Il-Papa Franġisku f’Malta fuq il-passi ta’ San Pawl

“Ġabu ruħhom magħna bi ħlewwa liema bħalha.” Atti. 28:2

Is-Sibt u l-Ħadd, 2 u 3 ta’ April 2022

Il-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku temm żjara ta’ jumejn f’pajjiżna wara programm intens ta’ laqgħat u attivitajiet f’Malta u Għawdex. Eluf attendew għal-laqgħa ta’ talb fis-Santwarju Nazzjonali tal-Madonna ta’ Pinu fl-Għarb, Għawdex u għaċ-ċelebrazzjoni ewkaristika fuq il-Fosos tal-Furjana. Kull attività kellha s-sinifikat spiritwali, politika jew soċjali tagħha.

Fil-bidu taż-żjara tiegħu is-Sibt filgħodu il-Papa ġie milqugħ fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta mill-President ta’ Malta Dr George Vella u s-Sinjura Vella kif ukoll mill-għola awtoritajiet ta’ pajjiżna li awguraw ukoll il-vjaġġ it-tajjeb lura lejn Ruma il-Ħadd filgħaxija.

Fl-omelija tiegħu fuq il-fosos, il-Papa Franġisku qal li m’għandniex noqogħdu ngħoddu lil dawk li jkunu ma’ saqajna imma mmorru nfittxu lil dawk li mhumiex. Ma nibqgħux nippuntaw subgħajna, imma nibdew nisimgħuhom. Ma narmux lil dawk mistkerrha, imma npoġġu fl-ewwel post lil dawk li huma meqjusa tal-aħħar.

Fil-laqgħa ta’ talb fis-Santwarju Nazzjonali Ta’ Pinu, il-Papa Franġisku qal li Malta tinsab f’pożizzjoni ġeografika kruċjali, li hi għall-Mediterran bħal kalamita u port ta’ salvazzjoni għal tant persuni mriegħda mit-tempesti tal-ħajja li, għal diversi raġunijiet, jaslu fuq ix-xtut tagħna. Fil-wiċċ ta’ dawn il-foqra huwa Kristu nnifsu li qed jiġi għandna.

Fost oħrajn, laqgħat sinjifikanti kienu dawk li l-Papa kellu ma’ persuni vulnerabbli fil-Kolleġġjata Bażilika ta’ San Pawl fir-Rabat u mal-immigranti fil-Laboratorju tal-Paċi Ġwanni XXIII f’Ħal Far.