Ikla speċjali u €54,000 mix-Xara Collection b’risq Id-Dar tal-Providenza

€54,000 inġabru waqt serata speċjali ta’ arti, ikel, inbid u mużika fix‑Xara Lodge organizzata mill‑familja Zammit Tabona flimkien mal‑management tax‑Xara Collection nhar l‑Erbgha, l-10 ta’ Lulju 2024. Din l-ikla ta’ gastronomija saret b’risq Id‑Dar tal‑Providenza u kienet taħt il‑patroċinju distint tal‑Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea‑Curmi.

Mill‑2017 ‘l hawn, fis-sena 2021 ma sar xejn minħabba l-COVID-19, inġabret is‑somma totali ta’ €251,380.

F’kumment li għamlet, id‑Direttur tax‑Xara Collection, Nicola Paris irringrazzjat lil Fr Martin, Nadine Camilleri Cassano flimkien mat‑tim kollu tad‑Dar tal‑Providenza għad‑dedikazzjoni sħiħa tagħhom. Hija rringrazzjat ukoll lil dawk il‑kumpaniji li taw rigali għall‑premjijiet u lil dawk li għenu fejn tidħol loġistika u, naturalment, l‑isponsors u t‑tim tax‑Xara Collection, li ivvolontarjaw ħinhom u l-enerġija tagħhom, flimkien ma’ dawk kollha li attendew biex l‑attività segħet tkun suċċess.

Matul is‑serata, l‑mistednin kellhom għażla ta’ ikel delizzjuż u nbejjed mill‑itjeb waqt li għenu fil‑ġbir ta’ fondi għal kawża ġusta bħal din. Għat-tielet sena, kien hemm ukoll wirja tal‑arti sponsorjata minn Wibke Seifert u Seifert Systems b’xogħlijiet tal-arti minn 17-il artist Malti.  Dawk preżenti setgħu japprezzaw dawn ix‑xogħlijiet tal‑arti li mill‑bejgħ tagħhom bejn 25% u 100% marru għad‑Dar tal‑Providenza.  Xogħlijiet li baqgħu ma nbiegħux jinsabu esebiti fix-Xara Palace Relais & Châteaux fl-Imdina u jibqgħu għall-bejgħ għall-ġimgħat li ġejjin.

L‑isponsors ewlenin kienu l‑Mimici Foundation, l‑APS Bank, Seifert Systems, l‑Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, The Point Shopping Mall, EY,  Halmann Vella, KPMG, VJ Salomone, Camilleri Paris Mode, The Concept Stadium, General Soft Drinks, Raico, MUMN, Mavenry u Wearworks. Sponsors oħra kienu jinkludu lil Albert Camilleri (The Creatives) għall-fotografija, il-kwintett ta’ Louise Ellul Bonici, Zaffarese, JoinwellFXB, Charles Grech, Alistair Floral Design, Somm Escape, JUGS, Jimmy Vella, Master Cellar, Kontrada Wines, Stephen Cordina, MacBake, Alf Mizzi & Sons, Farsons, Mvintage Jewellery, il-Lokal, Phoenicia Malta u Iniala Hotel Valletta.

€466,688 miġbura mill-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

It‑tlieta u ħamsin siegħa tal‑BOV Volleyball Marathon intlaħqu f’nofsillejl tal‑Ħadd imma mhux qabel ma nġabret is‑somma ta’ €466,688.

Erbgħin plejer, li ffurmaw ħames timijiet, baqgħu jilagħbu mingħajr waqfien fi sħana qawwija. Uffiċjalment il-Maratona bdiet fis-sitta ta’ filgħaxiija tal-Ġimgha fil-preżenza tal-President ta’ Malta, Dr Myriam Spiteri Debono u baqgħet sejra minn dak il-ħin.

Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, irringrazzja lill‑poplu Malti u Għawdxi, li għal darba oħra wieġeb b’tant ġenerożità għas‑sejħa li saret biex jinġabru l‑fondi għad‑Dar, permezz tal‑Maratona tal‑Volleyball.  Grazzi wkoll lill‑plejers, lill‑volontiera, lill‑membri tal‑kumitat organizzattiv, l‑isponsors kollha, l‑istazzjonijet ewlenin tat‑televixin li xandru din il‑maratona, kantanti u bands,  lill‑pulizija u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex din il‑Maratona tkun suċċess.

Il-Ħadd filgħodu, l-Arċisqof Charles J. Scicluna iċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar assistit minn Fr Martin u emfażizza fuq is-solidarjetà mad-Dar tal-Providenza matul il-BOV Volleyball Marathon għall-ġbir ta’ fondi tant meħtieġa. L-Arċisqof Scicluna rringrazzja lil Alla li d-Dar tal-Providenza dejjem kellha mexxejja tajba li kellhom sens kbir ta’ dak li sejjaħ caring leadership. Huwa ħeġġeġ lill-mexxejja ta’ kull strata tas-soċjetà Maltija kif ukoll il-Knisja biex ikunu mexxejja tajba għall-ġid tal-komunità tagħna.

L-Arċisqof kellu wkoll l-opportunità li jiltaqa’ mal-plejers li kienu qed jieħdu sehem u mal-voluntiera li taw sehemhom f’dawn l-aħħar tlett ijiem, uħud minnhom aktar, biex din il-maratona tkun suċċess.

Minbarra l‑erbgħin plejer li kienu l‑protagonisti ewlenin ta’ din il‑Maratona, kien hemm ukoll madwar mitejn voluntier.  Kull filgħaxija kien hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u xorb u logħob għat‑tfal.

Il‑Maratona xxandret b’mod dirett fuq l‑istazzjonijiet tat‑televixin ewlenin f’pajjiżna waqt li Vibe FM kien l-istazzjon tar-radju uffiċjali.

Ritratt: Bernard Cachia

L-Arċisqof Scicluna jiċċelebra quddiesa fil-kappella tad-Dar tal-Providenza

Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna dalgħodu ċċelebra quddiesa fil‑kappella tad‑Dar tal‑Providenza assistit mid‑Direttur tad‑Dar Fr Martin Micallef. Huwa talab li matul dan il‑jum nagħmlu att ta’ ġenerożità mad‑Dar billi nagħtu d‑donazzjoni tagħna. Tkellem dwar il‑mistrieħ li jitkellem dwaru il‑Vanġelu tal‑lum u qal li tajjeb li kultant nistrieħu ftit mill‑użu tal‑midja soċjali speċjalment meta nkunu flimkien f’xi kamra jew madwar mejda u b’hekk inserrħu l‑mobile u nistrieħu aħna.

l‑Arċisqof Scicluna irringrazzja lil Alla li d‑Dar tal‑Providenza dejjem kienet mogħnija b’mexxejja tajba li kellhom sens kbir ta’ dak li sejjaħ caring leadership. Huwa ħeġġeġ li l‑mexxejja f’kull strata tas‑soċjetà tagħna u fil‑Knisja ikunu wkoll mexxejja tajba għall‑ġid tal‑komunità.

Tibda l-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

Il‑Ġimgħa 19 ta’ Lulju, l‑E.T. Dr Myriam Spiteri Debono, inawgurat uffiċjalment l‑14‑il edizzjoni tal‑BOV Volleyball Marathon b’risq id‑Dar tal‑Providenza.

Erbgħin player, magħżula minn fost sebgħin applikant, bdew l‑isfida ta’ 53 siegħa ta’ logħob tal‑volleyball bla waqfien għal għan nobbli.

