Dar tal-Providenza: Ċelebrazzjoni ta’ mħabba u ta’ għożża.

Ritratt: Ian Noel Pace

L-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea-Curmi qal li d-Dar tal-Providenza hija ċelebrazzjoni ta’ mħabba u ta’ għożża b’messaġġ qawwi għal kulħadd. Huwa semma tliet aspetti li joħorġu mill-messaġġ tad-Dar. L-ewwel wieħed huwa l-għożża tal-ħajja mill-bidu tagħha mingħajr ma ħadd ikollu jiddeċiedi liema ħajja tinżamm u liema ħajja tintrema. It-tieni aspett huwa l-inklużjoni fejn kull bniedem ikollu sehem sħieħ fis-soċjetà u fl-aħħarnett hemm il-messaġġ ta’ solidarjetà mal-persuni b’xi diżabilità li jeħtieġilhom kull għamla ta’ appoġġ. Dawn kollha huma sinonomi mad-Dar tal-Providenza li waqqaf Dun Mikiel 57 sena ilu.

L-Isqof Galea-Curmi fakkar li dejjem għandna nkunu strument tal-paċi u mhux tal-firda u nwasslu l-imħabba ta’ Alla lill-oħrajn. L-Isqof talab ukoll biex ikun hemm ħafna ħaddiema fl-għalqa tal-Mulej, “biex ikun hemm ħafna li jwieġbu għas-sejħa tiegħu u biex aħna nkunu kif jixtieqna hu” jiġifieri “nħabbru l-Bxara t-Tajba b’ħafna mħabba, ġenitlezza, kompassjoni u dejjem bi stima kbira lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull bniedem”.

Għall-quddiesa li fiha ha sehem ukoll Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, kien hemm għadd ta’ residenti, support workers u ħaddiema.

Qabel il-quddiesa l-Isqof Galea-Curmi iltaqa’ mal-plejers li qed jieħdu sehem fil-Maratona tal-Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza li bdiet il-Ġimgħa filgħaxija u tibqa’ sejra sa nofsillejl tal-lejla.

Il-pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in-numri li qed nagħtu aktar l-isfel, juża l-BOV Mobile Banking jew il-PayPal jew jagħti donazzjoni online fil-kontijiet bankarji tad-Dar mal-APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank u BNF Bank. Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit : www.sabihlitaghti.org

€10 5160 2011

€15 5170 2012

€25 5180 2013

€50 5190 2070

€100 5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile 7932 4834

This post is also available in: English