Wirja ta’ karozzi antiki b’risq Id-Dar tal-Providenza

L-Old Motors Club organizza attività ta’ ġbir ta’ fondi b’wirja ta’ vetturi antiki b’risq Id-Dar tal-Providenza fil-parkeġġ tagħha fis-Siġġiewi. Fi tmiem l-attività s-somma ta’ €3,760 ġiet ippreżentata lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar li minn-naħa tiegħu irringrazzja lill-organizzaturi għall-appoġġ u s-solidarjetà tagħhom mad-Dar tal-Providenza.

Festa ta’ Ġenerożità 2024 fl-Awstralja b’risq id-Dar tal-Providenza

Nhar il‑Ħadd, 25 ta’ Frar, l‑għaqda Friends of Providence House N.S.W., ir‑rappreżentana uffiċċjali fl‑Awstralja tad‑Dar tal‑Providenza f’Malta tellgħu il‑Festa Annwali ta’ Ġenerożità fiċ‑Ċentru Soċjali ta’ La Vallette ġewwa Blacktown.

L‑MC tas‑serata u t‑teżorier tal‑Għaqda, Ms. Miriam Friggieri tat merħba lil dawk preżenti, li kienu madwar 250 Maltin‑Awstraljani u stednithom biex ikunu ġenerużi bid‑donazjoniet tagħhom.

Il‑Kuncert beda bl‑innijiet Nazzjonali ta’ Malta u l‑Awstralja esegwiti minn Ms. Katelyn Vella, tfajla ta’ nisel Malti.

Is‑Sur Jim Borg, il‑Koordinatur tal‑Għaqda Friends of Providence House NSW, irringrazzja u ntroduċa lill‑isponsors ewlenin tas‑serata, li kienu  ic‑Ċentru Soċjali ta’ La Vallette, Breakaway Travel ta’ Blacktown, kif ukoll lis‑sinjuri Sistu u Maryanne Zammit.  Il‑Konslu Ġenerali ta’ Malta fi NSW, is‑sur Lawrence Buhagiar attenda għal dan l‑avveniment u saħaq dwar l‑importanza li tingħata għajnuna finanzjarja lid‑Dar tal‑Providenza.

Wara ntwera video b’messaġġ mid‑direttur tal‑Dar tal‑Providenza, Fr Martin Micallef li esprima s‑sinifikat u l‑impatt tad‑donazzjoniet li jingħataw biex b’hekk din l‑organizzazzjoni tkun tista’ tkompli tagħti l‑għajnuna meħtieġa lill‑persuni b’diżabilità f’Malta.

Il‑kantanti tas‑serata kienu is‑Sur Joe Apap, is‑Sur Charlie Muscat, is‑Sur Martin Vella, is‑Sinjorina Katelyn Vella u s‑Sinjorina Natasha Tatarinoff li ferrħu u taw gost lil dawk preżenti b’kanzunetti bil‑Malti u bl‑Ingliż. Iż‑żewġ kitarristi żgħażagħ Noah Falzon u Jason li wkoll taw is‑sehem tagħhom f’din l‑okkazjoni. Is‑Sur Ivan Cauchi ħsieb tas‑sound u d‑dwal f’din is‑serata.

Waqt l‑interval, bil‑għan li jinġabru aktar fondi għad‑Dar tal‑Providenza, nbiegħu biljetti għal lotterija bi premjijiet li ngħataw min diversi sponsors. Is‑Sur Jim Borg irringrazzja lill‑kumitat tieghu, magħmul minn Rita O’Dwyer, Segretarja, u Miriam Friggieri, Tezoriera,  u ppreżenta ċertifikati ta’ apprezzament lil mistiednin speċjali, lill‑performers li taw il‑ħin tagħhom għal din l‑okkazjoni kif ukoll lill‑isponsors,  lil dawk li b’xi mod jew ieħor taw l‑għajnuna tagħhom f’dan l‑avveniment, u speċjalment liċ‑Ċentru Soċjali ta’ La Vallette li ġenerożament offrew l‑użu tas‑sala lill‑għaqda u rringrazzja wkoll lill‑istaff tal‑kċina għax‑xogħol tagħhom.

