Id-Dar tal-Providenza torganizza kors speċjalizzat fit-terapija fl-ilma.

Bejn l-4 u s-7 ta’ Ottubru, id-Dar tal-Providenza, bil-kollaborazzjoni tal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Fiżjoterapisti, organizzat Kors speċjalizzat fit-Terapija Idrokinetika. Il-kors kien immexxi mid-Dott.ssa Maria Cristina Gualtieri, fiżjoterapista speċjalizzatta fit-terapija ta’ kundizzjonjiet varji fl-ilma, u Omor Milanesi li assistijha. Il-Kors kien ibbażat fuq erba’ modules: fosthom kif it-terpaija fl-ilma tista’ tintuża bħala meżż ta’ rijabilitazzjoni għal persuni bi problemi ortopediċi kif ukoll kundizzjonjiet newroloġiċi fit-tfal u fl-adulti. Kull module kien organizzat b’sessjoni teoretika u oħra prattika li fihom minbarra li ntweriet it-teknika rijabilitattiva lil dawk li ħadu sehem, sar ukoll taħriġ fuq każi kliniċi reali. Il-parti prattika saret fil-pixxina terapewtika tad-Dar tal-Providenza.

L-għan tal-kors kien li l-fiżjoterapisti li kienu qed jieħdu sehem jingħataw tagħrif u struzzjonijiet dwar kif dan il-metodu rijabilitattiv jista’ jisfrutta l-potenzjal terapewtiku tiegħu.

Ħmistax-il fiżjoterapista, li tlieta minnhom huma impegati tad-Dar tal-Providenza, attendew għal dan il-kors. Huma ħadu sehem b’interess kbir u b’mod interattiv.

Din hija t-tieni darba li d-Dar tal-Providenza qed torganizza dan il-kors. Fi tmien il-kors Fr Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza qassam iċ-ċertifikati tal-partiċipazzjoni lil-fiżjoterapisti li attendew għall-kors.