-bibien tagħha fil-komunità tas-Siġġiewi u Villa Monsinjur Gonzi reġgħet inbniet mill-ġdid. Kien fi żmienu wkoll li, minbarra titjib fl-appoġġ lejn ir-residenti u s-servizzi ta’ respite, ir-residenti b’diżabilità intellettwali ingħataw l-opportunità li jkomplu jikbru fil-fidi permezz ta’ katekeżi simbolika bl-għajnuna tas-sħubija tad-Dar mal-Aġenzija SPRED (SPecial REligious Development) li hija bbażata fi Glasgow l-Iskozja.

Fl-2010 huwa ingħata l-Premju Dun Mikiel Azzopardi bħala apprezzament għall-ħidma tiegħu bħala Direttur tad-Dar tal-Providenza waqt li fil-5 ta’ Marzu 2017, Il-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi ippreżentah bl-Onorifiċenza Mertu Siġġiewi.

Ad Multos Annos.

Ir-Relikwarju tal-Madonna tad-Dmugħ ta’ Sirakuża meqjum fil-kappella tad-Dar.

Residenti u support workers tad-Dar tal-Providenza kellhom il-privileġġ li jagħmlu mument ta’ talb fil-preżenza tar-relikwarju tant venerat tal-Madonna tad-Dmugħ ta’ Sirakuża fi Sqallija li nġabet fil-kappella tad-Dar.

Ir-relikwarju jinsab Malta fuq l-inizjattiva tal-Fratellanza tal-Madonna taċ-Ċintura fi ħdan il-parroċċa ta’ Santa Katerina Verġni u Martri taż-Żejtun.

Is-Support Worker Evelyn Borg tgħaddi għall-ħajja ta’ Dejjem

Is-Support Worker Evelyn Borg għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem biex tingħaqad mal-Mulej. Evelyn kienet support worker tassew dedikata fil-flett Anġlu Kustodju fis-Siġġiewi.  Id-Dar tal-Providenza se tħoss in-nuqqas tagħha u tħeġġeġ it-talb għaliha.

Id-Dar tal-Providenza tixtieq twassal il-kondoljanzi tagħha lill-familjari.

Agħtiha O Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Ir-Resident Emmanuel Galea jiltaqa’ ma’ Papa Franġisku

Emmanuel Galea, resident għal diversi snin fid-Dar tal-Providenza il-Ħadd filgħodu kellu x-xorti jiltaqa’ ma’ Papa Franġisku f’laqgħa ma’ persuni vulnerabbli li saret fil Bażilika Kolleġjata ta’ San Pawl fir-Rabat.

Din il-laqgħa saret bħala parti mill-programm imħejji għaż-żjara tal-Qdusija Tiegħu il-Papa bejn it-2 u t-3 ta’ April 2022.

Il-Papa Franġisku f’Malta fuq il-passi ta’ San Pawl

“Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha.” Atti. 28:2

Is-Sibt u l-Ħadd, 2 u 3 ta’ April 2022

Il-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku temm żjara ta’ jumejn f’pajjiżna wara programm intens ta’ laqgħat u attivitajiet f’Malta u Għawdex. Eluf attendew għal-laqgħa ta’ talb fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu fl-Għarb, Għawdex u għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fuq il-Fosos tal-Furjana. Kull attività kellha s-sinifikat spiritwali, politika jew soċjali tagħha.

Fil-bidu taż-żjara tiegħu is-Sibt filgħodu il-Papa ġie milqugħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-President ta’ Malta Dr George Vella u s-Sinjura Vella kif ukoll mill-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna li awguraw ukoll il-vjaġġ it-tajjeb lura lejn Ruma il-Ħadd filgħaxija.

Fl-omelija tiegħu fuq il-fosos, il-Papa Franġisku qal li m’għandniex noqogħdu ngħoddu lil dawk li jkunu ma’ saqajna imma mmorru nfittxu lil dawk li mhumiex. Ma nibqgħux nippuntaw subgħajna, imma nibdew nisimgħuhom. Ma narmux lil dawk mistkerrha, imma npoġġu fl-ewwel post lil dawk li huma meqjusa tal-aħħar.

