Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna jagħti bidu għall-Festa ta’ Ġenerożità 2026
Il-jum speċjali tal-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza marbut mal-jum speċjali tal-ewwel ta’ sena ġdida beda b’quddiesa fil-kappella tad-Dar fis-Siggiewi. Ikkonċelebra Mons. Arċisqof Charles J. Scicluna megħjun minn Monsinjur Martin Micallef, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u d-Direttur tad-Dar tal-Providenza flimkien mal-Arċipriet tal-parroċċa tas-Siġġiewi, Dun Josef Mifsud.
L-Arċisqof irrefera għall-ewwel qari meħud mill-Ktieb tan-Numri li jgħid li l-Mulej iberikna u jħarisna, jixħet id-dija ta’ wiċċu fuqna u jurina l-ħniena u jħarisna bi mħabba filwaqt li jagħtina s-sliem u jberikna. Qal li dawn huma tliet valuri sbieħ li jixtieq joffri u jawgura lill-poplu għażiż tagħna, minn dan il-post qaddis u għażiż, mid-Dar tal-Providenza, aħna u nibdew sena ġdida, nibdew ukoll il-maratona ta’ solidarjetà b’risq din in-netwerk ta’ djar, fejn il-persuni ħutna jkunu jistgħu jgħixu kemm jista’ jkun b’awtonomija u jkollhom il-kura meħtieġa.
L-Arċisqof appella li f’dan l-ewwel jum tas-sena l-ġdida inkunu barka għal xulxin, aħna min aħna; li nħarsu lil xulxin bil-ħniena u l-imħabba f’dinja li nieqsa minnhom.
Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, Alexia Vella u Max Prasel Caruana għamlu s-solita priedka tradizzjonali tal-Milied bit-tħabbira tassew sabiħa u mqanqla tat-twelid ta’ Ġesù.



