Mons. Joseph Alessandro, Isqof Emeritus ta’ Garissa, il-Kenja iżur Id-Dar tal-Providenza

L‑E.T. Mons. Joseph Alessandro, Isqof Emeritus ta’ Garissa fil‑Kenja żar Id-Dar tal-Providenza it-Tnejn, 19 ta’ Settembru 2022, fl‑okkażjoni tal‑57 anniversarju mit‑twaqqif tad‑Dar u l‑beatifikazzjoni tal‑Papa Ġwanni Pawlu I, li Villa Papa Luciani ġġib kunjomu. L-Isqof Alessandro beda ż-żjara tiegħu b’konċelebrazzjoni  ta’ quddiesa fil‑kappella għar‑residenti u ħaddiema tad-Dar assistit minn Fr Martin Micallef, Direttur, u Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad-Dar.

Fl-omelija tiegħu, l-Isqof Emeritus qal li din id-Dar hija eżempju ċar ta’ kif Alla fil-providenza tiegħu jinqeda bil-bnedmin li lilhom jagħti ħafna opportunitajiet biex jagħmlu l-ġid lil ħaddieħor. Huwa fakkar kif ħamsa u sebgħin sena ilu donazzjoni żgħira ta’ mara welldet lid-Dar tal-Providenza bil-ħidma ta’ Mons. Mikiel Azzopardi. Bil-ħafna donazzjonijiet żgħar tal-Maltin u Għawdxin dak li nbeda ħamsa u sebgħin sena ilu għadu jsir biex id-Dar tibqa’ toffri l-għola kwalità ta’ ħajja lir-residenti tagħha kif tassew jixirqilhom.

L-Isqof Emeritus Alessandro mbagħad żar il-mużew iddedikat lill-fundatur tad-Dar, Mons. Mikiel Azzopardi u, wara, iċ-Centru SPRED, il-pixxina terapewtika, il-kmamar multisensorjali u l-gymnasium fejn ra b’għajnejh is-servizzi differenti li d-Dar toffri għar-residenti tagħha.

Illum il-57 Anniversarju mit-twaqqif tad-Dar tal-Providenza

Mons. Mikiel Azzopardi, Assistent Ekkleżjastiku Ġenerali tal-Azzjoni Kattolika Maltija,  għal xi żmien, kellu ħolma li kellha tgħin ittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-persuni b’diżabilità li għal raġuni jew oħra ma setgħux jibqgħu jgħixu mal-ġenituri tagħhom.

Fit-12 ta’ Settembru 1965, qasam din l-ideja tiegħu mas-semmiegħa tal-programm tar-radju li kien jagħmel, dik li jiftaħ l-ewwel dar residenzjali f’Malta għal persuni b’diżabilità. Mara li semgħet il-programm tant tqanqlet b’din l-ideja tiegħu li fittxitu u tagħtu ċekk għal Lm100 (€230) – flus li faddlet biex tagħmel safra! Mons. Azzopardi dejjem żamm din id-data importanti bħala l-jum tal-fondazzjoni tad-Dar tal-Providenza. Dakinhar ħass li dak il-ġest ta’ dik il-mara kien sinjal minn Alla biex iwettaq il-ħolma tiegħu.

F’sentejn irnexxielu jibni l-ewwel residenza fis-Siġġiewi li ta l-isem ta’ Villa Mons. Gonzi u fil-11 ta’ Frar 1968, l-ewwel tliet residenti ġew milqugħa fid-dar.

Fr Martin jingħata l-Premju Ġieħ Ħal Luqa

Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef ingħata l-Premju Ġieħ Ħal Luqa f’ċerimonja li saret il-Ġimgħa, 9 ta’ Settembru, 2022 fi Pjazza Sant’Andrija, quddiem il-knisja parrokkjali ta’ Ħal Luqa.

Fr Martin irringrazzja lis-Sindku ta’ Ħal Luqa, is-Sur John Schembri, lill-Viċi Sindku u l-Kunsilliera kollha talli f’Jum Ħal Luqa, fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, l-Onor Alison Zerafa Civelli għoġobhom jagħtuh il-Premju Ġieħ Ħal Luqa.