Bis‑saħħa tas‑soldarjetà li wriet il‑komunità Maltija‑Awstraljana f’din is‑serata, il‑Festa ta’ Ġenerożità kienet tassew suċċess. Id‑donazjonijiet kollha li jintgħataw lid‑Dar tal‑Providenza ikomplu jghinu lil din l‑organizzazzjoni biex tkun tista’ tkompli l‑missjoni importanti tagħha ma’ persuni b’diżabilità f’Malta.

Il‑flus kollha li nġabru se jiġu ppreżentati b’cheque lid‑Dar tal‑Providenza fil‑Maratona tal‑Volleyball li ssir f’Malta f’Lulju li gej.

€2,400 f’donazzjonijiet mill-kunċert tal-Forzi Armati ta’ Malta b’risq id-Dar tal-Providenza

Il-Brigadier Clinton O’Neill, Kap Kmandant tal-Forzi Armati ta’ Malta, ippreżenta l-ammont ta’ €2,404.42 lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, liema somma nġabret waqt il-kunċert vokali u strumentali mill-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta li sar fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl fl-Imdina fl-1 ta’ Diċembru 2023 fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità. Il-Banda, taħt it-tmexxija tas-Surmast il-Kaptan Jonathan Borg, esegwiet programm imżewwaq ta’ siltiet mużikali minn kompożituri Maltin u barranin.

Fr Martin irringrazzja lill-Brigadier O’Neill, għal din id-donazzjoni kif ukoll għall-appoġġ li l-Forzi Armati ta’ Malta jagħtu lid-Dar tal-Providenza kull meta jkun hemm bżonn.

Residenti tad-Dar tal-Providenza bil-karru tagħhom tar-Re tal-Karnival fil-Pjazza tas-Siġġiewi nhar it-Tnejn

Din is-sena residenti tad-Dar tal-Providenza ħadmu karru bir-Re tal-Karnival li permezz tiegħu se jkunu jistgħu jipparteċipaw f’attività tal-Karnival li ser issir fil-Pjazza tas-Siġġiewi nhar it-Tnejn 12 ta’ Frar 2024 bejn is-2:00pm u s-6:00 pm.  L-attività se tkun tinkludi wkoll il-partiċipazzjoni ta’ ħames skejjel taż-żfin u żfin minn persuni b’diżabilita li jattendu ċ-Ċentru tal-Imtarfa.  Se jkun hemm ukoll logħob għat-tfal organizzzat mill-Grupp tal-Iscouts tas-Siġġiewi filwaqt  li membri tal-Protezzjoni Ċivili u tal-Korp tal-Pulizija se jkunu qed jesebixxu xi vetturi li jużaw fil-ħidma tagħhom.

 

Din l-attività li se tkun qed issir b’risq id-Dar tal-Providenza, qed tkun organizzata mill-Ħbieb tad-Dar tal-Providenza bil-kollaborazzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi.

‘Dejjem pjaċir tiegħi nżur din id-Dar’ – Il-President ta’ Malta, Dott. George Vella

“Dejjem pjaċir tieghi nżur din id‑Dar  u huwa emozzjonali tara l-attenzjoni li tingħata lir-residenti li jgħixu f’din id-Dar.” Dan esprimih il‑President ta’ Malta, Dott. George Vella f’kumment lill-media wara li flimkien mas‑Sinjura Miriam Vella kienet qed jagħmel l‑aħħar żjara uffiċċjali tiegħu fid‑Dar tal‑Providenza qabel it‑tmiem tal‑ħatra tiegħu bħala President. Iż-żjara bdiet b’quddiesa ċċelebrata fil-kappella mid‑Direttur tad‑Dar, Fr Martin Micallef u Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad‑Djakonija.

