L-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti jinawgura wirja ta’ xogħlijiet tal-arti li se jiġu rkantati b’risq Id-Dar tal-Providenza

“L-istorja tad-Dar tal-Providenza imwaqqfa minn Dun Mikiel Azzopardi fit-12 ta’ Settembru 1965, għalkemm hija ġrajja ta’ tlieta w ħamsin sena, hija wkoll storja ta’ poplu u ta’ nazzjon.” Dan qalu l-Ispeaker tal-Kamra tad-Deputati, l-Onor. Dr Anġlu Farrugia meta fetaħ uffiċċjalment wirja ta’ xogħlijiet tal-arti li fl-20 ta’ Diċembru se jiġu rkantati fil-foyer tal-bini tal-Parlament b’risq Id-Dar tal-Providenza.

Il-wirja hija miftuħa kuljum bejn id-9.00am u t-8.00pm sakemm fl-20 tax-xahar fis-7.00pm jibda l-irkant tax-xogħlijiet li ngħataw minn tmienja u disgħin artist, kemm Maltin kif ukoll barranin. Wieħed jista’ jara l-katalgu online fuq www.dtpauction.com.

F’diskors ta’ merħba, Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, qal li huwa b’sodisfazzjon li jgħid li f’dawn l-aħħar tlett snin kemm ilha ssir il-wirja fil-Parlament, Id-Dar tal-Providenza daħħlet madwar €100,000 mill-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti. Huwa rringrazzja lill-Onorevoli Mr Speaker talli għal sena oħra ġentilment offra dan il-post prestiġjuż biex tittella’ din il-wirja u talli ta wkoll lid-Dar l-opportunità u l-unur tant speċjali li jsir l-irkant fil-foyer tal-Parlament.