Aktar minn €3,000 miġbura waqt Bike Ride b’risq id-Dar tal-Providenza

€3,501.57 inġabru waqt Bike Ride b’risq id-Dar tal-Providenza li saret nhar it-Tlieta 19 ta’ Marzu 2019, fuq inizjattiva tal-Onor. Rosianne Cutajar u t-tim tagħha bl-appoġġ tal-Onor. Ryan Callus.

Iż-żewg Membri Parlamentari, kif ukoll madwar tlett mitt biker inġabru kmieni filgħodu f’Wied is-Sewda f’Ħal Qormi biex f’temp mill-isbaħ jerħulha għal dawra madwar Malta. Id-dawra ntemmet fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fejn il-bikers ingħataw merħba sabiħa mir-residenti u l-ħaddiema tad-Dar.  L-attività kompliet bi stunt show bil-muturi fejn intrebħu wkoll għadd ta’ rigali.

 

L-Onor. Rosianne Cutajar qalet li din l-attività hi xhieda ta’ kif meta jkun hemm l-għaqda s-suċċess ikun ferm ikbar.  Hija qalet li sodisfatta bl-attendenza numeruża tal-ewwel edizzjoni tal- Providenza Bike Ride u saħqet li tixtieq li din l-attività tkun appuntament annwali fil-kalendarju Malti.

L-Onor. Ryan Callus qal li aċċetta li jkun parti minn din l-attività biex kif qal hu “inwarrbu d-differenzi ta’ bejnietna bil-għan li naħdmu għall-ġid tal-komunità”.

L-istess sentiment ġie espress minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, li apprezza l-isforz u l-impenn biex setgħat tittella’ din l-attività.