Il-Melita Foundation tisponsorja sistema ta’ drip irrigation tal-mixtla taż-żebbuġ fid-Dar tal-Providenza

Il‑Melita Foundation sponsorjat sistema ta’ drip irrigation għall‑mixtla taż‑żebbuġ li hemm fil‑ġnien tad‑Dar tal‑Providenza. Id‑Dar toffri servizzi residenzjali f’ambjent ta’ familja lil persuni b’diżabilità.

Il‑mixtla, li saret matul is‑snin bil‑għajnuna ta’ diversi benefatturi, hija waħda mill‑postijiet l‑aktar imfittxija mir‑residenti tad‑Dar fis‑Siġġiewi. Barra minn hekk, iż‑żebbuġ li jintgħasar, jinbiegħ mir‑residenti waqt attivitajiet fokloristiċi li jkunu organizzati f’diversi lokalitajiet f’Malta matul is‑sena.

Id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, Fr Martin Micallef, qal li “L‑impenn tad-Dar minn dejjem kien li nippromwovu bis‑sħiħ l‑iżvilupp personali ħolistiku tar‑residenti kollha tagħna, li essenzjalment jinkludi wkoll ħin imwaħħad man‑natura. L‑ispazju u t‑trankwilità li tipprovdi l‑mixtla taż‑żebbuġ u x‑xogħol li jistgħu jagħmlu fih, huma ta’ benefiċċju enormi għalihom. Għalhekk huwa ta’ sodisfazzjon għalina li grazzi għall‑Melita Foundation, issa għandna moħħna mistrieħ li ma rridux noqgħodu ninkwetaw li rridu nsaqqu b’mod manwali kuljum aktar minn 300 siġra taż‑żebbuġ li għandna fil‑ġnien.”

Tanya Sammut‑Bonnici, Chairperson tal‑Melita Foundation, qalet li “Għal aktar minn 50 sena, id‑Dar tal‑Providenza ipprovdiet appoġġ mill‑aqwa lill‑persuni b’diżabilità. Dan setgħet tagħmlu wkoll, bis‑saħħa tal‑appoġġ u ġenerożità ta’ eluf ta’ Maltin li bis‑saħħa tagħhom għandha r‑riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa għall‑operat tal‑post. Matul is‑snin, kemm Melita kif ukoll il‑Melita Foundation appoġġaw il‑ħidma tad‑Dar u din il‑koperazzjoni se tara li jiġi żgurat li r‑residenti jkomplu jgawdu l‑paċi, is‑sbuħija u l-benefiċċji oħra li toffri l‑mixtla taż‑żebbuġ.”

Aktar informazzjoni dwar il‑Melita Foundation jista’ jinstab fil‑website https://www.melitafoundation.org/

 

This post is also available in: English