FESTA OĦRA TA’ ĠENEROŻITA’ MAD-DAR TAL-PROVIDENZA FL-EWWEL TA’ JANNAR

Ingħataw dettalji tat-tlieta w għoxrin edizzjoni tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata mid-Dar tal-Providenza biex jinġabru fondi ħalli d-Dar tas-Siġġiewi tkun tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħa. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodu (It-Tlieta, 11 ta’ Diċembru).
Fr Martin semma’ erba’ għanijiet għall-Festa ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza: Li l-pubbliku jkun jista’ jiltaqa’ mar-residenti tad-Dar; li jara b’għajnejh xi proġetti u inizzjattivi importanti li saru jew qed isiru fid-Dar; li jinġabru fondi biex is-servizz siewi li tagħti d-Dar tal-Providenza jkun jista’ jibqa’ għaddej u jitjiebu u fl-aħħarnett, iżda mhux linqas, hu li jitwassal il-messaġġ li d-Dar tal-Providenza dejjem trid twassal: Is-soċjetà dejjem trid tirrispetta lill-persuni b’diżabilità, titrattahom bid-dinjità li jixirqilhom u toffrilhom l-għażliet u l-opportunitajiet li kulħadd għandu dritt li jgawdi.
Il-Festa ta’ Ġenerożità tibda fid-9.00am b’quddiesa minn Mons Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar. Matul il-jum kollu fuq il-palk ta’ taħt it-tinda, ikun hemm spettaklu ta’ varjetà u intervisti ma’ għadd ta’ personalitajiet li jżuru d-Dar li jibqa’ sejjer sa nofsillejl.
Din is-sena se jerġa jsir irkant ta’ xogħolijiet tal-arti, ġentilment mogħtija minn artist, kemm Maltin kif ukoll barranin imma se jieħu bixra oħra billi l-irkant se jsir fil-foyer tal-Parlament fil-Belt Valletta nhar il-Ħamis, 20 ta’ Diċembru fis-7.00pm. Il-pubbliku jista’ jara minn qabel dawn ix-xogħolijiet tal-arti fil-wirja li se tkun fl-istess foyer tal-Parlament kif ukoll billi jidħol fuq ill-website www.dtpauction.com.
Din il-wirja se tinfetaħ uffiċċjalment mill-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti, l-Onor. Dr Anġlu Farrugia nhar il-Ġimgħa 14 ta’ Diċembru fil-5.00pm u tagħlaq bl-irkant fl-20 tax-xahar. Il-wirja tkun miftuħa kuljum mid-9.00am sat-8.00pm. Xogħlijiet tal-arti li ma jiġux irkantanti jkunu għall-bejgħ waqt il-Festa ta’ Ġenerożità fl-1 ta’ Jannar, 2019 fis-Siġġiewi.

Is-CD Compilation, “Ħelu Bambin4”, jista’ jinkiseb fuq donazzjoni ta’ €10 b’risq id-Dar tal-Providenza, bi produzzjoni u kliem ta’ Fr George Ocar Buttigieg OFMConv. Għadd ta’ kantanti stabbiliti Maltin taw sehemhom f’din is-CD li tista’ tiġi akkwistata għal donazzjoni ta’ €10 b’risq Id-Dar tal-Providenza mill-ħwienet reliġjużi ewlenin. Saru arranġamenti ma’ TVM biex dan il-kunċert, li ġie rrekordjat fl-istudios ta’ Where’s Everybody, jixxandar fuq TVM2 nhar il-Milied fl-10.00am b’ripetizzjoni lejlet l-ewwel tas-sena fid-8.45pm.
Ghal benefiċċju ta’ dawk li dakinhar se jżuru d-Dar tal-Providenza se jkun hemm servizz ta’ park-and-ride bejn it-3.00pm u 9.00pm mit-triq ta’ San Niklaw (ir-runway l-antik). Għal dawk li ma jistgħux jaslu sas-Siġġiewi jistgħu isegwu l-Kampanja, li taghlaq wara nofsillejl, li se tkun imxandra live fuq l-istazzjonijiet televiżivi ewlenin. Donazzjonijiet jistghu jsiru fl-istess Dar tal-Providenza jew permezz tat-telefon.

Donazzjonijiet jistghu jsiru bit-telefon:
Donazzjoni €10 – 516 02 012
Donazzjoni €15 – 517 02 013
Donazzjoni €25 – 518 02 014
SMS Donazzjoni €7 – 506 18 922