Jibdew l-attivitajiet ta’ Christmas on Campus

L-Università ta’ Malta nediet uffiċjalment Christmas on Campus, attività ta’ ġbir ta’ fondi b’risq tliet benefiċjarji. Il-fondi se jmorru għall-Istrina, id-Dar tal-Providenza u għar-Research, Innovation and Development Trust (RIDT) tal-Università ta’ Malta, bil-ħsieb li fondi jmorru għal riċerka fuq il-kanċer tas-sider fl-Università.

Fost l-attivitajiet li se jittellgħu hemm bejgħ ta’ ikel u oġġetti tal-Milied fiċ-Chaplaincy, donazzjoni ta’ €1 mill-iSmart Card, kompetizzjonijiet, serata ta’ films, kunċerti qosra u attività ta’ trekkingf’Għajn Tuffieħa għada l-Ġimgħa 13 ta’ Diċembru fis-1.30pm.

Attivitajiet oħra jinkludu ‘Pumpiera’ li ser issir nhar it-Tlieta 17 ta’ Diċembru fejn il-parteċipanti jitħallew jilbsu l-ilbies tal-pumpiera u jirkbu fire engine.
Attività oħra tinkludi car free day il-Ħamis 19 ta’ Diċembru fejn il-karozzi kollha li jidħlu fil-kampus joffru donazzjoni ta’ ewro.

Iċ-Chaplaincy tal-Università ser torganizza n-Novena għall-Milied bejn is-16 u it-23 ta’ Diċembru fin-12.30pm, il-Vġili lejliet il-Milied fil-11.30pm u quddiesa ta’ ringrazzjament nhar il-31 ta’ Diċembru fit-8.00pm.

Il-pubbliku hu mħeġġeġ jattendi.

Il-programm sħiħ jinsab fuq is-sit tal-Università: http://www.um.edu.mt