Fr Martin qal li xtaq jiddedika dan il-Premju lill-Ħalluqin kollha li matul ħajtu sawruh fil-valuri li jħaddan, kif ukoll rawmu fih imħabba speċjali lejn Ħal Luqa, raħal twelidu. Irringrazzja wkoll lil dawk kollha li ferħulu personalment jew fuq il-mezzi soċjali.

Id-Dar tal-Providenza tifraħ bil-beatifikazzjoni tal-Papa Ġwanni Pawlu I

Id-Dar tal-Providenza, li għandha Villa msemmija għall-Papa Ġwanni Pawli I, tifraħ bil-beatifikazzjoni tiegħu li ser issir nhar il-Ħadd 4 ta’ Settembru 2022.  Il-beatifikazzjoni tiegħu ser issir waqt ċelebrazzjoni ppreseduta mill-Qdusija Tiegħu, il-Papa Franġisku fil-pjazza tal-Vatikan.  Il-Kardinal Taljan  Albino Luciani kien elett Papa fis-26 ta’ Awwissu 1978 u għażel l-isem ta’ Ġwanni Pawlu b’turija ta’ rispett lejn il-predeċessuri tiegħu, il-Papa Ġwanni XXIII u Papa Pawlu VI.  Hu miet ħesrem erba’ u tletin jum wara, fit-28 ta’ Settembru 1978.

 

Villa Papa Luciani, fid-Dar tal-Providenza, is-Siġġiewi  kienet inawgurata ħamsa u tletin sena ilu fit-8 ta’ Settembru 1987, erba’ xhur wara l-mewt tal-fundatur tad-Dar, Mons. Mikiel Azzopardi.  Fil-fatt kienet ix-xewqa tiegħu li din il-Villa tissemma għall-mibki Papa Ġwann Pawlu I magħruf ukoll bħala Papa Luciani jew il-Papa tat-tbissima. F’din il-Villa fiha żewġ flettijiet fejn f’kull wieħed jgħixu disa’ persuni b’diżabilità.

 

Id-Dar tal-Providenza se tkun qed tgħożż ukoll relikwa tal-Papa Ġwanni Pawlu I.  Ir-relikwa hija biċċa drapp żgħira li kienet tagħmel parti mill-qalziet tiegħu. Din il-biċċa drapp kienet ingħatat lid-Dar fl-2019, mill-Museo dei Papi, li jinsab f’Padova l-Italja, bis-saħħa tal-Ambaxxatur Malti għas-Santa Sede, is-Sur Frank Zammit.  Il-Ministru tal-Affarijiet Barranin ta’ dak iż-żmien, Carmelo Abela kien ippreżenta din il-biċċċa drapp, illum relikwa, lid-Directtur tad-Dar tal-Providenza, Fr Martin Micallef, fil-preżenza tal-Ambaxxatur Zammit.

 

Tliet residenti tad Dar tal Providenza f’Pellegrinaġġ Marjan f’Lourdes

Tliet residenti tad‑Dar tal‑Providenza, Maria Teresa Buttigieg, Vincent Mifsud u George Apap flimkien mas-support workers tagħhom, kienu fost grupp ta’ 175 pellegrin li ħadu sehem f’pellegrinaġġ marjan għall-morda f’Lourdes.

Wara waqfa ta’ sentejn minħabba l‑pandemija tal‑COVID‑19, l‑Assoċjazzjoni Volontarji Lourdes reġgħet organizzat dan il‑pellegrinaġġ li sar bejn it‑Tnejn 22 u l‑Ħamis 25 ta’ Awwissu 2022. Ħadu sehem ukoll l‑Arċisqof Emeritus Mons. Pawl Cremona OP, Patri Dijonisju Mintoff OFM, Patri Albert Micallef OFM, Patri Josè Debono OCD. Patri Charles Tabone OP u Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza.

Għadd sabiħ ta’ volontiera, ħafna minnhom żgħażagħ, assistew lill‑pellegrini morda, anzjani jew b’diżabilità f’dak kollu li kellhom bżonn b’impenn u ġenerożità kbira.

L‑Assoċjazzjoni Voluntiera Lourdes kienet twaqqfet fit‑18 ta’ April 2001 bl‑iskop li tassisti l‑morda biex imorru pellegrinaġġ Lourdes.

