Il-11-il edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon b’risq Id-Dar tal-Providenza

Il-11-il edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon b’risq Id-Dar tal-Providenza giet imnedija waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret fid-Dar fis-Siġġiewi.

Il-Maratona ta’ 53 siegħa Volleyball tingħata bidu nhar il-Ġimgħa, 5 ta’ Lulju fis-6.30pm fil-parkeġġ tad-Dar tal-Providenza u tibqa’ sejra mingħajr waqfien sa’ nofsilejl tas-7 ta’ Lulju 2019.

L-edizzjoni ta’ din is-sena tnidiet uffiċċjalment minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, u s-Sinjura Michelle Muscat, Chairperson tal-‘Marigold Foundation – BOV in the Community’. Kienu preżenti wkoll Ms Elvia George, Chief Finance Officer tal-Bank of Valletta u s-Sur Emanuel Zammit, Chairperson tal-Kumitat Organizzattiv tal-Maratona.

Fr Martin qal li l-Maratona hija avveniment annwali għall-ġbir ta’ fondi b’risq Id-Dar tal-Providenza li fih tassew jispikka l-altruwiżmu. Din il-Maratona tara l-isportività u l-voluntariżmu jaħdmu id f’id bl-għan ewlieni li jinġabru fondi biex jiġi żgurat li din id-Dar tkompli toffri ambjent simili ta’ familja għar-residenti tagħha.

Is-Sinjura Michelle Muscat qalet li l-Fondazzjoni Marigold tagħraf il-fatt li l-parti l-kbira tal-fondi meħtieġa mid-Dar tal-Providenza tiddependi minn għotjiet mill-poplu Malti u Għawdxi. L-irwol tal-Fondazzjoni Marigold f’din l-inizjattiva annwali ta’ ġbir ta’ fondi huwa li tkopri l-ispejjeż kollha relatati mal-organizzazzjoni tal-maratona tal-volleyball u b’hekk jiġi żgurat li kull ċenteżmu mogħti mill-pubbliku matul it-53 siegħa ta’ solidarjetà imur għat-tmexxija u ż-żamma ta’ dan l-element importanti ħafna fil-komunità Maltija.

Ms Elvia George qalet li l-Bank of Valletta kien parti integrali fl-edizzjonijiet kollha tal-Maratona tal-Volleyball, inizjattiva li l-Bank huwa kburi biha. Minbarra l-ġbir ta’ flus li huma tant meħtieġa, din l-attività twassal il-messaġġ tad-Dar ta’ rispett u dinjità lejn il-persuni b’diżabilità. Il-Bank huwa fiduċjuż li l-edizzjoni ta’ din is-sena tkun għal darb’oħra xhieda tal-ġenerożità tal-poplu Malti li tant huwa magħruf għaliha.

Is-Sur Emanuel Zammit irringrazzja lil-parteċipanti kollha tal-maratona, il-players, il-kumitat organizzattiv u l-voluntiera li kull sena jagħtu sehemhom bi ħġarhom biex jiżguraw is-suċċess ta’ din iċ-ċelebrazzjoni annwali ta’ sport u solidarjetà. Wieħed ma jistax ma jieħux gost jara l-impenn tan-nies li jiġu sena wara sena kif ukoll dawk l-uċuħ ġodda li jiġu jagħtu daqqa t’id biex jifformaw ħbiberiji ġodda f’din il-familja li qegħda dejjem tikber.

Kontribuzzjonijiet jistgħu isiru billu ċċemplu fuq 51702012 għal donazzjoni ta’ €15 u fuq 51802013 għal donazzjoni ta’ €25, Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir billi wieħed jibgħat SMS fuq 50618944. Abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq in-numru 79324834. Hemm ukoll il-linja 2146 1537 li fuqha wieħed jista’ jagħmel pleġġ,