Festa ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza nhar l-Ewwel tas-Sena

Ingħataw dettalji tal-Festa ta’ Ġenerożità li ssir fl-Ewwel ta’ Jannar ta’ kull sena organizzata minn RTK4Charity biex primarjament jinġabru fondi ħalli d-Dar tal-Providenza tku tista’ tkompli bil-ħidma tagħha u ssaħħaħa. Dan qalu Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar, waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret dalgħodt (t-Tnejn 16 ta’ Diċembru). “Hija ħaġa sabiħa ħafna,” qal Fr Martin, “li l-poplu Malti u Għawdxi propju jibda sena ġdida billi juri min tassew hu, poplu ġeneruż, poplu li jaf issarraf is-solidarjetà fil-prattika.”

Fr Martin semma’ erba’ għanijiet għall-Festa ta’ Ġenerożità mad-Dar tal-Providenza. L-ewwel għan hu li l-pubbliku jkun jista’ jiltaqa’ mar-residenti tad-Dar li huma wkoll se jkunu preżenti waqt l-ispettaklu li se jsir taħt it-tinda fil-carpark tad-Dar. Kif jaf kulħadd, Id-Dar tal-Providenza toffri dar f’ambjent ta’ mħabba u li jixbaħ il-familja lill-persuni b’diżabilità li għal xi raġuni jew oħra ma jistgħux jibqgħu jgħixu fil-familja tagħhom. Fil-preżent mitt resident jgħixu fid-Dar bl-etajiet tagħhom huma bejn is-sentejn u t-tmenin sena. Hi toffri wkoll servizz regolari u importanti ħafna ta’ respite lill-familji ta’ persuni b’diżabilità, billi toffrilhom sapport ħalli l-persuna b’diżabilità tkun tista’ tibqa’ tgħix fi ħdan il-familja tagħha. Illum Id-Dar tal-Providenza tikkonsisti f’ħames residenzi: Villa Monsinjur Gonzi, Villa Papa Giovanni, Villa Papa Luciani, “Dar Żerniq” fil-komunità tas-Siġġiewi u “Akkwarell” fil-komunità tal-Qawra li issa ilha sena miftuħa.

It-tieni skop hu li l-pubbliku jkun jista’ jara xi proġetti u inizzjattivi importanmti li saru jew qed isiru fid-Dar biex inkomplu ntejbu l-kwalità tal-ħajja tar-residenti. Il-proġetti li saru din is-sena jinkludu: Kamra Multisensorjali, uffiċċju fil-Belt Valletta biex id-Dar tkun eqreb lejn il-komunità, lift ġdid f’Villa Papa Luciani, toilets aċċessibbli fil-partijiet komuni tad-Dar, twessiegħ ta’ bibien għas-sigurtà tar-residenti f’każ ta’ ħtieġa li ssir evakwzzjoni bis-sodod b’kollox, arka kkondizzjonata f’żewġ vannijiet għall-kumdità tar-resdienti speċjalment fis-sajf u website ġdida aktar dinamika u interattiva.

It-tielet skop ta’ din l-attività annwali hu li jinġabru fondi biex is-servizz siewi li tagħti d-Dar tal-Providenza jkun jista’ jibqa’ għaddej u jitjieb. L-ispejjeż tad-Dar ilaħħqu bejn wieħed u ieħor mat-€3.5 miljun fis-sena – jiġifieri madwar €35,000 għal kull resident fis-sena. Il-miraklu tad-Dar tal-Providenza hu li l-Mulej dejjem jipprovdilha dak li għandha bżonn. Hu għalhekk id-dmir tal-amministrazzjoni tad-Dar li tassigura li d-donazzjonijiet mogħtija b’tant ġenerożità mill-pubbliku jintefqu bil-għaqal u għall-iskop li għalih ingħataw. Għalhekk id-Dar tieħu diversi miżuri biex tassigura dan fosthom li tingħata riċevuta għal kull donazzjoni u li l-accounts tad-Dar ikunu awditjati minn kumpanija ewlenija tal-Awditjar kull sena.

Fr Martin semma għadd ta’ inizjattivi ta’ min ifaħħarhom li jieħu l-pubbliku biex jagħti appoġġ lid-Dar tal-Providenza. Din is-sena, per eżempju, id-Dar daħħlet ftit aktar minn €30,000 minn donazzjonijiet li jingħataw flok souvernirs tat-tieġ, anniversarji, gradwazzjoni jew okkazzjonijiet speċjali; minn wirtijiet id-Dar din is-sena kellha dħul ta’ ftit aktar minn €81,000; minn donazzjonijiet minn ħaddiema li tinqatgħalhom mill-paga tagħhom din is-sena d-Dar daħħlet aktar minn €78,000 u fl-aħħarnett, minn dawk il-persuni li jagħżlu li meta jmut xi ħadd li jafu jagħtu donazzjoni flok fjuri, d-Dar din is-sena daħħlet ftit aktar minn €53,000 minn 1,990 donatur.

Fr Martin ħabbar li sentejn oħra d-Dar se tkun qed tfakkar il-50 sena mit-twaqqif tagħha. Għal dan il-għan twaqqaf kumitat biex jieħu ħsieb jorganizza attivitajiet għal din l-okkażżjoni speċjali. Minħabba f’hekk ukoll sar eżerċizzju biex jinkitbu l-Viżjoni, il-Missjoni u l-Valuri tad-Dar wara konsultazzjoni wiesgħa mar-residenti, l-ġenituri, il-ħaddiema, il-voluntiera u esperti oħra fil-qasam tal-persuni b’diżabilità. Tniediet ukoll kompetizzjoni għal logo ġdid għad-Dar li jirrifletti l-Viżjoni, l-Missjoni u l-Valuri tad-Dar. Għal din il-kompetizzjoni ġew sottomessi 47 disinn li issa se jkunu evalwati biex kmieni s-sena d-dieħla jkun jista’ jitħabbar il-logo rebbieħ.

Fl-awditorju tad-Dar tal-Providenza se jkun hemm irkant, bl-assistenza ta’ Obelisk Auctions, li jinkludi diversi xogħlijiet ta’ pittura minn artisti magħrufa Maltin.

Bħalissa qed issir wirja ta’ dawn ix-xogħlijiet li tiobqa’ sejra sas-27 ta’ Diċembru fil-Mużew Wignacourt fir-Rabat. Il-wirja hija miftuħa kuljum (barra f’Jum il-Milied) bejn id-9.30am u l-4.30pm. Kull min jixtieq jieħu sehem fl-irkant jista’ jibbiddja online fuq www.dtpauction.com. Nhar l-ewwel tas-sena wieħed jista’ jibbiddja billi jċempel jew imur fis-sala ta’ fejn qed tkun issir il-wirja. Ix-xogħlijiet li se jiġu rkantati bid-dettalji kollha huma riprodotti fl-istess website.

Tkellmu wkoll is-Sur Tonio Bonello, il-kordinatur tal-Festa ta’ Ġenerożità, is-Sur Peter Gatt, Manager Corporate Services tal-APS Bank sponsor ewlieni tal-attività ta’ l-Ewwel tas-Sena u s-Sur Karl Wright, Station Manager ta’ Radju RTK li saħaq dwar l-impenn tal-istazzjon li jixpruna kuxjenza soċjali fost is-semmiegħa tiegħu. F’dan il-każ dwar id-Dar tal-Providenza.