Il‑President u s‑Sinjura Vella kellhom l-opportunità jitkellmu ma’ bosta mir‑residenti u support workers li kienu miġbura fil‑kappella u wara fis‑sala ewlenija tad‑Dar. Fost oħrajn huma żaru wkoll il‑pixxina terapewtika, iċ‑Ċentru Agrikolu San Isidor, il‑gym u x’xogħol ta’ rinovar li qed f’wieħed mill-flats f’Villa Papa Giovanni.

Fit‑tmiem taż‑żjara, wara pranzu mal‑amministrazzjoni u mar‑rappreżentanza tar‑residenti, il‑President wieġeb għar‑ringrazzjamenti li għamillu Fr Martin billi qal li kien hu jħoss li għandu jirringrazzja kemm lid‑Direttur  kif ukoll l‑impjegati kollha għad‑dedikazzjoni u l‑ħidma tagħhom fid‑djar tad‑Dar tal‑Providenza.

Id-Dar tal-Providenza tospita laqgħa tal-Kabinett

Id-Dar tal-Providenza ospitat laqgħa tal-Kabinett fejn kien diskuss is-settur tal-volontarjat flimkien ma’ rappreżentanti ta’ għaqdiet volontarji.  Aktar qabel, l-Onor. Prim Ministru, Dott. Robert Abela ltaqa’ mar-residenti u ħaddiema tad-Dar.  Hu kien milqugħ mid-Direttur tad-Dar Fr Martin Micallef.

Waqt il-laqgħa tal-Kabinett, Fr Martin esprima l-apprezzament tiegħu f’isem id-Dar li l-Gvern għoġbu jlaqqa’ l-Kabinett biex jiddiskuti s-settur tal-volontarjat propju fid-Dar tal-Providenza.  Huwa qal li dan juri l-apprezzament tal-Gvern għall-ħidma li twettaq il-Knisja f’Malta b’mod speċjali fil-qasam soċjali, bħalma tagħmel fid-Dar tal-Providenza  li toffri servizzi residenzjali tal‑ogħla kwalità lill-persuni b’diżabilità li jkollhom bżonn dan is‑servizz kif ukoll opportunità ta’ volontarjat lil diversi persuni li jixtiequ joffru l‑ħin liberu tagħhom biex jissapportjaw din il‑ħidma. Huwa faħħar il-fatt li pajjiżna huwa mżewwaq b’għadd ta’ inizjattivi li b’xi mod iridu kollha jwettqu l‑ġid f’oqsma diversi, kif ukoll li llum is‑settur tal-volontarjat qed jitqies bħala sieħeb strateġiku fl‑oqsma varji tal‑iżvilupp soċjo-ekonomiku ta’ pajjiżna.

L-MEP David Casa iżur Id-Dar tal-Providenza

Il‑Membru tal‑Parlament Ewropew, l‑Onor. David Casa għamel żjara fid‑Dar tal‑Providenza s‑Siġġiewi fejn kellu l‑opportunità jiltaqa’ mar‑residenti u jara s‑servizzi li toffri d‑Dar.  Mar‑residenti tkellem dwar il‑ħidma tiegħu fi ħdan il‑Parlament Ewropew fejn bħalissa huwa negozjatur dwar liġi li għandha tkompli ttejjeb id‑drittijiet tal‑persuni b’diżabilità ta’ kull pajjiż membru tal‑Unjoni Ewropea.  Huwa rringrazzja wkoll lill‑ħaddiema tad‑Dar għall‑ħidma u d‑dedikazzjoni tagħhom.

