Id-Dar tal-Providenza tfakkar is-60 sena mit-twaqqif tagħha
Id-Dar tal-Providenza se tfakkar is-60 sena mit-twaqqif tagħha minn Mons. Mikiel Azzopardi u l-Jum Dinji tal-Persuni b’Diżabilità b’kunċert vokali u strumentali. Dan se jsir nhar il-Ġimgħa 28 ta’ Novembru 2025 fis-7.30pm fil-Katidral Metropolitan ta’ San Pawl, l-Imdina.
Fil-kunċert, li se jsir taħt il-patroċinju distint tal-E.T. il-President ta’ Malta, Dott. Myriam Spiteri Debono u l-Isqof Awżiljarju, Mons. Joseph Galea-Curmi, tieħu sehem il-Banda tal-Forzi Armati ta’ Malta taħt id-direzzjoni tas-Surmast u Direttur Mużikali tagħha, il-Maġġur Jonathan Borg. Għall-okkażjoni tas-60 anniversarju inkitbu żewġ siltiet mużikali li se jindaqqu għall-ewwel darba: 60 Sena ta’ Storja: Id-Dar tal-Providenza tas-Surmast Nicholas Vella u Tama tas-Surmast Antoine Mercieca. Il-programm jinkludi wkoll xogħlijiet ta’ Johann Sebastian Bach, Richard Wagner, Frank Erickson, Lowell Mason, Morten Lauridsen, Peter A. Yon, Stephen Adams, Carl Coberg u tal-kompożitur Malti Tano Monseigneur.
Matul is-serata jitħabbar ukoll ir-rebbieħ/a tal-Premju Mons. Mikiel Azzopardi għal din is-sena. Premju li jingħata bħala għarfien tal‑kontribut mogħti lid‑Dar tal‑Providenza minn persuni jew oganizzazzjonijiet li jaħdmu fil‑qasam tal‑persuni b’diżabilità.
Id‑dħul huwa b’xejn u min hu interessat jista’ jibbukkja s‑seats billi jirreġistra mar‑reception desk tad‑Dar tal‑Providenza b’telefonata fuq 21462844 – 21464915 jew b’email fuq: info@dartalprovidenza.org sa mhux aktar mill‑Ġimgħa, 14 ta’ Novembru 2025.



