Maratona ta’ Volleyball, Solidarjetà u Sport
Il-Maratona tal-Volleyball li bdiet il-Ġimgħa filgħaxija tistrieħ fuq żewġ pilastri – is-solidarjetà u l-isport. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fil-ftuħ tat-12-il edizzjoni tal-Maratona b’risq id-Dar tas-Siġġiewi. Huwa kompla jgħid li l-ispirtu altruistiku rifless fil-players u numru sabiħ ta’ voluntiera li qed jipparteċipaw f’din il-maratona huwa ritratt mill-isbaħ tal-Maltin u l-Għawdxin li ssibhom dejjem minn ta’ quddiem meta jiġu għas-solidarjetà.
Fr Martin qal li l-appell li għamlilna l-Papa Franġisku meta ġie fostna biex inkunu esperti fl-umanità mhux biss huwa rifless li jsir fid-Dar tal-Providenza, f’tant ħaddiema u voluntiera li jagħtu appoġġ sħiħ lir-residenti b’rispett u b’dinjità fil-bżonnijiet kollha tagħhom, imma huwa rifless ukoll f’attività bħal din meta tara żgħażagħ u adulti impenjati biex jagħti mill-ħin tagħhom lill-ħaddieħor f’dinja li fi kliem il-Papa stess ħafna drabi drat ma tagħtix kas.
Fr Martin irrefera għas-sentejn li għaddew li matulhom il-Maratona tal-Volleyball ma saritx u ħafna mill-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi tista’ tgħid waqfu għalkollox. Issa li morna lura għan‑normalità, din il‑maratona qed terġa tiftaħ kalendarju ta’ attivitjiet ta’ ġbir ta’ fondi li huma tant neċessarji għad-Dar biex tkompli toffri servizzi residenzjali tal-ogħla kwalità.
Fr Martin temm billi ħeġġeġ lill‑pubbliku Malti u Għawdxi biex jiġi jissapportja l‑pleyers li b’sagrifiċċju kbir daħlu għal din l‑isfida magħmula aktar diffiċli mit-temperaturi għolja li qed jaħkmu l-gżejjer tagħna, kif ukoll biex jgħinu lid‑Dar tal‑Providenza bid‑donazzjonijiet tiegħu.
This post is also available in: English