Fid‑diskors tiegħu ta’ merħba, Fr Martin Micallef filwaqt li sellem lill‑President ta’ Malta, fl‑ewwel żjara tagħha fid‑Dar tal‑Providenza, qal li l‑impenn tal‑plejers u l‑voluntiera jwassal messaġġ pożittiv għas‑soċjetà Maltija  tas‑sabiħ li tagħti. Kemm hu sabiħ li tara żgħażagħ mimlija b’sens kbir ta’ ġenerożità u altruwiżmu li lesti jimpenjaw ruħhom favur inizjattivi favur il‑bniedem li għandu bżonn xi tip ta’ sapport, solidarjetà jew għajnuna. Huwa fakkar li d‑Dar tal‑Providenza, li din is‑sena tinsab fuq l‑għatba tas‑60 anniversarju tagħha, għandha bżonn ħafna finanzi biex tkompli toffri s‑servizzi residenzjali li toffri lill‑persuni b’diżabilità.  L‑għajnuna li l‑poplu Malti u Għawdxi se jkun qed jagħti permezz ta’ din il‑maratona tkompli timliena bil‑kuraġġ biex inkomplu din il‑ħdima fis‑snin li ġejjin.

Fr Martin tenna li hija x‑xewqa tad‑Dar tal‑Providenza li permezz ta’ attivitajiet bħal dawn inkomplu nwasslu l‑messaġġ li s‑soċjetà dejjem  trid tirrispetta lill‑persuni b’diżabilità, titrattahom bid‑dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l‑għażliet u l‑opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.

F’diskors qasir li għamlet fil‑ftuħ tal‑maratona, il‑President ta’ Malta l‑E.T. Myriam Spiteri Debono semmiet kif “bil‑ftuħ tad‑Dar tal‑Providenza kważi sittin sena ilu, Mons. Mikiel Azzopardi mela l‑vojt kbir li kien hemm dak iż‑żmien fis‑soċjetà tagħna fir‑rigward tal‑kura u sapport għall‑persuni b’diżabilità u l‑familji tagħhom.”

Stqarret li bdiet tinħoloq kuxjenza fost il‑poplu illi dawn il‑persuni għandha tingħatalhom l‑għajnuna kollha meħtieġa sabiex ikollhom opportunità illi jilħqu l‑milja tagħhom. Fuq kollox biex ma jsofrux tbatija li tista’ tiġi evitata.

II‑President Myriam Spiteri Debono fissret kif l‑ispejjeż huma kbar u dejjem jiżdiedu u appellat għall‑ġenerożità tal‑Maltin u l‑Għawdxin.

Preżenti għaċ‑ċerimonja tal‑inawgurazzjoni attendew l‑Onor. Julia Farrugia Portelli, Ministru għall‑Inklużjoni u l‑Volontarjat, l‑Onor. Keith Azzopardi Tanti, Sergretarju Parlamentari għaż‑Żgħażagħ, ir‑Riċerka u l‑Innovazzjoni, l‑Onor. David Agius, Deputy Speaker u Shadow Minister għall‑Isports, l‑Onor. Graziella Galea, kelliema tal‑Oppożizzjoni għall‑Inklużjoni u s‑Settur tal‑Volontarjat, is‑Sur Kenneth Farrugia, is‑CEO tal‑Bank of Valletta, l‑isponsor ewlieni tal‑maratona, u s‑Sindku tas‑Siġġiewi, s‑Sur Julian Borg.

Filgħaxija matul it‑tlett ijiem tal‑maratona se jkun hemm varjetà mużikali minn numru sabiħ ta’ kantanti lokali li se jkunu qed ikantaw fuq il‑palk prinċipali.

Il‑maratona se tkun imxandra fuq l‑istazzjonijiet ewlenin.

Il‑Ġimgħa filgħaxija mid‑9:00pm sa nofsillejl se tkun mistiedna l‑band Zone 5, is‑Sibt il‑band Kantera, filwaqt li l‑Ħadd ikun hemm il‑band ta’ Spiteri Lucas.

