“Fid-Dar tal-Providenza nara miraklu ħaj jiġġedded kuljum”. – Il-President ta’ Malta, Dr George Vella fl-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tas-Siġġiewi

Il-President ta’ Malta, Dr George Vella, akkumpanjat mis-Sinjura Vella, għamel l-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar tal-Providenza u f’diskors lir-residenti u ħaddiema qal li fid-Dar tal-Providenza jara miraklu ħaj li jiġġedded kuljum. Huwa żied jgħid li spiċċa ż-żmien meta persuna b’diżabilità kienet tigi mwarrba jew ma tingħatax l-attenzjoni li ħaqqha. Din hija xi ħaġa li tirrifletti l-iżvilupp tas-soċjetà tagħna fejn il-persuni b’diżabilità jieħdu dak li hu tagħhom bi dritt u mhux b’karità. Il-President qal li din hija xi ħaġa li verament tgħolli d-dinjit tal-bniedem għax kull bniedem, anke jekk għandu xi nuqqasijiet, huwa xbieha ta’ Alla u jistħoqqlu r-rispett kollu ta’ kulħadd. Dr Vella temm billi rringrazzja lill-ħaddiema u l-voluntiera kollha għad-dover u x-xogħol li qed jagħmlu f’isem is-soċjetà.

F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, feraħ lil Dr Vella għall-ħatra tiegħu fl-għola kariga tal-pajjiż u qallu li l-preżenza tiegħu u tas-Sinjura tiegħu fid-Dar mhux biss hija ta’ unur għall-Amministrazzjoni, residenti u ħaddiema imma hija wkoll turija li bħall-predeċessuri tiegħu għandu għal qalbu il-ħidma li ssir fid-Dar.

Fr Martin żied jgħid li d-Dar tal-Providenza hi u tibqa’ mpenjata li toffri s-servizzi tagħha lill-persuni b’diżabilità filwaqt li tkun ta’ ispirazzjoni għas-soċjetà Maltija tal-valuri li jiddistingwuna bħala poplu, dak tas-solidarjetà u r-rispett lejn kull persuna mill-konċepiment sal-mewt.

Il-President u s-Sinjura Vella żaru il-kappella u l-mużew iddedikat lil Mons. Mikiel Azzopardi u wara raw il-ħidma li ssir fil-Pixxina Terapewtika, fiċ-Ċentru Agrikolu, fil-kmamar Multisensorjali u l-Music Room. Ħadu wkoll l-opportunità li jiltaqgħu ma’ għadd ta’ ħaddiema.

Waqt ikla li saret f’ġieħ il-President, Fr Martin ippreżenta lil Dr Vella bi plattin li fuqu hemm messaġġ iffirmat minn Mons. Mikiel Azzopardi.