Jinġabru €6,350 b’risq Id-Dar tal-Providenza

Is-somma ta’ €6,350 inġabret minn Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb b’risq Id-Dar tal-Providenza waqt BBQ li sar nhar l-Erbgħa, 17 ta’ Awwissu, 2022. Kull sena, għal dawn l-aħħar għaxar snin, Pierre u Anne Marie organizzaw BBQ għall-ħbieb tagħhom bid-dħul minnu jmur kollu għad-Dar. Tul is-sentejn tal-pandemija tal-COVID-19 il-BBQ ma sarx imma minflok xorta saret is-solita ġabra ta’ fondi b’risq id-Dar.

Is-somma ta’ €6,350 ġiet ippreżentata minn Pierre Vella Petroni u Anne Marie Xuereb lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li rringrazzja lil Pierre u lil Anne Marie li reġgħu organizzaw il-BBQ u lil dawk kollha li għenu jew għamlu donazzjoni.

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ Mons. Philip Calleja

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja għażiża ta’ Mons. Philip Calleja li llum ingħaqad mal-Mulej fis-sema. Kien Monsinjur Calleja li wara l-mewt ta’ Mons. Mikiel Azzopardi f’Mejju tal-1987, ingħata l-inkarigu minn Mons. Arċisqof Ġużeppi Mercieca mhux biss biex jorganizza l-funeral tiegħu, imma wkoll biex jassumi r-responsabiltà tat-tmexxija tad-Dar, sakemm ġie nominat Mons. Lawrence Gatt bħala d-Direttur il-ġdid, xahrejn wara.

Mons. Calleja ġie ordnat saċerdot fit-2 ta’ Awwissu, 1953. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet l-iżjed mat-tfal tal-Belt u fi ħdan l-Azzjoni Kattolika Maltija. Huwa waqqaf ukoll il-Kummissjoni emigranti, llum magħrufa bħal Kummissjoni Migranti. Huwa kien Deputat tal-Uffiċċju taż-Żwiġijiet, kif ukoll kanċillier tal-Kurja tal-Arċisqof. Fl-1990 kien inkarigat mill-organizzazzjoni taż-żjara tal-Papa Ġwanni Pawlu II f’Malta.

Fis-sena 1962, Mons. Philip kien infurmat li r-Rest Camp tal-Ammiraljat fis-Siġġiewi kien se jiġi trasferit fil-Mellieħa. Bl-inizjattiva ta’ Mons. Philip, bdiet minnufih ħidma biex il-post jinkiseb mill-Azzjoni Kattolika Maltija kif fil-fatt ġara. Wara li nkiseb dan il-post beda jintuża bħala kampijiet tas-sajf għat-tfal u fil-frattemp, Mons. Mikiel Azzopardi, li kien l-Assistent Ekkleżjastiku tal-Azzjoni Kattolika Maltija beda jaħseb biex jibni d-Dar tal-Providenza f’dan il-post. Fil-fatt ix-xogħol tal-bini tad-Dar tal-Providenza beda fl-1965.

Fl-2018, Mons. Philip Calleja ingħata l-Premju Mons. Mikiel Azzopardi bħala turija ta’ rikonoxximent u apprezzament tad-Dar tal-Providenza għall-ħidma u l-appoġġ tiegħu lejn id-Dar. Dakinhar l-Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea-Curmi faħħar il-ħidma sfieqa tiegħu u qal li din il-ħidma twila tiegħu mhux biss tissombolizza l-karattru tiegħu imma wkoll l-impenn tal-Knisja Maltija biex tgħin il-batut u l-emarġinat fis-soċjetà tagħna.

Agħtih o Mulej il-mistrieħ ta’ dejjem.

Lejla ta’ ikel, inbid, arti u għotja ta’ €37,400 lid-Dar tal-Providenza

€37,440 inġabru waqt lejla taħt l-istilel organizzata mill-familja Zammit Tabona flimkien mal-Management tax-Xara Collection nhar l-Erbgha, 15 ta’ Lulju 2022 fuq il-patio tax-Xara Lodge. Din kienet il-5 edizzjoni tal-ikla b’risq Id-Dar tal-Providenza li saret taħt il-patroċinju distint tal-Isqof Awżiljarju, Mons Joseph Galea-Curmi.