Il‑pubbliku jista’ jgħin billi jċempel fuq dawn in‑numri t’hawn taħt, juża l‑BOV Mobile Banking jew il‑PayPal u Revolut jew jagħti donazzjoni online fil‑kontijiet bankarji tad‑Dar. Għal aktar informazzjoni dwar din l‑attività tistgħu żżuru s‑sit: www.sabihlitaghti.org jew iċċemplu fuq wieħed minn numri t’hawn taħt:

€10         5160 2011

€15         5170 2012

€25         5180 2013

€50         5190 2070

€100       5130 2044

Pledge Line: 2146 3686

BOV Mobile  7932 4834

Fr Martin Micallef jinħatar Vigarju Episkopali ġdid għad-Djakonija

L‑Arċisqof Charles Scicluna ħatar lil Fr Martin Micallef bħala l‑Vigarju Episkopali l‑Ġdid għad‑Djakonija filwaqt li se jkompli jassumi l‑kariga ta’ Direttur tad‑Dar tal‑Providenza. F’dan ir‑rwol huwa se jkun qed jassisti lill‑Arċisqof fil‑ħidma ta’ qadi tal‑Knisja favur il‑bniedem fil‑bżonn.

L‑Arċisqof jirringrazzja lil Mons. Charles Cordina għall‑ħidma twila tiegħu bħala Segretarju Pastorali, kif ukoll għad‑disa’ snin ta’ servizz bħala Vigarju Episkopali għad‑Djakonija, b’servizz mal‑persuni l‑aktar fil‑bżonn fis‑soċjetà.

Fr Martin twieled fl‑10 ta’ Novembru 1967. Huwa rċieva l‑formazzjoni saċerdotali fis‑Seminarju tal‑Arċisqof tal‑Virtù kif ukoll fil‑Fakultà tat‑Teoloġija fl‑Università ta’ Malta, fejn iggradwa fil‑Liċenzjat fit‑Teoloġija Pastorali. Huwa ġie ordnat saċerdot fil‑5 ta’ Lulju 1996. Serva bħala viċi kappillan fil‑parroċċa Tal‑Ibraġ (1996‑2000); kappillan tal‑parroċċa ta’ Ħal Għaxaq (2000‑2005); u kappillan tal‑parroċċa ta’ Wied il‑Għajn (2005‑2008). Fl‑2008 Fr Martin inħatar bħala d‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza.

Huwa wkoll membru fil‑kunsill tal‑Kummissjoni għad‑Drittijiet tal‑Persuni b’Diżabilità (CRPD) fejn jirrappreżenta s‑settur tas‑servizzi residenzjali għall‑persuni b’diżabilità.

Il‑Papa Franġisku jenfasizza li ma nistgħux indawru “ħarsitna mill‑ebda fqir” għaliex li tilħaq u taħdem mal‑foqra u ma’ dawk fil‑periferija huwa aspett ewlieni għan‑Nisrani u għall‑fidi Nisranija. Hu jħeġġeġ għas‑solidarjetà, ir‑rispett għad‑dinjità tal‑bniedem, u azzjonijiet konkreti biex jiġu indirizzati l‑faqar u l‑inġustizzja soċjali.

Fil‑missjoni tagħha li tkun Knisja li taqdi, il‑Knisja lokali trid tkompli twieġeb ukoll għal realtijiet ġodda ta’ faqar f’pajjiżna billi tkun ispirata mill-valuri tal-Evanġelu, tkun ta’ għajnuna, appoġġ u vuċi għal min m’għandux vuċi.

Ritratt: Ian Noel Pace

Reġgħet waslet il-Maratona tal-Volleyball tal-BOV b’risq Id-Dar tal-Providenza!

L‑edizzjoni ta’ din is‑sena tal‑Maratona tal‑Volleyball tal‑BOV b’risq id‑Dar  tal‑Providenza, ġiet inawgurata uffiċjalment nhar l‑Erbgħa wara nofsinhar minn Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar, u Charles Azzopardi, kap tas‑CSR tal‑Bank of Valletta. Dan sar waqt konferenza tal‑aħbarijiet li saret fl‑Iskola Sekondarja ta’ Pembroke fi ħdan il‑Kulleġġ Santa Klara, fejn qed isir it‑taħriġ u l‑preparamenti tal‑players li se jieħdu sehem fil‑maratona. Kull sena din il‑Maratona tal‑Volleyball issir biex jinġabru l‑fondi meħtieġa għad‑Dar.

