Inawgurata wirja ta’ xogħlijiet tal-arti fil-Parlament ta’ Malta b’risq id-Dar tal-Providenza
F’diskors tal-ftuħ, Mons. Martin Micallef, id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, irrefera għal dak li sejjaħ unur kbir għad-Dar li propju fis-60 anniversarju mit-twaqqif tagħha, l-Istat Malti f’Jum ir-Repubblika ta’ din is-sena, għoġbu jirrikonoxxi l-ħidma li wettqet tul dawn is-snin bl-għoti tal-Midalja għall-Qadi tar-Repubblika. Huwa stqarr li waqt li kien qed jirċievi dan l-unur Nazzjonali mill-President ta’ Malta kien emozzjonat ħafna u ġab quddiem għajnejh tant nies ibda mill-fundatur tad-Dar Monsinjur Mikiel Azzopardi; is-suċċessur tiegħu Monsinjur Lawrence Gatt, is-Sorijiet tal-Karità, l-amministraturi passati u preżenti, tant impjegati u voluntiera u mhux l-inqas il-poplu Malti u Għawdxi, li l-ġenerożità bla waqfien tiegħu sostniet din l-opra għal sittin sena sħaħ.
Huwa rringrazzja lill-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Dott. Anġlu Farrugia, li għal dawn l-aħħar disa’ snin offra l‑bini tal‑Parlament lid-Dar tal-Providenza. Kemm ilha ssir din l‑esibizzjoni fil‑Parlament u mill‑irkantijiet li saru, id‑Dar daħħlet is-somma sabiħa ta’ tliet mija tmienja u ħamsin elf, erba’ mija u żewġ ewro. Is-sena l-oħra intlaħqet is-somma rekord ta’ tnejn u erbgħin elf ewro. Din is-sena fil-wirja hemm 106 biċċa xogħol tal‑arti mill‑isbaħ kemm ta’ artisti Maltin u barranin kif ukoll xogħol ieħor ta’ Tonio Mercieca, artist li jpenġi b’ħalqu u li jgħix fid-dar tal-Qawra, waħda mid-djar fil-komunità. Hemm ukoll żewġ persuni oħra b’diżabilità li qed jieħdu sehem f’din l-esibizzjoni.
Fid-diskors tal-ftuħ tal-Wirja, l-Ispeaker Dott. Farrugia qal li din mhijiex okkażjoni oħra fil-kalendarju. Din hija wegħda li tibqa’ tmiss il-qalb tagħna bħala poplu.
L-Ispeaker saħaq li din l-inizjattiva saret tradizzjoni li tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Parlament favur il-ġid komuni u l-appoġġ lejn persuni li jeħtieġu kura u sostenn. Huwa rringrazzja lir-residenti tad-Dar tal-Providenza, kif ukoll lill-ħaddiema u l-voluntiera li jaħdmu b’dedikazzjoni sabiex kull persuna tingħata kura u dinjità. Huwa sellem ukoll lill-Mons. Martin Micallef għat-tmexxija u l-impenn tiegħu.
Dott. Farrugia sostna li l-Parlament se jkompli jappoġġja inizjattivi ta’ solidarjetà u appella biex din il-ġenerożità tkompli wkoll fil-futur.
L‑irkant ta’ dawn ix‑xogħlijiet ser isir online nhar l‑Ewwel tas‑Sena waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità u se jitmexxa minn Belgravia Auctions. Din il‑wirja se tkun qed terġa’ tittella’ fis‑sala tad‑Dar tal‑Providenza nhar l‑1 ta’ Jannar meta se jkun qed isir l‑irkant.
Mons. Micallef kompla jgħid li grazzi għall‑appoġġ sħiħ tas-soċjetà Maltija, id‑Dar tal‑Providenza tibqa’ impenjata li tkompli ttejjeb il‑kwalità tal‑ħajja tar‑residenti u s‑servizzi li toffri u anke biex ir‑residenti jkunu inklużi u jipparteċipaw dejjem aktar fil‑ħajja tal‑komunitijiet tagħna.
Huwa temm billi ħeġġeġ lill‑poplu Malti u Għawdxi biex fl‑1 ta’ Jannar ikompli jagħmel dan waqt il‑Festa ta’ Ġenerożità li din is‑sena se terġa’ ssir fil‑car park tad‑Dar, fis‑Siġġiewi, imma anke permezz tal‑irkant.



