Wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fil-Parlament ta’ Malta b’risq id-Dar tal-Providenza

Fil‑Parlament ta’ Malta infetħet wirja għall‑pubbliku ta’  xogħlijiet tal‑arti ġentilment mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Dawn ix‑xogħlijiet se jiġu rkantati online b’risq id‑Dar tal‑Providenza fl‑1 ta’ Jannar li ġej bħala parti mill‑Festa ta’ Ġenerożità li tkun qed issir fil‑parkeġġ tad‑Dar fis‑Siġġiewi fejn kulħadd huwa mistieden li jattendi.

Din il‑wirja li qed issir fl-intrata tal-Parlament bl-appoġġ tal-iSpeaker, Dr Anġlu Farrugia, se tibqa’ sejra sat‑30 ta’ Novembru u hija miftuħa għall‑pubbliku bejn id‑9:00am u l‑5:00pm mit‑Tnejn sal‑Ġimgħa u bejn id‑9.00am u n‑nofsiegħa s‑Sibt u l‑Ħadd. Wieħed ikun jista’ jidħol jara din l‑esibizzjoni billi jippreżenta l‑Karta tal‑Identità. Il‑katalgu tax‑xogħlijiet kollha flimkien ma’ informazzjoni dwar l‑irkant jista’ jinstab online fuq www.dtpauction.com jew www.belgraviaauctions.com.

This post is also available in: English