Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza fl-Ewwel ta’ Jannar 2026

Għal darb’oħra, il‑Festa ta’ Ġenerożità b’risq id‑Dar tal‑Providenza se terġa’ tiġi organizzata nhar l‑1 ta’ Jannar, taħt it‑tinda l‑kbira fil‑parkeġġ tad‑Dar, fis‑Siġġiewi. Dan  tħabbar  mid‑Direttur tad‑Dar, Mons. Martin Micallef, waqt konferenza għall‑media li saret nhar l‑Erbgħa 10 ta’ Diċembru 2025.

Bħalma sar waqt edizzjonijiet riċenti, il‑Festa ta’ Ġenerożità se tkun trasmessa fuq l‑istazzjonijiet ewlenin tat‑televixin bejn l‑10:00am u nofsillejl. Fid‑9:30am, TVM2 ixandar il‑quddiesa mill‑kappella tad‑Dar li se titmexxa mill‑E.T. Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna.

Mons. Micallef qal li s‑sena 2025 kienet sena speċjali għad‑Dar tal‑Providenza għax fakkarna s‑60 sena mit‑twaqqqif tagħha. Id‑Dar fakkret dan l‑avveniment billi investiet f’xiri ta’ żewġ flats fis‑Siġġiewi li se jkunu qed jospitaw tliet residenti kull wieħed li bħalissa qed jgħixu fid‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi. Id‑Dar qed tirranġa wkoll appartament fil‑Ħamrun fejn se tkun qed tgħix persuna b’diżabilita weħidha bis‑sapport meħtieġ.  Din il‑ħidma hija parti mill‑istrateġija tad‑Dar għas‑snin li ġejjin li tpoġġi d‑deistituzzjonalizzazzjoni fiċ‑ċentru tagħha fid‑dawl tal‑prinċipji tal‑Konvenzjoni tan‑Nazzjonijiet Uniti għad‑Drittijiet tal‑Persuni b’diżabilità billi toffri aktar servizzi residenzjali fil‑komunità u atternattivi oħra ta’ sapport skont ix‑xewqat tal‑persuna.

Barra minn dan din is‑sena tlesta wkoll proġett ta’ rinovar ta’ flat f’Villa Papa Giovanni fis‑Siġġiewi fejn qed noffru ambjent aktar dinjituża lil‑persuni li jgħixu fih. Id‑Dar kompliet tinvesti fir‑riżorsa umana anke b’impjieg ta’ professjonisti, taħriġ kontinwu lill‑impjegati, xiri ta’ apparat ġdid, manutenzjoni, u proġetti oħra biex tkompli ttejjeb is‑servizzi tagħha.

Fr Martin Micallef qal li tul dawn is‑snin id‑Dar setgħet toffri dawn is‑servizzi residenzjali grazzi għall‑appoġġ kontinwu tal‑poplu Malti u Għawdxi.

Il‑Festa ta’ Ġenerożità tal‑1 ta’ Jannar, hija appuntament annwali, fejn id‑Dar tista’ ddur lejn il‑poplu Malti u Għawdxi biex jgħinha finanzarjament biex tkun tista’ tkompli din il‑ħidma. Fil‑fatt, id‑Dar għandha bżonn madwar 7 miljun ewro kull sena biex topera.

Ms Nadine Camilleri Cassano, l‑Amministratur tad‑Dar tal‑Providenza tkellmet dwar id‑diversi attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi li se jsiru matul ix‑xahar ta’ Diċembru li jwasslu għall‑ewwel tas‑sena u kif il‑poplu jista’ jgħin fosthom l‑irkant tal‑arti li se jkunu għall‑wiri fil‑bini tal‑Parlament bejn il‑15 u s‑26 ta’ Diċembru, kif ukoll fis‑sala tad‑Dar tal‑Providenza fl‑1 ta’ Jannar 2026 meta se jkunu irkanati online.

Hija spjegat kif id‑donazzjonijiet għall‑maratona Festa ta’ Ġenerożità jistgħu jsiru mill‑lum stess sal‑ewwel tas‑sena b’wieħed minn dawn il‑mezzi.  Fil‑fatt, dawn id‑donazzjonijiet se jkunu inklużi fis‑somma totali li titħabbar fi tmiem il‑maratona fl‑1 ta’ Jannar 2026.

€15         51702013

€25         51802014

€50         51902085

€100      51302022

SMS €7   50618922

Wieħed jista’ wkoll jagħmel donazzjoni b’mod faċli fuq Paypal u kontijiet tad‑Dar tal‑Providenza mal‑banek ewlenin: APS Bank, BOV, HSBC, Lombard Bank, BNF Bank.

Donazzjonijiet via BOV Mobile u myAPS Payment to Mobile (P2M) jistgħu isiru fuq 7932 4834.

Aktar minn hekk, individwi jistgħu wkoll jibagħtu d‑donazzjoni tagħhom ta’ iżjed minn €20 permezz ta’ ċekk lid‑Dar tal‑Providenza, Triq Id‑Dar tal‑Providenza, is‑Siġġiewi  SGW2822. Għandu jiġi nnutat li skont direttiva mill‑Bank Ċentrali ta’ Malta ċekkijiet ta’ €20 u inqas ma jistgħux jissarfu mill‑banek Maltin.

Donazzjonijiet oħra jintlaqgħu fl‑uffiċċju tad‑Dar tal‑Providenza, fi Triq San Pawl il‑Belt (wara s‑Suq l‑Antik), mit‑Tlieta sas‑Sibt filgħodu bejn id‑9:00am u 12:00pm, mill‑Paola Catholic Bookshop, kif ukoll mill‑Pjazza tar‑Rabat Malta minn nhar il‑Ħadd 14 ta’ Diċembru sal‑1 ta’ Jannar 2026.