Id‑Dar tal‑Providenza twaqqfet fl‑1965, biex toffri servizzi residenzjali għal persuni b’diżabilità. Illum id‑Dar tilqa’ 115‑il persuna fir‑residenzi li għandha fis‑Siġġiewi, I‑Qawra, ż‑Żurrieq u Birkirkara. Aktar minn 7 miljun ewro huma meħtieġa kull sena għall‑operat tagħha. Sa mill‑bidu tagħha, id‑Dar serħet fuq il‑ġenerożità tal‑komunità u għalhekk il‑Maratona tal‑Volleyball hija xi ħaġa aktar minn attività sportiva.

Fil‑bidu ta’ Ġunju, madwar 70 atleta bdew sessjonijiet ta’ taħriġ. Dawn jinkludu atleti mill‑14‑il sena ’l fuq, uħud minnhom għall‑ewwel darba, flimkien ma’ oħrajn li ħadu sehem f’għexieren ta’ maratoni matul is‑snin! Tim ta’ coaches jassessjaw kull plejer b’sistema ta’ punti. Provi ta’ 12 u 24 siegħa huma parti mill‑pjan ta’ taħriġ flimkien ma’ sessjonijiet ta’ taħriġ  li jsiru taħt xemx tiżreġ.

Il‑prestazzjoni tal‑atleti matul il‑programm ta’ taħriġ tiddetermina min minnhom jagħmel parti mill‑grupp finali ta’ 40, li eventwalment jieħdu sehem fil‑maratona ta’ 53 siegħa volleyball. Ma’ dawn l‑atleti jingħaqdu aktar minn 100 volontier li huma importanti għall-andament tal‑maratona.

L‑edizzjoni ta’ din is‑sena se ssir fid‑Dar tal‑Providenza bejn il‑Ġimgħa 19 u l‑Ħadd 21 ta’ Lulju. Il‑pubbliku huwa mistieden jattendi bi ħġaru biex jappoġġja l‑plejers, jieħu gost bil‑varjetà li jkun hemm imma aktar importanti huwa mħeġġeġ jagħmel id‑donazzjoni tiegħu biex il‑maratona ta’ din is‑sena tkun success!

L‑attività se tingħata bidu mill‑Eċċellenza Tagħha l‑President ta’ Malta, Myriam Spiteri Debono nhar il‑Ġimgħa 19 ta’ Lulju fis‑6.30pm fil‑parkeġġ tad‑Dar tal‑Providenza fis‑Siġġiewi.

Waqt il‑konferenza tal‑aħbarijiet, Fr Martin qal li “Il‑Maratona tal‑Volleyball hija waħda mill‑attivitajiet ewlenin għall‑ġbir ta’ fondi b’appoġġ għall‑missjoni tad‑Dar li tipprovdi u ttejjeb varjetà ta’ servizzi essenzjali. Din l‑attività tippromwovi wkoll il‑volontarjat u tisħaq l‑importanza ta’ dan fis‑soċjetà Maltija. Barra minn hekk, il‑maratona tinkoraġġixxi s‑sehem fl‑isports u trawwem stil ta’ ħajja aktar b’saħħtu. Fl‑aħħarnett, id‑Dar tal‑Providenza tħeġġeġ is‑soċjetà biex tirrispetta dejjem il‑persuni b’diżabilità, tittrattahom bid‑dinjità li tixirqilhom u toffrilhom l‑istess għażliet u opportunitajiet li qegħdin hemm għal kulħadd.”

Minn‑naħa tiegħu s‑Sur Charles Azzopardi qal li “Il‑ħidma tagħna mad‑Dar tal‑Providenza tmur lura s‑snin u din is‑sena, bħala parti mill‑50 anniversarju tal‑Bank aħna kburin li rridu nkomplu nibnu fuq din ir‑relazzjoni. Id‑Dar tal‑Providenza tipprovdi servizz vitali għall‑komunità tagħna u bħala BOV irridu nkomplu nespandu l‑ħidma tagħna biex naraw li ċ‑ċittadini kollha tagħna jiksbu kwalità ta’ ħajja aħjar.”