 

Mill-2017 ‘l hawn, inġabret is-somma totali ta’ €153,160 u d-dħul mill-attività ta’ din is-sena se jmur għall-bidu ta’ proġett pjuttost ambizzjuż tar-rinovar ta’ erba’ flettijiet f’Villa Papa Giovanni fis-Siġġiewi, proġett li f’dawn l-aħħar sentejn kellu jitpoġġa fuq l-ixkaffa minħabba l-pandemija COVID-19.

 

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, tkellem dwar l-aħħar sentejn u nofs u tenna li ma kienu xejn faċli għal organizzazzjonijiet bħad-Dar tal-Providenza li joffru sapport ta’ servizzi lil min għandu bżonnhom. Iżda minkejja l-problemi kollha, irnexxew l-isforzi li saru għas-sigurtà sħieħa tar-residenti u l-ħaddiema. L-istess jista’ jingħad għall-ħidma li saret biex jitnaqqsu kemm jista’ jkun l-effetti tal-iżolament li r-residenti sabu rwieħom fih f’dak il-perjodu diffiċli. Is-sitwazzjoni finanzjarja ma kinetx faċli anqas.

Fr Martin qal li l-parti l-kbira tal-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi kellhom jitħassru imma l-providenza ta’ Alla dejjem tintervjeni. Huwa qal :’Mirakolużament, u naf x’qed ngħid, irnexxielna nibqgħu noffru s-servizzi kollha li nagħtu lir-residenti li jgħixu fid-djar tagħna.’

Matul is-serata, l-mistednin kellhom ikla tabilħaqq delizzjuża akkumpanjata minn għażla ta’ nbejjed fini waqt li taw sehemhom b’donazzjonijiet għal kawża ġusta. Din is-sena l-attività kienet waħda ta’ ċelebrazzjoni u gratitudni. Ċelebrazzjoni għax minkejja l-ostakli kollha tal-pandemija il-mistednin reġgħu iltaqgħu biex igawdu l-esperjenza kulinarja flimkien. Gratitudni għal dawk kollha li taw l-appoġġ tagħhom biex l-attività tkun suċċess.

 

Kien hemm ukoll wirja tal-arti b’xogħlijiet ta’ Kenneth Zammit Tabona, Wibke Seifert, Rachel Galea, Andrew Borg, Debbie Bonello, Anna Galea, Mary de Piro u Lucille Cramwell. Il-mistednin kellhom l-opportunità japprezzaw ix-xogħlijiet sbieħ tal-arti esibiti u kien hemm min interessa ruħhu jżid mal-kollezzjoni privata tiegħu. 20% mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti marru b’risq Id-Dar tal-Providenza.

 

F’kumment li għamlet matul is-serata, id-Direttur Nicola Paris irringrazzjat lil Fr Martin Micallef, Nadine Camilleri Cassano flimkien mat-tim kollu tad-Dar tal-Providenza għall-appoġġ tagħhom u għall-mirakli li jsiru hemm. Hija irringrazzjat ukoll lil dawk il-kumpaniji li taw rigali għall-premjijiet u lil dawk li għenu fejn tidħol loġistika u, naturalment, l-isponsors u t-tim tax-Xara Collection flimkien ma’ dawk kollha li attendew biex l-attività kienet suċċess.

 

L-isponsors ewlenin kienu  PWC, Seifert Systems, Tignè Point,  FJ Vassallo & Associates,  Malta International Airport, VJ Salomone, EY, Halmann, APS Bank, Concept Stadium, Mc Colloch & Pease, Camilleri Paris Mode, Neofarma, Raico, u  l-Gasan Foundation.

 

Diversi kumpaniji oħra taw l-għajnuna tagħhom, bħal Farsons u Marsovin, li sponsorjaw l-inbid, Charles Grech & Co għall-ilma, Frutti di Mare, Macbake and Jimmy Vella għall-prodotti, Alistair għall-fjuti, L’Occitane għar-rigali u Ir-Russu u sħabu għad-divertiment.

 

Żewġ residenti tad-Dar tal-Providenza f’pellegrinaġġ f’Lourdes

Ir-residenti tad-Dar tal-Providenza Carmela Vassallo u Edward Zammit, flimkien mas-support workers tagħhom, ingħaqdu ma’ Mons Arċisqof Charles J. Scicluna f’pellegrinaġġ għall-morda f’Lourdes organizzat mill‑Għaqda Maltija għat‑Trasport tal‑Morda f’Lourdes (UMTAL). L‑Arċisqof kien akkumpanjat minn Dun Joseph Mizzi, id‑direttur spiritwali tal‑UMTAL u minn Dun Martin Micallef, id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza.