Fil-laqgħa ta’ talb fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, il-Papa Franġisku qal li Malta tinsab f’pożizzjoni ġeografika kruċjali, li hi għall-Mediterran bħal kalamita u port ta’ salvazzjoni għal tant persuni mriegħda mit-tempesti tal-ħajja li, għal diversi raġunijiet, jaslu fuq ix-xtut tagħna. Fil-wiċċ ta’ dawn il-foqra huwa Kristu nnifsu li qed jiġi għandna.

Fost oħrajn, laqgħat sinjifikanti kienu dawk li l-Papa kellu ma’ persuni vulnerabbli fil-Kolleġġjata Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat u mal-immigranti fil-Laboratorju tal-Paċi Ġwanni XXIII f’Ħal Far.

Ħarġa bir-roti u €2,000 b’risq id-Dar tal-Providenza

Inizjattiva tal-management u l-istaff tal-Lukanda Dolmen tal-Qawra spiċċat b’donazzjoni ta’ €2,000 lid-Dar tal-Providenza. Iċ-ċiklisti temmew id-dawra bir-roti f’Misraħ San Giovanni XXIII quddiem il-kappella tad-Dar fis-Siġġiewi.

Is-Sur John Muscat, HR Manager tal-Lukanda Dolmen, ippreżenta ċ-ċekk lid-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef, li f’isem ir-residenti u l-amministrazzjoni irringrazzja lill-management u l-istaff tad-Dolmen għal din l-inizjattiva ta’ solidarjetà mad-Dar tal-Providenza.

L-10 ta’ Frar 1910 – L-10 ta’ Frar 2022

Il-112-il Anniversarju mit-Twelid ta’ Mons. Mikiel Azzopardi

Il‑Ħamis, 10 ta’ Frar 2022  jaħbat il‑112‑il Anniversarju mit‑twelid ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, il‑fundatur tad‑Dar tal‑Providenza.

Mikiel Azzopardi twieled il‑Belt Valletta, propju f’jum li fih jitfakkar in‑Nawfraġju ta’ San Pawl f’Malta, minn Toninu Azzopardi u Amalja née Galea. Huwa tgħammed tliet ijiem wara fil‑Knisja Parrokkjali tal‑Madonna ta’ Porto Salvo fi Triq Merkanti. Hu rċieva l‑Ewwel Tqarbina fl‑età ta’ sitt snin mill‑Arċisqof Dom Mauro Caruana OSB fil‑Konkatidral ta’ San Ġwann u sena wara rċieva l‑Griżma tal‑Isqof mill‑Isqof Awżiljarju Mons. Angelo Portelli.

Huwa ħa l‑edukazzjoni tiegħu fl‑iskola primarja tal‑Gvern f’Sant Iermu, il‑Belt Valletta, fis‑Seminarju ta’ Għawdex, fil‑Liceo tal‑Belt u fl‑Università Rjali ta’ Malta fejn beda jsegwi l‑kors tal‑Liġi li ma spiċċahx minħabba li ħass is‑sejħa għas‑saċerdozju.

Dun Mikiel kien ordnat saċerdot fit‑22 ta’ Diċembru 1934, fl‑età ta’ 24 sena, mill‑Arċisqof Caruana. Ftit wara l‑ordinazzjoni tiegħu l‑Arċisqof ħatru bħala l‑assistent personali tiegħu. Fl‑1940, sar Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali tal‑Azzjoni Kattolika u beda jaħdem biex jorganizza u jxerred dan il‑moviment ekkleżjali tal‑lajċi fil‑parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex.  Fi ħdan l‑Arċidjoċesi ta’ Malta huwa waqqaf ukoll, fost oħrajn, il‑Ġunta Djoċesana għall‑Għaqdiet Kattoliċi u l‑Kunsilli Parrokkjali.

