€4,300 miġbura f’wirja tal-karozzi b’risq id-Dar tal-Providenza
Is-somma sabiħa ta’ €4,300 inġabret waqt il-wirja annwali ta’ karozzi klassiċi u vintage organizzata mill-Old Motors Club b’risq id-Dar Tal-Providenza. L-avveniment, li sar fil-festa pubblika ta’ San Ġużepp, sar fil-parkeġġ tad-Dar fis-Siġġiewi u għalih attendew għadd kbir ta’ viżitaturi u dilettanti tal-karozzi.
Madwar 140 vettura klassika u vintage, li jkopru aktar minn seklu ta’ storja tal-karozzi, ġew esebiti mill-membri tal-klabb f’atmosfera sabiħa.
Id-Direttur tad-Dar tal-Providenza, Mons. Martin Micallef, esprima l-apprezzament sinċier tiegħu, u rringrazzja lill-organizzaturi, il-parteċipanti u lill-pubbliku ġenerali għall-ġenerożità u l-appoġġ kontinwu tagħhom.
Il-Membru Parlamentari tal-Parlament Ewropew, Dott. Peter Agius żar l-attività, ltaqa’ mad-dilettanti u għamel id-donazzjoni tiegħu għall-istess kawża.
Il-klabb reġa’ kkonferma l-impenn tiegħu li jkompli jappoġġja lid-Dar Tal-Providenza u inizjattivi oħra ta’ karità, filwaqt li jkompli jippromwovi l-wirt rikk tal-motoring f’Malta.