Għal dan il‑pellegrinaġġ, li kien id-90 wieħed mill-UMTAL attendew 180 persuna: 55 pazjent, 65 pellegrin u 60 voluntier li jinkludu tobba, infermiera u spiżjara. Matul il-pellegrinaġġ,  il‑Maltin attendew funzjonijiet reliġjużi, fosthom quddiesa bil‑Malti fil‑Grotta, l‑Adorazzjoni Ewkaristika u l‑purċissjoni ta’ filgħaxija magħrufa bħala l‑Aux Flambeaux.

€519,721 mill-Maratona ta’ Solidarjetà u Sport b’risq id-Dar tal-Providenza

It-12-il edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball li bdiet nhar il-Ġimgħa spiċċat il-Ħadd f’nofsillejl imma mhux qabel ma nġabru €519,721. Il-plejers li lagħbu 53 siegħa sħaħ bi sfida kontra s-sħana qawwija li qed taħkem il-gżejjer Maltin issa jistgħu jistrieħu sodisfatti li l-poplu Malti u Għawdxi wera s-solidarjetà tiegħu mad-Dar tal-Providenza.

Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, qal sewwa li l-maratona hija maratona ta’ solidarjetà u sport.  Huwa kompla jgħid li l-ispirtu altruistiku rifless fil-players u numru sabiħ ta’ voluntiera li ħadu sehem f’dawn it-tliet ijiem huwa ritratt mill-isbaħ tal-Maltin u l-Għawdxin li ssibhom dejjem minn ta’ quddiem meta jiġu għas-solidarjetà.

Huwa rrefera  għas-sentejn li għaddew li matulhom il-Maratona tal-Volleyball ma saritx u ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi tista’ tgħid waqfu għalkollox. Issa li qed nimxu lejn in-normalità, din il‑maratona fetħet il-kalendarju ta’ attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li huma tant neċessarji għad-Dar biex tkompli toffri servizzi residenzjali tal-ogħla kwalità.

Fil-ftuħ uffiċċjali tal-Maratona tal-Volleyball il-Ġimgħa filgħaxija, il-President ta’ Malta, Dott. George Vella aċċenna għall-ħidma li twettaq kuljum id-Dar tal-Providenza u li qed tkompli twettaq bl-istess enerġija u determinazzjoni tal-fundatur tagħha Mons. Mikiel Azzopardi. Huwa qal li din il-maratona hija okkażjoni biex il-poplu Malti kollu jingħaqad flimkien biex bid-donazzjoni tiegħu jipprovdi lill-persuni b’diżabilità residenti tad-Dar tal-Providenza b’dak kollu li għandhom bżonn u li fuq kollox huwa d-dritt tagħhom.

Il-Ħadd filgħodu, l-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi ikkonċelebra flimkien ma’ Fr Martin fil-kappella tad-Dar. Huwa qal li d-Dar hija ċelebrazzjoni ta’ mħabba u ta’ għożża b’messaġġ qawwi għal kulħadd.

Huwa semma tliet aspetti li joħorġu mill-messaġġ tad-Dar. L-ewwel wieħed huwa l-għożża tal-ħajja mill-bidu tagħha mingħajr ma ħadd ikollu jiddeċiedi liema ħajja tinżamm u liema ħajja tintrema. It-tieni aspett huwa l-inklużjoni fejn kull bniedem ikollu sehem sħieħ fis-soċjetà u fl-aħħarnett hemm il-messaġġ ta’ solidarjetà mal-persuni b’diżabilità li jeħtieġilhom kull għamla ta’ appoġġ. Dawn kollha huma sinonomi mad-Dar tal-Providenza li waqqaf Dun Mikiel 57 sena ilu.

Minbarra l‑40 pleyer li kienu l-protagonisti ewlenin ta’ din il-maratona, kien hemm ukoll madwar 200 voluntier.  Kull filgħaxija kien hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u logħob għat‑tfal.  Il‑Maratona ingħatat f’xandiriet diretti fuq l-istazzjonijiet tat-televixin ewlenin f’pajjiżna.