Festa ta’ Ġenerożità 2024 fl-Awstralja b’risq id-Dar tal-Providenza

Nhar il‑Ħadd, 25 ta’ Frar, l‑għaqda Friends of Providence House N.S.W., ir‑rappreżentana uffiċċjali fl‑Awstralja tad‑Dar tal‑Providenza f’Malta tellgħu il‑Festa Annwali ta’ Ġenerożità fiċ‑Ċentru Soċjali ta’ La Vallette ġewwa Blacktown.

L‑MC tas‑serata u t‑teżorier tal‑Għaqda, Ms. Miriam Friggieri tat merħba lil dawk preżenti, li kienu madwar 250 Maltin‑Awstraljani u stednithom biex ikunu ġenerużi bid‑donazjoniet tagħhom.

Il‑Kuncert beda bl‑innijiet Nazzjonali ta’ Malta u l‑Awstralja esegwiti minn Ms. Katelyn Vella, tfajla ta’ nisel Malti.

Is‑Sur Jim Borg, il‑Koordinatur tal‑Għaqda Friends of Providence House NSW, irringrazzja u ntroduċa lill‑isponsors ewlenin tas‑serata, li kienu  ic‑Ċentru Soċjali ta’ La Vallette, Breakaway Travel ta’ Blacktown, kif ukoll lis‑sinjuri Sistu u Maryanne Zammit.  Il‑Konslu Ġenerali ta’ Malta fi NSW, is‑sur Lawrence Buhagiar attenda għal dan l‑avveniment u saħaq dwar l‑importanza li tingħata għajnuna finanzjarja lid‑Dar tal‑Providenza.

Wara ntwera video b’messaġġ mid‑direttur tal‑Dar tal‑Providenza, Fr Martin Micallef li esprima s‑sinifikat u l‑impatt tad‑donazzjoniet li jingħataw biex b’hekk din l‑organizzazzjoni tkun tista’ tkompli tagħti l‑għajnuna meħtieġa lill‑persuni b’diżabilità f’Malta.

Il‑kantanti tas‑serata kienu is‑Sur Joe Apap, is‑Sur Charlie Muscat, is‑Sur Martin Vella, is‑Sinjorina Katelyn Vella u s‑Sinjorina Natasha Tatarinoff li ferrħu u taw gost lil dawk preżenti b’kanzunetti bil‑Malti u bl‑Ingliż. Iż‑żewġ kitarristi żgħażagħ Noah Falzon u Jason li wkoll taw is‑sehem tagħhom f’din l‑okkazjoni. Is‑Sur Ivan Cauchi ħsieb tas‑sound u d‑dwal f’din is‑serata.

Waqt l‑interval, bil‑għan li jinġabru aktar fondi għad‑Dar tal‑Providenza, nbiegħu biljetti għal lotterija bi premjijiet li ngħataw min diversi sponsors. Is‑Sur Jim Borg irringrazzja lill‑kumitat tieghu, magħmul minn Rita O’Dwyer, Segretarja, u Miriam Friggieri, Tezoriera,  u ppreżenta ċertifikati ta’ apprezzament lil mistiednin speċjali, lill‑performers li taw il‑ħin tagħhom għal din l‑okkazjoni kif ukoll lill‑isponsors,  lil dawk li b’xi mod jew ieħor taw l‑għajnuna tagħhom f’dan l‑avveniment, u speċjalment liċ‑Ċentru Soċjali ta’ La Vallette li ġenerożament offrew l‑użu tas‑sala lill‑għaqda u rringrazzja wkoll lill‑istaff tal‑kċina għax‑xogħol tagħhom.

Bis‑saħħa tas‑soldarjetà li wriet il‑komunità Maltija‑Awstraljana f’din is‑serata, il‑Festa ta’ Ġenerożità kienet tassew suċċess. Id‑donazjonijiet kollha li jintgħataw lid‑Dar tal‑Providenza ikomplu jghinu lil din l‑organizzazzjoni biex tkun tista’ tkompli l‑missjoni importanti tagħha ma’ persuni b’diżabilità f’Malta.

Il‑flus kollha li nġabru se jiġu ppreżentati b’cheque lid‑Dar tal‑Providenza fil‑Maratona tal‑Volleyball li ssir f’Malta f’Lulju li gej.

This post is also available in: English