Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ Sr. Annunziata Cortis

Id-Dar tal-Providenza ssellem il-memorja ta’ Sr Annunziata Cortis soru tal-Karità ta’ Santa Giovanna Antida Thouret li ngħaqdet mal-Mulej fis-sema fl-età venerabbli ta’ 105 sena. Sr Annunziata ħadmet fid-Dar tal-Providenza bejn l-1970 u l-1972 kif ukoll fl-1982. F’dan iż-żmien hija kienet ukoll is-superjura tal-Komunità tas-sorijiet residenti fid-Dar tal-Providenza.

Bijografija

Sr Annunziata twieldet fl-1913 fir-Rabat ta’ Malta. Fil-magħmudija tawha l-isem ta’ ‘Pawla’. Kienu żminijiet diffiċli għall-Ewropa kollha għaliex kienet qed tberraq l-ewwel gwerra dinjija (1914-1918). Minbarra minn hekk Malta kienet kolonja Ingliża u ma setgħux ma jħossux l-effetti tal-gwerra.

Il-ġenituri ta’ Sr Annunzjata għarfu jagħtu lil binthom formazzjoni profondament nisranija u umana. Ta’ età żgħira ħasset is-sejħa għall-ħajja reliġjuża u wara li talbet u ħadet pariri minn min kien jafha sewwa u seta’ jiggwidha, ta’ sittax il-sena ħalliet dak kollu li kien għażiż għaliha u daħlet fin-novizzjat tas-Sorijiet tal-Karità ġewwa Ħal Tarxien.

Sr Annunzjata kienet persuna umli, lesta dejjem li titgħallem. Wara n-novizzjat bagħtuha fl-isptar Centrali il-Furjana u hawn Is-superjuri tagħha mill-ewwel indunaw li fiha kien hemm il-kwalitajiet neċessarji għal Soru tal-Karità. Ta’ min jiftakar li f’dak iż-żmien l-isptarijiet ma kellhomx il-faċilitajiet ta’ llum u l-personal ma kienx hekk ikkwalifikat bħallum u għalhekk ix-xogħol kien iktar diffiċli u iebes millum.

Fl-1965, is-Sorijiet tal-Karità ġew mitluba li jmorru fi sptar fi Tripli u Sr Annunzjata marret tissupplixxi għal sentejn u hawn ukoll kienet għal qalbha mal-morda għaliex għaliha l-morda kienu mod tanġbbli li turi mħabba u nteress f’min hu fil-bżonn. Minn sentejn hija damet Tripli għal żmien ferm itwal u fl-1978 kienet responsabbli tal-komunità. Fil-ħajja twila tagħha insibuha tista’ tgħid f’kull dar ta’ kura li għandna f’Malta, Saura, l-isptar San Vinċenz, id-Dar tal-Providenza, Ħal Tarxien… Kull fejn kien hemm bżonn kienet tmur bil-qalb għaliex fil-marid kienet tara lil Kristu batut.

Minn barra l-qadi tal-morda, fl-1970 kienet kunsilliera Provincjali u anki dan is-servizz qdietu għal ħames snin b’għaqal u mħabba kbira. Sr Annunzjata kienet mara kapaci u kellha qalbha tajba ħafna u minkejja l-età kienet dejjem lesta biex tgħin u tagħti sehemha fejn ikun hemm bżonn.

Kienet mara spritwali ħafna. Kulħadd jitkellem fuq il-kalma u l-prudenza tagħha, fuq kemm kienet taf tostor dak li ma għandux jingħad, taħfer malajr lil min jonqosha b’xi mod, tagħder u tiskuża l-faqar morali u spiritwali ta’ l-oħrajn. Ta’ karattru ferrieħi u lesta dejjem biex tgħin u tkompli ma’ kulħadd.

Il-ħajja ta’ Sr Annunzjata kienet minsuġa minn atti ta’ mħabba kif jgħidu s-sorijiet kollha li għexu magħha. Sr Annunzjata kellha din il-forza għaliex qabel kollox kienet mara ta’ talb u intimità mal-Mulej . Il-ħin tat-talb għaliha ma kienet tibdlu ma’ ebda attività oħra jekk mhux għal bżonn.

Dawn l-aħħar snin għexet fid-dar tas-sorjiet tal-Karità f’Ħal Balzan fejn is-sorijiet jieħdu l-mistrieħ tagħhom wara snin ta’ servizz tal-karità.