Fil‑ħidma pastorali tiegħu skopra li diversi persuni b’diżabilità f’Malta kienu qed jgħixu fi stat deplorevoli tant li kienu jinħbew fil‑kantini, f’ambjenti inumani għall‑aħħar, fejn kultant lanqas l‑aħwa tagħhom stess ma kienu jkunu jafu bihom. Persuni oħra b’diżabilità kienu spiss jiġu rredikolati fil‑pubbliku jew mibgħuta f’xi sptar li mhux adattat għalihom. Dun Mikiel kien iħoss ukoll li diversi familji ta’ persuni b’diżabilità kellhom bżonn urġenti li jsibu min joffrilhom solliev. Kien hawn li nibtet fih l‑idea li jsib post li fih dawn il‑persuni jsibu ambjent fejn jgħixu – ambjent li jixirqilhom u jirrispetta d‑dinjità tagħhom.

Għaldaqstant, fit‑12 ta’ Settembru 1965, b’donazzjoni ġeneruża ta’ Lm100 mogħtija lilu minn mara li kienet faddlithom biex tmur fuq btala. Dan kien il‑ġenesi tad‑Dar tal‑Providenza, l‑ewwel dar f’Malta li bdiet toffri servizzi residenzjali lill‑persuni b’diżabilità. Sal-lum id‑Dar tal‑Providenza għadha miraklu ħaj tal‑Providenza Divina.

Mons. Mikiel Azzopardi miet fit‑13 ta’ Mejju 1987 fl‑età ta’ 77 sena u ndifen fejn dejjem xtaq, fil‑bitħa tad‑Dar tal‑Providenza stess qalb il‑persuni b’dizabiltà li tant kien iħobb.

Ritratt: Residenti jpoġġu fjuri mal-monument ta’ Mons Mikiel Azzopardi fi Triq Mons. Mikiel Azzopardi fis-Siġġiewi.

 

“Id-Dar tal-Providenza hija s-sinjal tal-imħabba ta’ Alla” – L-Isqof Anton Teuma

L-Isqof ta’ Għawdex, l-E.T. Mons. Anton Teuma iddeskriva d-Dar tal-Providenza bħala s-sinjal tal-imħabba ta’ Alla. Huwa kien qed jagħmel l-ewwel żjara tieghu fid-Dar tas-Siġġiewi minn mindu laħaq Isqof tad-Djoċesi ta’ Għawdex f’Awwissu 2020. Huwa ikkonċelebra qudddiesa fil-kappella tad-Dar flimkien mad-Direttur, Fr Martin Micallef.

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Teuma qal li d-Dar tal-Providenza ma kinetx biss turija ta’ dedikazzjoni u mħabba lejn ir-residenti tagħha imma wkoll eżempju għall-Maltin u Għawdxin li ma waqfux isostnuha finanzjarjament u bil-volontarjat li ħafna jagħtu. Huwa faħħar u irringrazzja lil Fr Martin u t-tmexxija tad-Dar, il-carers u l-ħaddiema l-oħra kollha għall-għożża li għandhom għar-residenti li jieħdu ħsieb erba’ u għoxrin siegħa kuljum.

L-Isqof Teuma iltaqa’ ma’ rappreżentanza tar-residenti u l-carers tagħhom, żar il-mużew iddedikat lill-fundatur Mons. Mikiel Azzopardi kif ukoll il-qabar tiegħu. Huwa ra wkoll il-pixxina terapewtika li tintuża kuljum mir-residenti. Waħda mir-residenti ippreżentat hamper ta’ prodotti li jinħadmu mir-residenti stess fiċ-Ċentru Agrikolu San Isidor.

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja tas-Sinjura Blanche Mifsud, eks voluntiera tad-Dar

Id-Dar tal-providenza ssellem il-memorja għażiża tas-Sinjura Blanche Mifsud, li kienet voluntiera tad-Dar għal bosta snin u li mietet nhar l-Erbgħa 19 ta’ Jannar 2022 fl-età venerabbli ta’ 92 sena. Fis-sena 2011, hija kienet ingħatat il-Premju Dun Mikiel Azzopardi bħala rikonoxximent għall-ħidma tagħha flimkien mal-mibki Fr Lino Cardona SJ u Mary Versin.

Is-Sinjura Blanche Mifsud twieldet Ħaż-Żabbar fl-1925.  Hi żżewġet lil Kostantino Mifsud u kellhom żewġt itfal – Stephen u Elena. Meta romlot fl-1981, is-Sinjura Mifsud talbet lil Monsinjur Azzopardi, li kien ħu r-raġel t’oħtha, biex tibda tgħin fid-Dar tal-Providenza.  Minn dak iż-żmien u għal bosta snin baqgħet tagħti jumejn fil-ġimgħa f’ħidma volontarja fid-Dar, l-aktar fil-Bazaar, sakemm irtirat.

