Fr Cyril Axelrod jiltaqa’ mal-Isqof Awżiljarju Mons Charles J. Scicluna
Fr Cyril Axelrod, is-saċerdot ta’ fama internazzjonali li għandu nuqqas ta’ smigħ u nuqqas ta’ dawl u li bħalissa jinsab Malta kellu laqgħa ta’ kortesija mal-Isqof Awżiljarju Mons Charles J. Scicluna fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Floriana. Huwa kien akkumpanjat minn Fr Martin Micallef, Direttur tad-Dar tal-Providenza, Hester Holliday, persuna nieqsa mis-smiegħ mill-Afrika t’Isfel u Simon Chan, interpretu tal-lingwa tas-sinjali minn Hong Kong.
Fr Cyril qasam mal-Isqof Scicluna l-esperjenza tiegħu u rringrazzjah għall-appoġġ li l-Knisja f’Malta dejjem tagħtu biex jestendi l-ħidma tiegħu f’pajjiżna għall-ġid ta’ persuni bħalu, il-familjari tagħhom u dawk kollha li jgħixu jew jaħdmu magħhom.
Minn naħa tiegħu, l-Isqof Scicluna rringrazzjah għall-ħidma tiegħu u awguralu wkoll għall-onorifiċenza li għadu kif irċieva mir-Reġina Eliżabetta II għall-ħidma tiegħu mal-persuni nieqsa mis-smiegħ u mid-dawl.
Fr Cyril se jerġa’ jkun Malta f’Diċembru li ġej meta hu mistenni jagħti sensiela ta’ taħdidiet flimkien ma’ Fr Larry Kaufmann, moralista u Provinċjal tar-Redemptoristi fl-Afrika t’Isfel.