Messaġġ mill-President tal-Kunsill Pontifiċju għall-Ħaddiema fil-kura tas-Saħħa fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-Għarfien dwar l-Awtiżmu (2 ta’ April 2016)

Ħallieqa u Xhieda tas-Sewwa

Għeżież,

Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji għall-għarfien dwar u s-sensitività għall-Awtiżmu, li din is-sena qed jaħbat ftit jiem biss wara l-Għid tar-Reżurezzjoni, il-Knisja ħasset li għandha tiffoka fuq Kristu Rxoxt li ispira bit-tama lin-nisa li ltaqa’ magħhom wara l-jiem traġiċi tal-passjoni u l-mewt: “La tibżgħux.” (Matt 28:10)

Ta’ sikwit, il-ħidma iebsa ta’ kuljum, id-diżappunt, id-disfatti, is-solitudni u l-ansjetà dwar il-ġejjieni tagħna jistgħu jirbħu fuq it-tama, li għandha dejjem tqawwi lill-familji, il-ħaddiema fil-kura tas-saħħa, l-assoċċjazzjonijiet xjentifiċi u ta’ riċerka, skejjel, voluntiera u dawk kollha li, b’ħiliet u sinerġiji differenti, huma ħdejn dawk milquta mid-diffikultajiet assoċjati mal-awtiżmu. Ladarba nagħrfu li huwa mportanti u meħtieġ li nistimulaw l-impenn f’dan is-settur għat-titjib tas-servizzi u li nippromwovu r-riċerka, daqskemm huwa essenzjali li nkunu ħdejn persuni bl-awtiżmu u l-familji tagħhom, wieħed jista’ jikkonferma li bis-saħħa ta’ dawn l-attivitajiet tal-għaġeb, qlubna jistgħu tassew iħossuhom imsaħħa fit-tama.

‘It-tama nisranija’, bħalma josserva Papa Franġisku, ‘mhijiex sempliċiment xewqa jew rieda u mhijiex ottimiżmu: għan-nisrani, it-tama hija stennijja, stennijja ferventi, imqanqla mit-twettieq aħħari u definittiv tal-misteru, il-misteru tal-imħabba t’Alla, li fih nerġgħu nitwieldu u li diġà qegħdin nesperjenzaw. U hija l-istennija ta’ xi ħadd li ġej: huwa Kristu l-Mulej li qed iqarreb dejjem iżjed lejna, jum wara jum, u li jiġi biex fl-aħħar iġiebilna it-twettieq tal-komunjoni u l-paċi tiegħu. Il-Knisja allura, għandha l-ħidma biex iżomm l-imnara tixgħel u tidher sew, biex b’hekk tkompli tiddi bħala sinjal ċert tas-salvazzjoni u biex iddawwal għall-umanità kollha it-triq li twassal għall-laqgħa mal-wiċċ ħanin ta’ Alla.’ (Udjenza Ġenerali tal-15 ta’ Ottubru 2014)

F’dawn iż-żminijiet, bosta drabi insibuha diffiċli biex insibu raġunijiet għalfejn għandna nittamaw, l-aktar meta nkunu affaċċjati bid-diffikultajiet assoċċjati mal-awtiżmu. Xi drabi dawn mhux biss huma diffiċli li tinstab id-dijanjożi tagħhom – imma speċjalment fil-familji – huma daqstant iebsa li jiġu aċċettati mingħajr mistħija jew li jingħalqu fihom infushom, Madankollu, l-Knisja qed issejħilna biex nemmnu f’Alla. Issa, minkejja li l-kelma tama fiha innifisha tħares lejn il-quddiem, hija msejsa fil-preżent ta’ Alla li jista’ biss iħobbna u ma jgħijjiex jindokrana. Tabilħaqq, Alla huwa tjubija u benevolenza bla tarf. Huwa jieħu ħsieb ta’ wliedu u ma jabbanduna qatt lil dawk li sejjaħ biex jidħlu f’rabta miegħu, huma x’inhuma d-diffikultajiet.

