Jingħata bidu għall-Festa ta’ Ġenerożità għas-sena l-ġdida

Il-Festa ta’ Ġenerożità fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida ingħatat bidu b’quddiesa ikkonċelebrata minn Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar tal-Providenza u tintemm f’nofsillejl. Fil-bidu tal-quddiesa, li għaliha attendew il-President ta’ Malta, Dott. George Vella u s-Sinjura Vella, saret il-prietka tradizzjonali tal-Milied minn Kate.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof tkellem dwar il-ħames barkiet li l-poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila isemmi fl-Innu Malti: Id-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem. Awgura li s-sliem u l-paċi jkunu fil-qlub tal-Maltin u l-Ghawdxin kollha għax min m’għandux paci f’qalbu huwa tassew fqir waqt li dawk li jħaddnu l-paċi f’qalbhom huma sinjuri kbar.

Assistew lill-Arċisqof fil-konċelebrazzjoni tal-quddiesa Mons. Charles Cordina, Vigarju Episkopali għad-Djakonija, Dun Josef Mifsud, Arċipriet tas-Siġġiewi, Fr Martin Micallef, Direttur u Fr Trevor Fairclough, Direttur Spiritwali tad-Dar tal-Providenza.

Ritratt: Ian Noel Pace, Arċidjoċesi ta’ Malta