John L. Peel – Apprezzament

Fil-ħajja tiegħi sa issa, l-Mulej tani l-grazzja li niltaqa’ u anke naħdem ma’ ħafna nies li kienu u għadhom ta’ ispirazzjoni kbira għalija. Wieħed minn dawn il-persuni huwa John L. Peel li l-Mulej sejjaħlu għal għandu dan l-aħħar.

John kien raġel eżemplari li fis-sempliċità tiegħu għex il-mixja tal-fidi tiegħu. Żgur li ma kienx perfett imma l-qaddisin huma wkoll dawk li jgħixu l-Vanġelu fis-sempliċità tal-ħajja ta’ kuljum.

John kien ukoll raġel tal-familja. Hu ddedika ħinu u l-enerġija kollha tieghu għall-familja u għix is-sejħa taż-żwieġ b’imħabba kbira. John ħabb bla kundizzjonijiet. Kien jgħix għall-familja. Ħabb lil martu Antoinette b’imħabba kbira, ħabb lil bintu Christine u ddedika ħajtu għaliha 24 siegħa kuljum u fl-istess ħin ta l-istess imħabba u attenzjoni lil ibnu John, lil martu Angela u n-neputijiet Stephanie Anne u John Mark. Ħajtu nistgħu ngħidu li kienet innu ta’ mħabba. Imma dan l-innu tal-imħabba ma għexux biss mal-familja tiegħu imma wkoll għexu ma’ tant nies oħra li l-Mulej laqqgħu magħhom. John kien bniedem li lest jinsa lilu nnifsu biex jaħseb fl-oħrajn. Il-ġenerożità u d-dedikazzjoni kienet bla limitu u din narawha tispiċċa fil-ħidma mifruxa tiegħu ta’ volontarjat mingħajr ħafna daqq ta’ trombi. Dejjem issibu lest biex jgħin.

John nistgħu ngħidu li kien wieħed mill-veterani li ħadmu qatiegħ fis-settur tal-Persuni b’Diżabiltà f’Malta. Il-ħidma tiegħu f’dan il-qasam rat il-bidu tagħha mat-twelid tal-għażiża bintu Christine. Minn dak inhar ‘il quddiem huwa qatt ma ħares lura u baqa’ attiv u nteressat sa l-aħħar f’dak kollu li kien qiegħed jiġri f’dan is-settur. Għal tmintax-il sena sħaħ kien Chairman tal-Assoċjazzjoni Down Syndrome li matulhom ukoll kien rappreżentant tal-istess Assoċjazzjoni fuq il-Federazzjoni Maltija ta’ Organizzazzjonijiet Persuni b’Diżabiltà (MFOPD). Għal xi żmien kien ukoll President tal-istess Federazzjoni. John irrappreżenta lill-Assoċjazzjoni Down Syndrome għal diversi drabi, barra minn Malta u lill-Federazzjoni fuq il-Kumitati fi ħdan il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilità (Illum tissejjaħ il-Kummissjoni għad-Drittijiet ta’ Persuni b’Diżabiltà). John kien President Onorarju tal-Assoċjazzjoni Down Syndrome. John kien ukoll għal diversi snin membru fil-kumitat tal-Għaqda Nazzjonali Ġenituri b’Diżabilità. Barra minn dan għal bosta snin u sa ftit granet ilu kien jgħin ukoll b’ħidma volontarja fid-Dar tal-Providenza. U jekk dan ma kienx biżżejjed ma nistgħux ma nsemmux l-involviment tiegħu, ukoll fuq bażi volontarja, fir-Royal British Legion u fir-Royal Air Force Association (RAFA) fejn kien jgħin b’mod speċjali lil familji ta’ ex-servicemen biex tingħatalhom il-pensjoni u flus oħra dovuti lilhom.

Il-Papa Franġisku jgħid li l-imħabba mhix kliem, hi għemil u qadi; qadi umli, magħmul fis-skiet u fil-moħbi, kif qal Ġesù nnifsu: “idek ix-xellugija m’għandhiex tkun taf x’inhi tagħmel il-leminija” (Mt 6:3). Hekk kien John u għalhekk jibqa’ ta’ ispirazzjoni għalija.

Fr Martin Micallef
Direttur, Dar tal-Providenza