Aktar minn $9,000AUD miġbura waqt kunċert b’risq Id-Dar tal-Providenza

Aktar minn $9,000AUD inġabru waqt kunċert b’risq Id-Dar tal-Providenza organizzat mill-Friends of Providence House NSW. Il-verżjoni Awstraljana tal-Festa ta’ Ġenerożità, li tgħaqqad il-ġbir ta’ flus mad-divertiment, sar fis-sala tal-La Valletta Social Centre fi Blacktown nhar il-Ħadd, 24 ta’ Frar 2019. Is-somma finali tiġi ppreżentata lil Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, fil-bidu tal-Maratona tal-Volleyball li din is-sena se ssir fil-5, 6 u 7 ta’ Lulju.

Mistiedna tal-unur kienu Lawrence Buhagiar, Konslu Ġenerali ta’ Malta fi NSW, Godfrey Sultana, Viċi-President tal-La Valletta Social Centre u l-isponsor ewlieni, George Vella ta’ Breakaway Travel, Blacktown.

Dan kien it-tielet kunċert għal ġbir ta’ flus b’risq id-Dar tas-Siġġiewi u l-kumitat tal-La Valletta Centre u l-volontiera għandhom jingħataw kliem ta’ tifħir għas-sehem li taw inkluż l-użu tas-sala li kienet imżejna sew. Grazzi oħra tmur għal dawk lil taw sehemhom fid-divertiment inkluż il-popolari MCA Choir għall-professjonaliżmu tagħhom u talli offrew is-servizzi tagħhom mingħajr ħlas. Ipprovdew fuq erba’ siegħat sħaħ ta’ divertiment lil dawk li mlew is-sala.

Il-Friends of Providence House NSW jixtiequ juru wkoll l-apprezzament tagħhom għal dawk kollha li attendew kif ukoll lill-isponsors Breakaway Travel, Minchinberry Fruit Market, Zammit Ham & Bacon Curers u Limestone Café ta’ Schofields. Grazzi wkoll lil The Voice of the Maltese E-Newsletter u l-istazzjonijiet tar-radju tal-komunità 2GLF u WOW FM għall-appoġġ kontinwu tagħhom.

(Rapport ta’ Marisa Previtera)