Ftehim Kollettiv ġdid għall-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza

Ġie ffirmat Ftehim Kollettiv ġdid bejn id‑Dar tal‑Providenza u l‑General Workers Union (GWU). Il‑ftehim, li jkopri l‑perjodu bejn l‑2024 u l‑2026, jipprovdi għal kundizzjonijiet aħjar tal‑impjiegi tal‑impjegati kollha, kif ukoll struttura ġdida tal‑gradi kollha u opportunitajiet ta’ promozzjonijiet. Il‑ftehim qed joffri żidiet sostanzjali fis‑salarji kif ukoll titjieb f’diversi kundizzjonijiet, jippremja l‑iżvilupp u t‑taħriġ filwaqt li jiżgura miżuri favur il‑familja b’aktar flessibilità fuq il‑post tax‑xogħol. Dan il‑ftehim, fit‑totalità tiegħu, isaħħaħ ir‑relazzjonjiet tal‑impjiegi tad‑Dar għat‑tliet snin li ġejjin.

Għad‑Dar tal‑Providenza, iffirma d‑Direttur, Fr Martin Micallef filwaqt li s‑Sinjura Riccarda Darmanin, Segretarju tat‑Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi ffirmat f’isem il‑General Workers Union.  Iffirmaw ukoll is‑Sinjura Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad‑Dar tal‑Providenza, is‑Sur Paul Micallef, Assistent Segretarju tal‑istess Taqsima tal‑GWU flimkien mas‑Sinjura Karen Agius, is‑Sur Miguel Grech u s‑Sur David Muscat, bħalha Shop Stewards tal‑impjegati.  F’isem l‑Arċidjoċesi ta’ Malta kien hemm id‑Direttur tar‑Riżorsi Umani Dr Rebecca Gatt, u l‑Amministratur is‑Sur Michael Pace Ross.

Wara l‑iffrimar ta’ dan il‑Ftehim, Fr Martin irringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom fin‑negozjati li saru f’atmosfera ta’ rispett reċiproku u b’xewqa li jkomplu jitjiebu l‑kundizzjonijiet u s‑salarji tal‑ħaddiema kollha tad‑Dar tal‑Providenza.  Huwa żied jgħid li r‑rieda li jiżdiedu l‑pagi għall‑ħaddiema, ma jirriflettix biss sens ta’ ġustizzja imma wkoll apprezzament għall‑impenn u d‑dedikazzjoni kbira tal‑ħaddiema tad‑Dar.

Is‑Sinjura Darmanin f’isem it‑Taqsima Professjonisti, Finanzi u Servizzi tal‑GWU uriet is‑sodisfazzjon tagħha għall‑mod kif saru n‑negozjati fejn kien hemm rieda tajba mill‑partijiet konċernati u b’hekk kienu konklużi għas‑sodisfazzjon taż‑żewġ naħat.  Irringrazzjat ukoll lix‑Shop Stewards u lill‑membri għas‑sapport li jagħtu lill‑Union. Dr Rebecca Gatt, f’isem l‑Arċidjoċesi ta’ Malta qalet li wieħed għandu japprezza l‑isforz li sar waqt in‑negozjati biex tiġi rikonoxxuta l‑kompetenza u l‑esperjenza tal‑ħaddiema preżenti filwaqt li jiġi attirat talent ġdid.

Id-Dar tal-Providenza li twaqqfet fl-1965 minn Mons. Mikiel Azzopardi, toffri servizzi residenzjali lil 115-il persuna b’diżabilità.  Hija timpjega 289 persuna.

Festa ta’ Ġenerożità tiġbor €1,520,517 għad-Dar tal-Providenza

Għal darba oħra l‑poplu Malti u Għawdxi reġa’ wera l‑ġenerożità u s‑solidarjetà tiegħu mad‑Dar tal‑Providenza bis‑somma ta’ €1,520,517 għall‑Festa ta’ Ġenerożità. Il‑fondi miġbura se jgħinu lid‑Dar tkompli tipprovdi servizzi residenzjali ta’ kwalità lil 115‑il persuna b’diżabilità li jgħixu fid‑djar tagħha. Il‑fondi se jgħinu wkoll lid‑Dar biex tlesti x‑xogħol kollu ta’ rinovar estensiv u titjib fl‑ambjent li fih jgħixu r‑residenti f’Villa Papa Giovanni fis‑Siġġiewi.  Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar, fl‑għeluq ta’ maratona televiżiva ta’ tnax‑il siegħa. Huwa żied jgħid li jalla li s‑solidarjetà li ntweriet fl‑ewwel tas‑sena mad‑Dar tal‑Providenza tibqa’ tintwera matul is‑sena kollha ma’ dawk fis‑soċjetà Maltija li jeħtieġu l‑appoġġ.