Il-Mulej jagħtiha l-mistrieħ ta’ dejjem.

Grazzi lill-poplu Malti mid-Dar tal-Providenza

“Għal darba oħra l-poplu Malti u Għawdxi reġa’ wera s-solidarjetà tiegħu mad-Dar tal-Providenza bis-somma ta’ €1,409,085. Fondi li se jgħini lid-Dar tkompli tipprovdi l-aħjar servizzi residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità li jgħixu fid-djar tagħha fis-Siġġiewi u fil-komunità..”  Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, fl-għeluq ta’ maratona televiżiva ta’ tnax-il siegħa. Huwa żied jgħid li jalla li s-solidarjetà li ntweriet fl-ewwel tas-sena mad-Dar tal-Providenza tibqa’ tintwera matul is-sena kollha ma’ dawk fis-soċjetà Maltija li jeħtieġu l-appoġġ.

Minħabba s-sitwazzjoni tal-pandemija Covid-19 li ninsabu fiha, ma sar xejn fil-parkeġġ li hemm fis-Siġġiewi ħlief drive-thru fejn dak li jkun seta’ jwassal id-donazzjoni tiegħu mingħajr ma jkollu għalfejn joħroġ mill-karozza.

Il-parti mportanti tal-ġbir tal-flus għad-Dar inklużi l-appelli, telefonati eċċetra saret fl-istudios ta’ WE Media f’Ħal Qormi bejn nofsinhar u nofsillejl. Matul il-maratona kien hemm  fl-istudios il-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, Mons. Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi, l-President Emeritus Marie-Louise Coleiro Preca, il-Kap tal-Oppożizzjoni u s-Sinjura Grech u permezz ta’ Skype I-Isqof t’Għawdex Anton Teuma. Attendew ukoll għadd ta’ ministri u membri parlamentari miż-żewġ naħat tal-Kamra tad-Deputati kif ukoll delegati tal-partit politiċi ewlenin, personalitajiet distinti u rappreżentanti ta’ korpi kostitwiti li qattgħu ħin iwieġbu t-telefonati tal-pubbliku.

Wara waqfa ta’ sentejn, reġa’ sar l-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti. Dan sar kollu kemm hu online u d-dħul mill-bejgħ ta’ ix-xogħlijiet laħaq is-somma ta’ €28,605.

Bħal kull sena, għadd ta’ parroċċi f’Malta w Għawdex organizzaw ġabriet speċjali li mbagħad ingħataw lid-Dar f’isem il-komunità parrokkjali uħud minnhom permezz ta’ Skype.

L-ewwel żjara saret filgħodu minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna li wkoll iċċelebra quddiesa  fil-jum tal-ewwel tas-sena iddedikat lill-Imqaddsa Verġni Marija, Omm Alla u Jum il-Paċi fil-kappella tad-Dar tal-Providenza. Huwa kien assistit minn Mons.Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Dun Martin Micallef, Direttur tad-Dar, Dun Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali u Dun Josef Mifsud, Arċipriet tas-Siġġiewi.

Fl-omelija tiegħu l-Arċisqof qal li fil-bidu ta’ sena ġdida, huwa xtaq joffri lil kulħadd ix-xewqat sbieħ li jinsabu fil-kliem sabih tal-Mulej lil Mosè. “Iħares lejk il-Mulej bi mħabba u jagħtik is-sliem”. Huwa qal li l-ħarsa tal-Mulej fuqna hija ħarsa ta’ mħabba għax l-imħabba u l-ħniena jimxu flimkien.

Huwa awgura li l-għażliet li nagħmlu din is-sena jkunu għażliet tajba għax x’hemm tajjeb fir-rikreazzjoni li naħsbu li se tagħtina dak li tixtieq qalbna: droga f’kull għamla, xorb żejjed u għażliet oħra li jaljenawna għal ftit taż-żmien imma li ma jagħmlux ħlief ħsara.