€1,556,453 miġbura fil-Festa ta’ Ġenerożità b’risq id-Dar tal-Providenza

Minkejja l-kesħa u ħalbiet tax-xita li laqtu lil-gżejjer tagħna, għall-poplu Malti u Għawdxi l-ewwel jum tas-sena kien għal darb’oħra wirja ta’ ġenerożità lejn id-Dar tal-Providenza, espressjoni ta’ solidarjetà, bil-ġabra ta’ €1,556,453 matul il-Festa ta’ Ġenerożità.

Fit-tmiem ta’ maratona televiżiva, Mons. Martin Micallef, Direttur tad-Dar, awgura li s-solidarjetà murija lejn id-Dar tal-Providenza fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida tibqa’ sejra matul din is-sena ma’ dawk kollha fis-soċjetà Maltija li għandhom ħtieġa ta’ appoġġ.

Reġà kien hemm l-irkant ta’ xogħlijiet tal-arti, pitturi, skulturi u ċeramika, mogħtija minn għadd ta’ artisti Maltin u barranin. Għal darb’oħra kollox, inkluż ix-xiri bl-irkant, sar online u l-bejgħ tax-xogħlijiet tal-arti laħaq is-somma ta’ €49,229.

L-Onor. Michael Falzon, Ministru għall-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal, li rrappreżenta lill-Prim Ministru Dr Robert Abela, għamel għotja ta’ €25,000 f’isem il-Gvern Malti mill-Fond tal-Kawżi Ġusti.

Bħalma ilu jsir għal dawn l-aħħar snin, numru mdaqqas ta’ parroċċi f’Malta u Għawdex għamlu ġabriet speċjali f’lejlet u fl-ewwel tas-sena li ngħataw lid-Dar tal-Providenza f’isem il-komunitajiet parrokkjali. Il-parroċċi f’Għawdex ġabru kollettivament €41,560.

Bħas-soltu, il-Festa ta’ Ġenerożità xxandret minn taħt it-tinda li ttellgħet apposta fil-parkeġġ tas-Siġġiewi. Ix-xandir tal-maratona beda b’quddiesa  ċċelebrata mill-E.T. l-Arċisqof Charles J. Scicluna fil-kappella tad-Dar megħjun minn Monsinjur Martin Micallef, Vigarju Episkopali għad-Djakonija u d-Direttur tad-Dar tal-Providenza flimkien mal-Arċipriet tal-parroċċa tas-Siġġiewi, Dun Josef Mifsud. Fil-bidu taċ-ċelebrazzjoni, Alexia Vella u Max Prasel Caruana għamlu s-solita prietka tradizzjonali tal-Milied bit-tħabbira tassew sabiħa tat-twelid ta’ Ġesù.

Fl-omelija tiegħu, l-Arċisqof Scicluna appella biex fl-ewwel jum tas-sena l-ġdida nuru barka lejn xulxin u nħarsu lejn xulxin b’kompassjoni u mħabba li huma tant neqsin fid-dinja tagħna tal-lum.