Il‑Festa ta’ Ġenerożità xxandret minn taħt it‑tinda mtellgħa apposta fil‑parkeġġ tad‑Dar fis‑Siġġiewi. Il‑maratona televiżiva bdiet b’quddiesa ċċelebrata minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fil‑kappella tad‑Dar u ntemmet f’nofsillejl. Fil‑bidu tal‑quddiesa li għaliha attendew il‑President ta’ Malta, Dott. George Vella u s‑Sinjura Vella, saret il‑prietka tradizzjonali tal‑Milied minn Kate Prasel Caruana, tifla ta’ għaxar snin.

Reġa’ sar l‑irkant online ta’ diversi xogħlijiet tal‑arti ġentilment mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Id‑dħul mill‑bejgħ ta’ dawn ix‑xogħlijiet laħaq €39,042.

Il‑Ministru għall‑Inklużjoni, il‑Volontarjat u d‑Drittijiet tal‑Konsumatur, l‑Onor. Julia Farrugia Portelli, li kienet qed tirrappreżenta lill‑Prim Ministru Dott. Robert Abela, għamlet għotja ta’ €25,000 mill‑Fond għall‑Kawżi Ġusti.

Bħal kull sena, għadd sabiħ ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex organizzaw ġabriet speċjali waqt il‑quddies tal‑ewwel tas‑sena li mbagħad ingħataw lid‑Dar f’isem il‑komunitajiet parrokkjali.

Fl‑omelija tiegħu, Mons. Arċisqof tkellem dwar il‑ħames barkiet li l‑poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila isemmi fl‑Innu Malti: Id‑dehen, il‑ħniena, is‑saħħa, l‑għaqda u s‑sliem li għandhom jiggwidawna matul din is‑sena. Awgura li s‑sliem u l‑paċi jkunu fil‑qlub tal‑Maltin u l‑Ghawdxin kollha għax min m’għandux paci f’qalbu huwa tassew fqir waqt li dawk li jħaddnu l‑paċi f’qalbhom huma sinjuri kbar. Assistew lill‑Arċisqof fil‑konċelebrazzjoni tal‑quddiesa Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, Dun Josef Mifsud, Arċipriet tas‑Siġġiewi, Fr Martin Micallef, Direttur u Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad‑Dar tal‑Providenza.

Jingħata bidu għall-Festa ta’ Ġenerożità għas-sena l-ġdida

Il-Festa ta’ Ġenerożità fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida ingħatat bidu b’quddiesa ikkonċelebrata minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar tal-Providenza u tintemm f’nofsillejl. Fil-bidu tal-quddiesa, li għaliha attendew il-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, saret il-prietka tradizzjonali tal-Milied minn Kate.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof tkellem dwar il-ħames barkiet li l-poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila isemmi fl-Innu Malti: Id-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem. Awgura li s-sliem u l-paċi jkunu fil-qlub tal-Maltin u l-Ghawdxin kollha għax min m’għandux paci f’qalbu huwa tassew fqir waqt li dawk li jħaddnu l-paċi f’qalbhom huma sinjuri kbar.

Assistew lill-Arċisqof fil-konċelebrazzjoni tal-quddiesa Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Dun Josef Mifsud, Arċipriet tas-Siġġiewi, Fr Martin Micallef, Direttur u Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad-Dar tal-Providenza.

Ritratt: Ian Noel Pace, Arċidjoċesi ta’ Malta