Id-Dar tal-Providenza tilqa’ l-ewwel tlitt residenti

Fil-11 ta’ Frar, 1968, sewwa sew ħamsin sena mill-lum, Mary Hayman, Carmen Giudice u Carmen Farrugia kienu l-ewwel tlitt ibniet li ntlaqgħu bħala residenti f’Villa Mons. Gonzi. Għal Mons Mikiel Azzopardi, il-fundatur tad-Dar, dan kien jum memorabbli. Kien hu stess li qal li kienet ġurnata li ma jista’ jinsieha qatt. Dun Mikiel kien qal: “Għadni nħoss it-tferfix, waqt li, flimkien mal-ewwel grupp ta’ Sorijiet (Tal-Karità) u ma’ dawk li nħobb insejħilhom il-ġwienaħ tiegħi, konna qed nistennew fil-bieb il-kbir ta’ Villa Mons Gonzi biex jaslu l-ewwel anġli. Kien ferħ tal-ġenna li tkompla matul il-ġurnata kollha u wasal fil-quċċata tiegħu waqt l-ewwel quddiesa u x’ħin, minn wara l-ħġieġ tal-gallarija li tagħti għall-playground, ħarisna lejn l-istatwa tal-Madonna ta’ Lourdes biex ngħidu t-talb tal-ewwel dehra tagħha.”
Mary Hayman, waħda mit-tlitt ibniet, kienet ukoll waħda mill-ewwel persuni b’diżabilità, li marret tgħix fl-ewwel dar li nfetħet fil-komunità tas-Siġġiewi, Dar Żerniq. Mary, li meta daħlet fid-Dar tal-Providenza kellha seba’ snin, qalet hekk: “Meta dħalt fid-Dar tal-Providenza, jiena la kont nitkellem u lanqas nimxi. Kelli fiżjoterapista u speech therapist li kienu jiġu apposta għalija fid-Dar. Il-Monsinjur ordnali wkoll rota ta’ bi tlieta bħala eżerċizzju propju għalija biex nużaha ħalli nħaddem saqajja. Jien ma niftakarx sewwa kemm dont ma nimxix u ma nitkellimx, imma niftakar li ta’ tlettax-il sena (sitt snin wara li daħlet fid-Dar) kont nattendi l-iskola Guardian Angel u wara sena kont immur l-iskola primarja tas-Siġġiewi. Jien niftakarni nimxi u nitkellem fl-iskola.”
Carmen Giudice mietet fid-Dar tal-Providenza fid-29 ta’ Marzu 1969 waqt li Mary Hayman mietet fil-21 ta’ Diċembru 2006. Carmen Farrugia eventwalment kien marret lura fi ħdan il-familja tagħha.