Fil-qafas ta’ dan l-orizzont ta’ fidi, sensitività għal disturbanzi newroloġiċi u disturbanzi fl-imġieba, li sa ftit żmien ilu setgħu jiġu meqjusa bħala stigma soċjali, b’xorti tajba qed tiżdied ħafna l-attenzjoni fil-qasam tad-dijanjożi u riċerka, kif ukoll fl-oqsma tal-assistenza, integrazzjoni fl-iskejjel u fuq il-post tax-xogħol, w akkompanjament fil-livell ta’ qawmien spiritwali. Dan mhu xejn ħlief sinjal ta’ tama, kif ħareġ ukoll, fiż-żmien meta sentejn ilu saret il-konferenza internazzjonali minn dan il-Kunsill Pontifiċju tas-Santa Sede u Ii kellha t-tema: ‘Il-persuna bl-awtiżmu: Ispirazzjoni ta’ Tama.’

Minkejja dan, m’għandux jonqos l-impenn minn kulħadd biex naslu biex inkunu kapaċi naċċettaw, niltaqgħu u nkunu solidali b’ħidma konkreta ta’ appoġġ u tama mġedda li, fuq kollox, ma tinsiex il-fatt li l-awtiżmu jibqa’ mal-persuna tul ħajjitha. Għalhekk, minn dan jidher ċar li xejn aktar minn allejanza bejn is-setturi tal-kura tas-saħħa, kura tas-saħħa soċjali u edukazzjoni, kif ukoll integrazzjoni – fejn din hi possibbli – f’attivitajiet ta’ xogħol biex tiżdied l-awtonomija personali, tista’ tassigura li nkomplu nerfgħu ir-responsabbiltà ta’ dawn ħutna għall-bqija ta’ ħajjithom. Ladarba naqblu ma’ integrazzjoni effettiva tas-servizzi speċifiċi tul iż-żgħożija u l-maturità, inkunu qed inħallu persuna b’awtiżmu tikkonserva l-ħiliet li hu jew hi kisbu mill-għajnuna li ngħataw meta kienu żgħar u b’hekk nevitaw li dak jew dik imorru lura minflok il-quddiem u b’hekk ikunu ħlew ir-riżorsi kollha li jkunu ntużaw magħhom.

F’dan l-impenn iebes imma mhux impossibbli, l-effett ta’ iniżjattivi edukattivi, kurattivi u soċjali b’appoġġ ta’ persuni b’diżordnijiet ta’ awtiżmu u l-familji tagħhom jista’ jwassal għal inċentiv sod biex tiġi identifikata u promossa politika effiċjenti w effettiva, li twassal għall-ħolqien lokalment u f’pajjiżi bi dħul baxx – bħalma l-Papa Franġisku innota fil-laqgħa li kellu ma’ tfal u persuni b’awtiżmu flimkien ma’ qrabathom fit-22 ta’ November 2014 – ta’ ‘network reġjonali ta’ appoġġ u servizzi li huma komprensivi u aċċessibbli’ li jistgħu ‘jgħinu familji jirbħu s-sentimenti, li kultant jinqalgħu, ta’ nuqqas ta’ ħila, telqa u frustrazzjoni’.

Il-Papa Franġisku, aktar w aktar f’din is-sena qaddisa tal-ħniena, qed iħeġġeġ lil dawk li jemmnu u lil dawk li ma jemmnux biex jerġgħu jiskopru modi ta’ solidarjetà ta’ merħba u fraternità. J’alla nkunu kapaċi nilqgħu ir-responsabbilta’ f’ħajjitna li naċċettaw u nħaddnu magħna lill-persuni bl-awtiżmu u l-familji tagħhom biċ-ċertezza li b’hekk inkunu xhieda tat-tama awtentika u ferriħija fil-Knisja u fid-dinja.

Jiena nixtieq lill-ħaddiema kollha fil-kura tas-saħħa, riċerkaturi, tekniċi fir-rijabilitazzjoni psikjatrika, ħaddiema fl-oqsma pastorali u soċjali, għalliema u speċjalment persuni bl-awtiżmu u l-familji tagħhom, kull ferħ u dak kollu li hu tajjeb fil-Mulej Irxoxtat. Alleluja

 + Zygmunt Zimowski

Traduzzjoni għall-Malti: Victor Formosa