Il-President ta’ Malta tinawgura l-10 Edizzjoni tal-Maratona tal-Volleyball BOV Marigold b’risq id-Dar tal-Providenza

L-10 edizzjoni tal-Maratona ta’ 53 siegħa ta’ Volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza li qed issir bl-appoġġ tal-Marigold Foundation – BOV in the Community kienet inawgurata uffiċjalment mill-E.T. Marie-Louise Coleiro Preca, President ta’ Malta. Hija żaret id-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi fejn kienet milqugħa minn Fr Martin Micallef id-Direttur tad-Dar, ir-residenti, kif ukoll mis-Sinjura Elvia George, Chief Finance Officer tal-Bank of Valletta li hija wkoll membru fuq il-Bord tal-Marigold Foundation – BOV in the Community.

Preżenti għall-inawgurazzjoni kien hemm preżenti fost oħrajn l-Onor. Anthony Agius Decelis, Segretarju Parlamentari għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva, is-Sur Clifton Grima, Segretarju Parlamentari għaż-żgħażagħ, Sport u Organizazzjonijiet Volontarji kif ukoll Dr Maria Deguara, kelliema tal-Oppozizzjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità u Anzjanità Attiva.

Fr Martin Micallef beda l-indirizz qasir tiegħu billi rringrazzja l-voluntiera għall-appoġġ tagħhom matul is-sena kif ukoll lill-plejers li mhux biss jipparteċipaw fil-maratona imma wkoll jagħmlu xahrejn intesivi ta’ taħriġ sa kemm jintgħażlu t-timijiet li jkunu se jidħlu għal din l-isfida.

“Din il-maratona tistrieħ fuq sisien għeżież wisq għalina jiġifieri s-solidarjetà u l-isport. L-ispirtu altruistiku ta’ kull min hu involut jiddi tul din l-attività u juri li fejn hemm ir-rieda nistgħu naslu. Aħna nħossuna komossi quddiem l-appoġġ tal-poplu Malti u Għawdxi sena wara l-oħra.”

Fr Martin spjega kif evolviet id-Dar u qal li l-proġett il-kbir ta’ din is-sena se jkun il-ftuħ ta’ dar oħra fil-Balluta kif ukoll proġett ta’ rinovazzjoni ġewwa Dar Żerniq li kienet l-ewwel dar fil-komunità.”

Is-Sinjura Elvia George kompliet fuq dak li qal Fr Martin u qalet li “Il-Fondazzjoni Marigold ilha taħdem fil-qrib mad-Dar tal-Providenza se mit-twaqqif tagħha ħames snin ilu. Il-ħidma ta’ kuljum hija biċċa xogħol inkredibbli, aħseb u ara li tinvesti f’faċilitajiet ġodda u ssostniehom. Mandakollu dan hu neċessarju mhux biss għar-residenti tad-Dar imma wkoll għal dawk li jkollhom bżonn residenza għal żmien qasir. Tul is-snin, id-Dar baqgħet tgħożż il-valuri vera tal-Fundatur tagħha u verament toffi ambjent ‘ta’ familja’ li min ikollu bżonn is-servizzi residenzjali tagħha.” Hija temmet tgħid li d-Dar tal-Providenza hija eżempju għal dak li l-Marigold Foundation – BOV in the Community teżisti għalih iġifieri li tagħti lill-għaqdiet mhux governattivi pjattaforma biex itejbu l-ħidma tagħhom.”

L-E.T Marie-Louise Coleiro Preca esprimiet is-sodisfazzjon tagħha għall-mod kif il-pajjiz kollu kapaċi jingħaqad flimkien biex jgħin lid-Dar tal-Providenza is-sena kollha imma b’mod partikulari waqt din l-attività annwali.” Hija kompiet tgħid li,“Ħamsin sena wara, din id-Dar għadha xhieda ħajja tal-viżjoni tal-Fundatur Mons. Mikiel Azzopardi. Illum il-ġurnata id-Dar għad għandha rwol importanti li tipprovdi lir-residenti tagħha d-dinjità u l-inklużjoni li jixirqilhom biex jgħixu ħajjithom fil-milja kollha tagħha.”

Il-Maratona li qed tinżamm fil-parkeġġ tad-Dar stess fis-Siġġiewi tasal fi tmiemha l-Ħadd l-1 ta’ Lulju.

Filwaqt li wieħed ikun qed jissapportja l-plejers li qed jidħlu għal din l-isfida wieħed jista’ wkoll igawdu minn spettaklu tal-aqwa talent mużikali Malti. Il-Ġimgħa se ddoqq il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta, kantanti lokali kif ukoll il-Band ta’ Kersten Graham. Is-Sibt filgħaxija l-Banda tal-Pulizija se ttellgħa spettaklu mużikali bil-parteċipazzjoni ta’ kantanti lokali filwaqt li l-Ħadd se jkun hemm spettaklu mużikali mill-Band popolari The Crowns sa ma tiġi fi tmiemha l-maratona mat-tokki ta’ nofsillejl.

Din is-sena, se jerġa’ jkollna big screen għal min ikun irid isegwi wkoll il-logħob tat-Tazza tad-Dinja. Ma jonqsux ukoll stalls b’ikel għall-gosti ta’ kulħadd.

Il-Maratona qed tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet prinċipali tat-televiżjoni: TVM, TVM2, NET u One.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru permezz tat-telefon fuq in-numru 51702012 għal donazzjoni ta’ €15, fuq in-numru 51802013 għal donazzjoni ta’ €25 u fuq in-numru 51902070 għal donazzjoni ta’ €50. Donazzjoni ta’ €6.99 tista’ ssir billi jintbagħat SMS vojt fuq 50618944. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu jagħmlu d-donazzjoni tagħhom ukoll permezz tan-numru 79324834. Se jkun hemm ukoll pledge line bin-numru 2146 1537.