Fr Martin Micallef

Xogħol fuq pixxina terapewtika ġdida u moderna għar-residenti tad-Dar tal-Providenza

Bħalissa miexi ġmielu x-xogħol fuq il-bini ta’ pixxina terapewtika ġdida u moderna fid-Dar tal-Providenza fis-Siġġiewi. Din se ssir fl-istess post fejn Mons Mikiel Azzopardi kien bena pixxina simili f’Villa Papa Ġiovanni li kienet ġiet inawgurata fid-19 ta’ Marzu 1974.

Din il-pixxina terapewtika qed tinbena mill-Kumpanija Taljana A-Circle Habilitation Concept li għandha esperjenza twila ta’ xogħol f’dan il-qasam. Fil-fatt, din il-kumpanija bniet aktar minn tlitt mitt pixxina simili f’diversi postijiet fid-dinja. Il-perit Malti John Papagiarcopulo huwa responsabbli minn dan il-proġett ġdid u qed jiġi megħjun ukoll mill-Inġinier Anton Cutajar.

L-użu tal-idroterapija se jkun servizz ieħor offrut mid-Dar tal-Providenza li se jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti. L-idroterapija se toffri opportunità ta’ mobbiltà kif ukoll attivitajiet sportivi. Daqstant ieħor hija importanti s-sensazzjoni sabiħa ta’ rilassament li persuna tħoss fl-ilma sħun anke jekk ikun diffċli għaliha li tagħmel eżerċizzju.