L-Isqof Awżiljarju Mons. Joseph Galea Curmi jagħmel żjara uffiċċjali fid-Dar tal-Providenza

“Fid-Dar tal-Providenza hawn l-għożża tal-ħajja u d-dinjità tal-bniedem. Kull min jiġi hawn jifhem kif il-ħajja ta’ kull bniedem hi prezzjuża u għandna ngħożżuha għax il-bniedem maħluq xbieha ta’ Alla. Hu min hu, hi min hi. Hawnhekk hawn l-għożża tal-ħajja bl-imħabba. Hi din l-imħabba r-ruħ tad-Dar tal-Providenza, imma minn hawn toħroġ ukoll ’il barra biex tmiss il-qalb tal-Maltin kollha.” Dan qalu l-Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali, Mons. Joseph Galea meta għamel l-ewwel żjara uffiċċjali tiegħu fid-Dar fis-Siġġiewi. Huwa kien milqugħ mid-Direttur tad-Dar, Fr Martin Micallef u ltaqa’ u tkellem mar-residenti u support workers tagħhom kif ukoll mal-membri tal-Amministrazzjoni. Huwa sab ħin biex jara mill-qrib id-diversi servizzi li toffri d-Dar.

Meta ndirizza lir-residenti, Mons Galea Curmi qal li d-Dar tal-Providenza tgħallmu kif jgħix il-motto li għażel biex ikun ta’ ispirazzjoni għall-ministeru episkopali tiegħu: Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.

Mons. Galea Curmi xtaq juri l-gratitudni u l-apprezzament sħiħ tal-Knisja f’Malta lejn ir-residenti tad-Dar tal-Providenza, lid-Direttur, Fr Martin Micallef, Fr Trevor Fairclough, lis-sorijiet tal-Karità, lill-persuni kollha li jaħdmu jew huma voluntiera fid-Dar. Grazzi mill-qalb, għax dak li qed isir hu espressjoni mill-isbaħ tal-qalba tal-ħajja Nisranija, ta’ dak li hi l-Knisja fil-missjoni tagħha fis-soċjetà Maltija.

L-Isqof Awżiljarju temm billi awgura li fuq il-passi ta’ Mons. Mikiel Azzopardi, li b’mod profetiku u providenzjali beda din id-Dar, lkoll inkomplu nxerrdu l-messaġġ li joħroġ minn hawn: Ngħożżu l-ħajja bl-imħabba.