Il‑Maratona ta’ 53 siegħa Volleyball b’risq id‑Dar tal‑Providenza hija appoġġjata mill‑Bank of Valletta bħala l‑isponsor ewlieni flimkien ma’ Pif Paf, PwC, CareMalta, Eurosport, Viba u PaviPama.

Dawk li jixtiequ jappoġġjaw din l‑attività jistgħu jibagħt

u donazzjoni fuq www.sabihlitaghti.org jew iċemplu fuq wieħed minn dawn in-numri:

€10 – 5160 2011

€15 – 5170 2012

€25 – 5180 2013

€50 – 5190 2070

€100 – 5130 2044

Ritratt: danielstudiomalta.com

70 plejer jibdew it-taħriġ għall-Maratona tal-Volleyball 2024 b’risq Id-Dar tal-Providenza

70 plejer bdew sessjonijiet ta’ taħriġ għall‑isfida tal‑Maratona tal‑Volleyball b’risq id‑Dar tal‑Providenza li din is‑sena ser issir bejn il‑Ġimgħa, 19 ta’ Lulju u l‑Ħadd, 21 ta’ Lulju 2024. Ma’ dawn il‑plejers hemm ukoll 12‑il kowċ li qegħdin jassistuhom.

Dan it-taħriġ li se jdum sejjer għal seba’ ġimgħat sħaħ, qed isir fil‑grawnd tal‑Iskola Sekondarja ta’ Pembroke fi ħdan il‑Kulleġġ Santa Klara.  It‑taħriġ imbagħad, jasal fi tmiemu meta bejn is‑Sibt 29 u l‑Ħadd 30 ta’ Ġunju ssir prova ta’ 24 siegħa ta’ logħob kontinwu.  Wara jkunu jridu jintgħażlu, skont kriterji stabbiliti, l‑40 player li se jipparteċipaw fl‑edizzjoni tal‑Maratona tal‑Volleyball ta’ din is‑sena li mbagħad jinqasmu f’ħames timijiet. Bħas‑snin l‑imgħoddija l‑Maratona se tinżamm fil‑parkeġġ tad‑Dar tal‑Providenza fis-Siġġiewi. Il-Bank of Valletta se jkun l-isponsor ewlieni ta’ din l-attività.

Min jixtieq jagħti donazzjoni jista’ jidħol fis‑sit elettroniku: www.sabihlitaghti.org

Benefatturi tal-grotta tal-Madonna ta’ Lourdes fil-Marsa b’donazzjoni lid-Dar tal-Providenza

Is‑Sur Joseph Vella, li jieħu ħsieb il‑grotta tal‑Madonna ta’ Lourdes fi Triq Diċembru Tlettax fil‑Marsa flimkien ma’ ibnu Mario u għadd ta’ volontiera, ippreżenta għotja ta’ €1,295 lil Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza. Il‑preżentazzjoni saret fi tmiem quddiesa ċċelebrata fil‑knisja parrokkjali tat‑Trinità Qaddisa fil‑Marsa nhar l-Erbgħa, 8 ta’ Mejju 2024.

Din is‑somma nġabret matul is‑sena minn għotjiet li ngħataw fil‑grotta minn devoti tal‑Madonna ta’ Lourdes.

Dan huwa avveniment ta’ kull sena li beda fl‑1981 meta Mons. Mikiel Azzopardi, fundatur tad‑Dar tal‑Providenza, qaddes l‑ewwel quddiesa f’din il‑grotta fis‑sena li kienet iddedikata għall‑persuni b’diżabilità.

“Qalb Dun Mikiel Azzopardi kienet akbar minn ġismu.”

Mons. Frans Abdilla, l‑Assistent Ekleżjastiku tal‑Azzjoni Kattolika Maltija ċċelebra quddiesa fil‑kappella tad‑Dar tal‑Providenza fl‑okkażjoni tat‑37 anninversarju mill‑mewt ta’ Dun Mikiel Azzopardi, il‑fundatur tad‑Dar.  F’din il‑quddiesa ikkonċelebra wkoll Fr Martin Micallef, id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza. Fost il‑mistednin  għal din il‑quddiesa, barra r‑residenti u l‑ħaddiema, kien hemm il‑President Ġenerali tal‑Azzjoni Kattolika Maltija, Marija Cachia, kif ukoll membri tad‑Direttorju Ġenerali u membri oħra.

Fl‑omelija tiegħu, Mons. Abdilla ddeskriva qalb Dun Mikiel Azzopardi bħala akbar minn ġismu.  Huwa fakkar kif Dun Mikiel l‑ewwel beda jaqsam qalbu mal‑Maltin kollha.  Huwa qal li meta kien għadu tifel kien jisimgħu fuq ir‑Redifussion fil‑klassi kull nhar ta’ Ġimgħa jispjega l‑Vanġelu tal‑Ħadd. Jiftakar ukoll lin‑nanna tisma’ l‑programm regulari tiegħu kull nhar ta’ Ħadd, bl‑isem, Is‑Siegħa tal‑Morda. Kien hemm imbagħad il‑ħolma tad‑Dar tal‑Providenza u dak li mexxa din il‑ħolma tiegħu kienet qalbu li kienet akbar minn ġismu, għax qalbu kienet mimlija bl‑imħabba.  Mons. Abdilla qal li l‑frott tal‑imħabba tiegħu għadna ngawduh sal‑lum f’din l‑opra qaddisa.

Wara l‑quddiesa Mons. Abdilla bierek il‑qabar ta’ Dun Mikiel li jinsab fil‑bitħa ta’ Villa Papa Giovanni.

Dun Mikiel Azzopardi li għal bosta snin kien Assistent Ekleżjastiku tal‑Azzjoni Kattolika Maltija, waqqaf Id‑Dar tal‑Providenza fl‑1965 biex toffri residenza lil persuni b’diżabilità li għal xi raġuni kellhom bżonn dan is‑servizzz.  Huwa miet fid‑Dar tal‑Providenza stess nhar it‑13 ta’ Mejju 1987.

 

l-Isqof Awżiljarju jżur wieħed mill-flats rinovati tad-Dar tal-Providenza

L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi kien mistieden iżur wieħed mill‑flats f’Villa Papa Giovanni, fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi, fejn sar xogħol kbir ta’ rinovar biex ir‑residenti jkollhom ambjent aktar dinjituż fejn jgħixu. Huwa kellu wkoll l‑opportunità jqaddes quddiesa lir‑residenti u l‑ħaddiema tad‑Dar.

Fost ix‑xogħlijiet li saru kien hemm xogħol strutturali biex kull resident ikollu kamra tal‑banju ma’ kamartu, tibdil fis‑sistema kollha tad‑dawl u xogħol li jħares is‑saħħa u s‑sigurtà tar‑residenti.

Fl‑omelija tiegħu, l‑Isqof Galea-Curni qal: “Id‑Dar tal‑Providenza hija d‑dawl tal‑Knisja f’Malta għaliex tassew qed tgħix il‑kliem ta’ Ġesù, ‘Intom id‑dawl tad‑dinja’. Id‑Dar hija wkoll dawl għas‑soċjetà Maltija għax turi li l‑ħajja ta’ kull persuna għandha valur kbir quddiem Alla”.

Fr Martin Micallef, id‑Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, qal li x‑xogħol li sar juri l‑impenn tad‑Dar biex tkompli ttejjeb il‑kwalità tas‑servizzi tagħha b’ambjent xieraq li jirrispetta wkoll il‑privatezza u l‑għażliet tar‑residenti.  Hekk kif jitlesta x-xogħol f’dan il-flat, se jiġi rinnovat flat  ieħor u hu ppjanat li jitlesta sa tmiem din is‑sena.

Fr Martin irringrazzja lill‑ħaddiema kollha li ħadmu fuq dan il‑proġett, lill‑Perit John Papagiorcopolo u lill‑Inġinier Joseph Cuschieri tas‑servizzi professjonali tagħhom, lil diversi kumpaniji li għenu fil‑proġett u mhux l‑inqas lill‑poplu Malti u Għawdxi għall‑appoġġ kontinwu tiegħu.